Rispett sħiħ lejn l-ugwaljanza fid-diversità



STQARRIJA MILL-ISQFIJIET TA’ MALTA U GĦAWDEX DWAR L-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR L-UGWALJANZA

Il-Konferenza Episkopali Maltija

Fil-Parlament bħalissa qed jiġu diskussi żewġ abbozzi ta’ liġijiet li l-għanijiet tagħhom huma li pajjiżna jippromovi l-ugwaljanza u li jaħdem biex tinqered kull forma ta’ diskriminazzjoni fis-setturi kollha tas-soċjetà.


Favur l-ugwaljanza u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni

Il-Knisja ma tistax ma tisseħibx mal-isforzi kollha li qed isiru biex f’pajjiżna jkun hawn ugwaljanza u tinqered kull forma ta’ diskriminazzjoni. L-ebda persuna m’għandha tiġi diskriminata minħabba l-kulur tal-ġilda, in-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon, l-età, l-opinjoni politika jew karatteristiċi oħra li jagħmluha persuna unika. Id-dinjità tal-bniedem hekk tirrikjedi. It-tagħlim tal-Knisja jagħti valur lil kull persuna mill-konċepiment sal-mewt naturali tagħha.


Il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon

Fl-istess ħin ma nistgħux ma nesprimux it-tħassib tagħna dwar ċerti klawżoli fl-abbozzi li għandhom implikazzjonijiet serji għax ser joħonqu l-libertà tal-bniedem. Il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon tal-persuni kollha li jgħixu f’Malta u f’Għawdex sa issa dejjem kienu mħarsa kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, mill-Konvenzjoni Ewropea kif ukoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hemm periklu serju li dawn l-abbozzi, jekk mhux emendati bil-għaqal u b’mod trasparenti, jipperikolaw dawn il-libertajiet fundamentali li dejjem gawdejna.


Id-dritt tal-ġenituri li jagħżlu l-iskejjel għal uliedhom

B’mod partikulari nappellaw li jibqa’ jiġi mħares id-dritt tal-ġenituri li jagħżlu liema skola jixtiequ għal uliedhom. Jekk jagħżlu skejjel tal-Knisja jew skejjel li għandhom etos partikolari, għandu jiġi assigurat li l-għażla tal-kapijiet u ta’ min imexxi dawn l-iskejjel ikunu persuni li jħarsu u jippromovu l-etos u l-valuri ta’ dawk l-iskejjel. Dawn l-għażliet m’għandhomx jiġu meqjusa bħala diskriminatorji. B’hekk ikun salvagwardjat id-dritt tal-ġenituri – dan ukoll dritt fundamentali – li l-edukazzjoni u t-tagħlim li jirċievu wliedhom ikun b’konformità mal-konvinzjonijiet reliġjużi u filosofiċi tagħhom.

L-etos tal-iskejjel tal-knisja

Il-principji, il-valuri u l-etos tal-iskola ma jiġux mgħoddija biss waqt il-lezzjoni tar-Reliġjon imma f’suġġetti varji inkluż il-PSCD, l-istorja, il-letteratura, tagħlim ambjentali, ix-xjenzi, il-lingwi u suġġetti oħra kif ukoll waqt attivitajiet oħra fl-iskola u barra minnha u dawk ko-kurrikulari. L-għażla tal-edukaturi għandha tkun b’mod li l-persuni huma idonei għat-tkattir tal-etos tal-iskola waqt is-suġġetti u l-attivitajiet kollha, u mhux indifferenti jew saħansitra ostili għalih.


Id-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza

Il-liġi dwar l-ugwaljanza għandha tinkludi d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza. Dan sabiex ikun assigurat li ħadd ma jiġi mġiegħel jagħmel jew ikun parti jew jippromwovi jew saħansitra jipparteċipa f’attivitajiet li jmorru kontra l-kuxjenza, u l-prinċipji u l-valuri li tħaddan dik il-persuna.

Għandu jiġi wkoll żgurat li ma jinħolqux strutturi paralleli għal dawk tal-Qrati tal-pajjiż li, bil-għan dikjarat li jippromovu l-ugwaljanza, ikunu fil-prattika u indirettament qegħdin joħonqu drittijiet oħra u jagħmluha aktar diffiċli għall-persuni li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-prinċipji spjegati hawn fuq jistgħu jsaħħu dan l-abbozz ta’ liġi biex f’pajjiżna jkollna ugwaljanza u ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Huma prinċipji li jiċċelebraw id-diversità u mhux l-uniformità. L-ugwaljanza vera tirrispetta lil kulħadd, tagħti spazju għad-differenzi u tiċċelebrahom, mhux teliminahom.


✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
President tal-Konferenza Episkopali Maltija


✠ Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex


✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta