Kif ir-Rivoluzzjoni Franciża kkundizzjunat lill-Knisja


Fl-istorja tagħha, il-Knisja Kattolika għaddiet minn żminijiet li ħallew il-ġrieħi tagħhom. Tassew li l-maltemp u l-bnazzi t-tnejn jgħaddu, imma l-marka li jħallu ġrajjiet kbar tibqa’ hemm. Naħsbu ftit dwar l-effett tar-Rivoluzzjoni Franċiża fuq ir-relazzjoni bejn Knisja u Stat fi Franza. Kienet ġrajja li għaġnet il-kultura tal-pajjiż.

Ir-Rivoluzzjoni Fraċiża hi meqjusa bħala l-‘omm tar-rivoluzzjonijiet’; mhux għax kienet l-ewwel rivoluzzjoni fuq firxa kbira ta’ fatturi, ta’ filosofija, liberaliżmu, nazzjonaliżmu, ġlieda tal-klassi u għatx għal-libertà, imma wkoll minħabba l-impatt li għamlet fuq il-bqija tad-dinja. Qabilha diġà kien hemm il-ġamar lest biex jaqbad, bħal fil-ktieb ta’ Adam Smith, Indaġni fuq ir-rikkezza tal-Pajjiżi, fl’1776, li witta t-triq għar-Rivoluzzjoni Amerikana.

Ir-Rivoluzzjoni

Fi Franza kien hemm ir-‘Regim il-Qadim’ (l-Ancienne Regime), sistema fewdali bażata fuq is-servizz tal-fqir lejn is-sinjur. Kien fuq tliet livelli, il-kleru, in-nobbli u l-bqija tal-poplu. Il-Knisja Franċiża, bħala istituzzjoni, kienet il-pilastru tar-‘Reġim il-Qadim’. Fit-tieni nofs tas-seklu 18 il-finanzi tal-pajjiż kienu fi stat ħażin. Raġuni minnhom kienet l-għajuna li ngħatat biex seħħet ir-Rivoluzzjoni Amerikana. Kien hemm il-ġuħ u n-nuqqas ta’ xogħol.

L-assedju fuq Bastilja

Għalkemm ir-Re Lwiġi XVI beda jerħi xi ftit, l-iżbalji tiegħu żiedu biex tissaħħan il-qiegħa. Ma niżlitx tajjeb man-nies meta neħħa ministru popolari. Il-poplu ngħaqad kontra r-reġim, ġie attakkat il-ħabs ta’ Bastilja, li ironikament minnu nħelsu biss 4 erba’ min-nies. Madankollu l-attakk kien simbolu ta’ rivolta. L-għajta kienet: Libertà, Ugwaljanza u Fraternità. Inħolqot l-Assemblea Nazzjonali li qalbet il-folja tal-politika tal-pajjiż.

Meta spiċċa r-‘Regim il-Qadim’, għall-bidu l-Knisja Franċiża ma kinitx kuntrarja għar-riformi, filwaqt li l-Istati Ġenerali, li nħolqu bir-rivoluzzjoni, ma kinux ostili lejha, minkejja l-preżenza ta’ xi deputati antiklerikali. Uħud li kienu sehem mill-Assemblea kienu Kattoliċi sinċieri li kienu jipprattikaw regolarment il-fidi tagħhom. Oħrajn kienu Kattoliċi għal xejn ħlief biex ikunu konformi mal-bqija. Relattivament ftit kienu antireliġjużi jew ostili u saħansitra kienu jżommu li r-reliġjon hi neċessarja u li hemm bżonn li jibqgħu ir-rwoli soċjali u edukattivi tal-Knisja Kattolika. Wara kollox l-Assemblea Nazzjonali kellha bżonn aġenti lokali bħall-Kappillani biex tispjega d-digriet tagħha lill-poplu u tgħallem lill-injoranti d-doveri tagħhom politiċi.

Fil-bidu ta’ Novembru 1789, fit-tentattiv biex jirrisolvu l-kriżi finanzjarja, il-propjetajiet ekkleżjastiċi kollha ġew imqiegħda “għad-dispożizzjoni tan-nazzjon, u l-Knisja kienet inkarigata li tieħu ħsieb l-ispejjeż raġunevoli tal-kult, is-sosteniment tas-saċerdoti u l-assistena lill-foqra.’ Din in-nazzjonalizzazzjoni tal-beni tal-Knisja ġabet magħha ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni ekkleżjastika, billi issa l-istat kellu jpprovdi s-sosteniment finanzjarju tal-Knisja għat-tagħlim u għall-assistenza lill-morda u lill-foqra.

Kostituzzjoni ġdida

Il-Kostituzzjoni Ċivili tal-Kleru, approvata fit-12 ta’ Lulju 1790, bla dubju ddegretat ħafna riformi neċessarji. Id-djoċesijiet ġew rijorganizzati b’mod li t-territorji tagħhom qablu mad-dipartimenti ċivili, id-djoċesijiet żejda tneħħew, anke l-parroċċi ġew organizzati b’mod iktar erwieħ. Il-kurati kellhom jiġu nominati mill-parroċċi, imma dawk f’karigi għola u l-isqfijiet kellhom jiġu eletti; id-dħul tal-isqfijiet u s-saċerdoti kellhom ikunu gradwati skont il-bażi tar-responsabbiltà pastorali, stabbiliti b’mod ċar. L-Isqfijiet kellhom joqogħdu fid-djocesi tagħhom u s-saċerdoti setghu ikunu mneħħija mill-inkarigu tagħhom jekk ikunu qed jitbiegħdu mis-sede tagħhom jew jekk jassumu impieg li jfixkel id-doveri tagħhom pastorali.

L-Assemblea Nazzjonali

L-Isqfijiet ma setgħux jaġixxu b’mod indipendenti mill-vigarji tagħhom u kellhom isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-pariri, li d-deċiżjonijiet kenu jgħaddu permezz tagħom. Ir-rikorsi tal-isqfijiet kellhom jiġu preżentati lill-Arċisqfijiet metropolitani jew lill-kunsill tagħhom u mhux lill-awtortajiet tal-Vatikan. L-isqfijiet il-ġodda kellhom ikunu f’komunjoni mal-Papa, imma mingħajr ma jitolbu l-konferma tiegħu għan-nomina tagħhom. Fil-qosor il-Kostituzzjoni Ċivili tal-kleru qiegħed fil-prattika xi prinċipji l-iktar estremi, ibbażati fuq il-ħsibijiet tat-teologu Franċiż Edmond Richer li għex bjen l-1559 u l-1631. Il-miżuri l-ġodda ġew imposti mill-awtoritajiet ċivili fuq il-Knisja. Kienu jittattaw mid-dixxiplina u mill-organizzazzzjoni tal-kleru, imma mhux mit-tagħlim dommatiku u dottrinali tal-Knisja. Il-Kostituzzjoni rrikonoxxiet il-primat ta’ unur tal-Papa imma mhux il-primat ta’ awtorità jew ġurisdizzjoni. Il-Knisja baqgħet iżżomm id-dritt għall-unita’ tal-fidi u l-għaqda mal-Papa, bħala l-kap viżibbli tal-Knisja universali.

Kontroll mill-Istat

Il-biċċa l-kbira tal-Isqfijiet u tas-Saċerdoti Franċiżi kienu favorevoli biex jinstabu modi li jagħmlu l-Kostituzzjoni aċċettabbli, anke jekk kien hemm diffikultajiet ovvji. Il-Kostituzzjoni aboliet ħafna parroċċi fir-rħula. Is-sistema elettorali implikat li n-nomini tal-ekkleżjastiċi jkunu f’dejn grupp ta’ votanti li minnhom ma kien hemm l-ebda rappreżentant ta’ Isqfijiet jew ta’ Saċerdoti, imma kienu jinkludi atej u eretiċi, nies antiklerikali u anke magħrufin sew għall-ħajja xellerata tagħhom. Il-kleru Franċiż, indifferenti għax-xorti tal-ordnijiet reliġjużi jew għall-privileġġi tal-awtoritajiet tal-Vatikan, ma riedux jissagrifikaw il-liberta’ reliġjuża tagħhom għall-istat, filwaqt li l-Isqfijiet m’għoġobhomx li jkunu mposti fuqhom restrizzjonijiet ġodda.

F’Mejju tal-1790 l-Arċisqof ta’ Aix en Province, Jean de Dieu-Rayond de Bosgelin de Cucé, ried li jpoġġi l-kwestjoni lil sinodu episkopali, jew kunsill nazzjonali jew xi alernattiva għall-papa. Imma dawk tal-assemblea Nazzjonali ma ridux li jinzam sinodu jew konċilju li setgħu jgibu propaganda kontro-rivoluzzjonarja u ma kienux interessati fl-opinjoni tal-Papa.

Dan kien żmien ta’ tensjoni għall-Knisja Kattolika fi Franza. Għalkemm il-kleru u l-Isqfijiet urew li mhux aċċettabbli li jsiru riformi li jaffettwaw l-Knisja mingħajr l-approvazzjoni tal-Vatikan, ir-riformi saru u l-konsegwenzi tagħhom qegħdin sal-lum fil-kultura tal-pajjiż.

Joe Galea