Bħal għada 25 sena ilu


Għada, is-Sibt, id-19 ta’ Settembru 2020, il-Mulej jagħtini l-grazzja li nagħlaq 25 sena mill-ewwel professjoni reliġjuża tiegħi fi ħdan l-Ordni Franġiskan Kapuċċin. U, għada, għal min hu Naplitan, jiċċelebra ukoll il-festa ta’ San Gennaro Isqof u martri tal-Knisja li nqatel matul il-persekuzzjoni tal-Imperatur Dijoklezjanu.San Gennaro! Il-magħruf demm ta’ San Gennaro! Id-demm li jinħall! Fil-festa tiegħu! In-Naplitani jibżgħu tgħidx kemm jekk dan id-demm jibqa’ iebes ġebla u ma jinħalx! L-għaliex għid li saram kbir hemm lest għalihom! Għalhekk, viva d-demm ta’ San Gennaro meta jinħall! U, jekk jogħġbok, għażiż demm, fittex inħall!

Kos hux! Il-Mulej tani grazzja li nagħmel l-ewwel professjoni tiegħi bħala Franġiskan Kapuċċin f’festa fejn fiha jinħall id-demm. U x’diżgrazzja jekk dan id-demm ma jinħallx! Il-messaġġ għalija hu tabilħaqq qawwi u ċar! Anzi! Tant kemm hu qawwi li ma nistax le, għal waqt wieħed biss, naħrab minnu! Id-demm qiegħed hemm biex jinħall. Inkella kif ħa jingħata? Int immaġina li kieku demm Sidna Ġesù Kristu baqa’ biss jiġri fil-vini tiegħu? Seta’ jingħata? Seta’ jsaqqi l-art li fuqha kien jimxi u jippriedka? U, fuq kollox, seta’ jingħata għan-nies li tant kellhom u għad għandhom bżonn l-għajnuna tiegħU? Żgur li le ħbieb!

Għalhekk, dan id-Demm, huwa d-Demm tad-dmija! Id-Demm li jsaffi! Id-Demm li jagħti l-ħajja! Għax hu l-ħajja! U l-ħajja bil-kotra! Dan id-Demm, li hu l-ħajja, għadu jiġri f’dawk kollha li jħobbuH tassew! F’dawk kollha li jirriskjaw għalih! F’dawk kollha li, meta sejħilhom biex jaqduh, ma rgħawx lilhom infushom. Ma simnux minn fuq dahar in-nagħaġ li suppost kellhom jagħtu ħajjithom għalihom. Dan id-Demm jaf b’ħaġa waħda: Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott (Ġw 12:24).

Dan id-Demm isieħeb u mhux jeskludi! Għax Kristu ġie għal kulħadd. Hu qal: Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu (Ġw 3:17). U f’każ li xi ħadd ifettillu mqar, għal waqt wieħed, jinsa’ din il-ħniena ta’ Alla l-Missier lejna, midinbin, ħa jiftakar fid-Demm li xerred għalina s-Salvatur! Ġesù Kristu l-Mulej!

Id-Demm ta’ Kristu, il-ħajja! Hu kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux (Ġw 1:4-5). Dan hu d-Demm ta’ Kristu: il-ħajja u d-dawl! Għalhekk liema mewt tista’ twaqqaf dan id-Demm milli jaħdem b’daqshekk qawwa? U liema dlam jista’ imqar, għal xrara ta’ mument, idallam iċ-ċarezza tal-fidwa li jġib dan id-Demm?

Wara ħamsa u għoxrin sena li għamilt l-ewwel voti mqaddsa, tas-safa, tal-faqar u tal-ubbidjenza, qed inħares bid-dmugħ f’għajnejja lejn dan id-Demm. Lejn din il-ħajja! Mhux tiegħi tafux! Imma tiegħU! U, fis-skiet, qed ngħid: Kos hux! X’ħajja għex fostna! Kemm Demmu baqbaq! Għax dejjem lest biex jagħmel xi waħda! Għax Demmu ma kienx ma jtihx li jagħmilha! Iva! Ma kien hemm l-ebda ċirkustanza, waħda li hi waħda, fejn fiha ma tahx ħajtu. U taha kollha f’daqqa! Qattra waħda li fiha hemm miġbur dak kollu li kellu jagħmel! Għax, baqa’ jħobb sal-aħħar (ara Ġw 13:1).

X’ferħ ikolli fija meta nara ħajti fid-dawl tal-ħajja ta’ Kristu! Meta nara demmi f’Demmu! Għax Ġesù, il-Midluk, bit-tifkira tiegħU biss diġà jidlikni! Diġa’ isaffini! Diġà jagħtini dik il-qawwa biex nibqa’ għaddej! Dak il-ferħ li ħassejt 25 sena ilu, li mhux kulħadd fehmu, bħalma ma stajtx nifhmu anki jien, hu l-ferħ li joħroġ mid-Demm ta’ Kristu! Dak id-Demm li jibqa’ jemmen li dik il-qalb ċkejkna, għalkemm donnha bħas-silġa li nitfgħu mal-ilma, il-luminata jew mal-birra, żgur li xi darba se tinħall! U, bl-imħabba tiegħU ta’ Alla, jibqa’ jittama sal-aħħar li tinħall!

Għeżież, irid ikollok demm biex tibqa’ tittama b’dan il-mod tafux! U mhux tinġarr mal-pessimiżmu li hawn idur fis-soċjetà, u li qed initten lill-familji, lill-komunitajiet ta’ ħajja ikkonsagrata u lill-Knisja stess. U, biex ikollok dan id-demm, trid tkun maqgħud mad-Demm, mal-ħajja ta’ Kristu, ma’ Demmu, li, bi grazzja kbira u żgur li mhux għax jistħoqqli, għandi l-grazzja li niċċelebrah kuljum fil-quddiesa.

Għalhekk, huwa dan id-Demm, id-Demm tas-Salvatur tagħna, li ma jħallini qatt kwiet milli nsemma’ il-messaġġ li jagħtini l-Mulej: xogħlok ja patri hu mal-morda! Ibda’ minnek, ja patri Kapuċċin! Anzi! Ibda’ minnek, Patri Mario Attard OFM Cap! Iva! Ibda’ minnek Patri Mario! Għax Ġesù, f’dawk il-morda, u fil-familjari tagħhom, u anki fl-istaff u fin-nies li jiġu bil-gzuz għall-kura fl-onkoloġija, qed jitlobni li demmi jinħall għalih fihom! Demmi jrid jixxerred għalihom! Għax demmi mhux tiegħi imma tagħhom! U demmi ma ġiex maħluq biex joqgħod magħluq f’kamra tal-kunvent, jiekol u jixrob u mix-xogħol jiżloq! Demmi ma ġiex maħluq biex jissakkar! Ħa jfittex is-sigurtajiet u t-timetable tiegħu! Mela grazzi Mulej li almenu jekk ismek jippruvaw jifgawh ħa jidwi fil-qaddej tiegħek Papa Franġisku li qatt ma waqaf ifakkarna dwar dan!

Għax demmi, kuljum, fil-quddiesa mqaddsa, jissaqqa u jitmantna mid-Demm ta’ Kristu! Dak id-Demm li joħroġ għal kulħadd! L-aktar għad-dgħajfa f’saħħithom! U jien, li jiena stess pazjent tal-imatoloġija fl-onkoloġija, aktar nista’ napprezza l-qawwa tad-demm. L-għaliex kull qattra ta’ ħajti hi rigal mill-Mulej biex nagħtiha u qatt biex noħodha lura!

Din hi t-talba tiegħi f’għeluq il-25 sena mill-ewwel professjoni tiegħi bħala Patri Kapuċċin: li nibqa’ nagħti demmi, jiġifieri nagħti ħajti, għal Ġesù fil-morda! U demmi ma jtinix milli din it-talba ma nagħmilhiex pubblika. Ħa tinstema’ fejn għandha tinstema’. U tinstema’ minn min għandha tinstema’. Hekk li tasal sal-quċċata tas-sema u tidħol f’kull uffiċċju li ssib miftuħ quddiemha. Il-morda jeħtieġuni! Il-Knisja għandha bżonni! U anki l-Ordni Kapuċċin għandu bżonni biex qatt ma jwarrab, imma jgħożż, u jerġa’ jibda’ jitgħallem jgħożż u jikber u jissaħħaħ minfejn beda: minn mas-sodda tal-marid fl-isptarijiet! Għalhekk ma nistax, bħala Patri Kapuċċin, ma nagħtix demmi għall-morda! Għax dik hi s-sejħa tiegħi minn qaddisi! Dik se nibqa’ inħabbar! Dik se nibqa’ ngħix! U dik se nibqa’ intambar fuqha! Sakemm għajnejja jingħalqu għal dan it-taħbit u nieket (S 90:10) sakemm jerġgħu jinfetħu għad-dawl li ma jintemm qatt!

Dan hu li għada se niċċelebra! Mhux ħa niċċelebra xejn aktar għajr DemmU f’demmi li jrid jibqa’ jinħall għall-morda! Fl-isptarijiet tagħna! Ibda’ miċ-Ċentru tal-Okoloġija Sir Anthony Mamo. Il-post fejn demmi qed jiġi ikkurat. Ħalli nibqa’ inxerrdu f’servizz lil ħutna l-morda bħali. Li jien tant inħobb. Għax Ġesù ħabbni fihom u bihom mill-bidu.

San Franġisk, Santa Fawstina, San Leopoldu Mandic u San Gennaro, itolbu għalija biex demmi jibqa’ jbaqbad bħal tagħkom! Għal Ġesù f’ħutna l-morda! Amen!

Ad multos annos demm!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.