Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Print Friendly, PDF & Email

Fl-24 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu, Verġni li għexet bejn is-snin 1914 sa 1939.

Marija Sagheddu – l-isem Gabriella żdied wara li daħlet reliġjuża – twieldet f’Sardinja, fis-17 ta’ Marzu 1914, il-ħames minn tmien ulied li sfaw orfni minn missierhom f’età żgħira. Kellha tfulija sempliċi ħafna. Meta ommha ħajritha tidħol fl-Azzjoni Kattolika, Marija għall-ewwel ma riditx għax dehrilha li kienet għadha mhix ippreparata tagħmel id-dmirijiet tagħha sewwa, iżda mbagħad daħlet b’ruħha u ġisimha.

F’Marija kienu jidhru l-karatteristiċi ta’ fedeltà, sens kbir ta’ dover, qawwa ta’ karattru u safa intransiġenti – kif ukoll dawk ftit u xejn negattivi: ras iebsa u xi ftit vjolenti. Ma kinetx tfajla li minn ċkunitha wriet sinjali ta’ qdusija. Wara l-mewt t’oħtha ż-żgħira, Marija ta’ 18-il sena, iltaqgħet mal-Mulej f’ċirkustanzi li ma tantx nafu fuqhom – nafu biss li ta’ din l-età ħajjitha nbidlet għal kollox, u tat lilha nfisha għal ħajja ta’ talb u għall-prattika sħiħa tar-reliġjon, kif ukoll iddedikat ruħha għall-ħidma ta’ karità. Bdiet tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u tassisti lill-anzjani tal-villaġġ tagħha.

Ta’ 21 sena, bl-għajnuna tal-kappillan, iddeċidiet li tikkonsagra lilha nfisha kollha kemm hi ’l Alla u tingħaqad mas-sorijiet Trappisti fil-monasteru ta’ Grottaferrata, qrib Ruma. Fi tmiem Settembru, 1935 sellmet għall-aħħar darba lil pajjiżha u lil niesha. Fit-13 ta’ April, 1936 ħadet il-libsa reliġjuża u fil-31 t’Ottubru tal-istess sena pprofessat bl-isem ta’ Marija Gabriella.

Żewġ elementi li nsibu jaħkmu l-ħajja ġdida ta’ Gabriella fil-ħajja monastika: l-ewwel kien li tħossha li għandha trodd ħajr lil Alla għall-ħniena li wera magħha li sejħilha biex tkun kollha kemm hi tiegħu. Kienet tħobb ixxebbah lilha nnfisha mal-Iben il-Ħali li reġa’ lura f’dar missieru. It-tieni element kien ix-xewqa li twieġeb għal din il-grazzja li taha Alla bil-ħeġġa kollha tagħha biex, dak li beda Alla magħha, jiġi mitmum sal-aħħar.

F’jum il-professjoni, li ħabat nhar il-festa ta’ Kristu Re, għamlet “l-offerta żgħira” tagħha: “Mulej, agħmel minni dak li trid.” U kien propju l-Mulej li aktar ’il quddiem wassalha biex toffri ħajjitha għall-Għaqda bejn il-Knejjes. Ta’ 24 sena ħassitha mqanqla mill-kliem tal-ittra ta’ Father Paul Couturier, l-Appostlu tal-Ekumeniżmu, fl-ittra li kiteb lil Madre Badessa u talbet biex toffri ħajjitha biex isseħħ l-Għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-Badessa la wieġbet iva lanqas le, iżda talbitha biex taħsibha sew u wara titkellem mal-kappillan. Dan qabel mat-talba. Saret l-offerta u ġiet aċċettata.

Ftit jiem wara, f’Marija Gabriella bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda avvanzata tat-tuberkolożi li kellha twassalha sal-qabar wara 15-il xahar ta’ tbatijiet. L-agunija tagħha ntemmet fit-23 ta’ April, 1939. Kien it-Tieni Ħadd fuq l-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj Divin. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar, 1983, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes, il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar, iddikjaraha Beata. Il-Papa sejjaħ lil din il-Beata ġdida: “Gabriella tal-Unità.”

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: