L-Enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġisku, Fratelli tutti


Patri Silvestru Bonavia, franġiskan kapuċċin, kien intervistat fuq Radju Marija dwar l-Enċiklika l-ġdida tal-Papa “Fratelli tutti” (Ilkoll Aħwa). 

Enċiklika twila tassew, mimlija tagħlim attwali tal-Knisja li l-Papa Franġisku jixtieq iwasslilna.  Patri Silvestru jitkellem dwar l-aħħar diskorsi tassew sbieħ tal-Papa Franġisku f’dawn l-aħħar jiem, b’mod speċjali d-diskors tassew importanti u sabiħ li hu wassal lill-kapijiet tan-nazzjonijiet, tlett ijiem qabel ma ħareġ l-Enċiklika, f’konferenza virtwali organizzata mill-Ġnus Magħquda. 

Imbagħad jipprova jwasslilna l-punti ewlenin tat-tagħlim li l-Papa jrid iwasslilna f’din l-istess Enċiklika.  U fl-aħħar kelmtejn qosra ħafna dwar dan kollu li lkoll nistgħu nibqgħu niftakru u nipprattikaw biex aħna wkoll inkunu tassew “Ilkoll Aħwa”.

  1.  Il-Papa Franġisku nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru mar Assisi u ffirma fuq il-qabar ta’ Missierna San Franġisk din l-Enċiklika ġdida, it-tielet waħda tiegħu, fuq l-għaqda sħiħa bejn il-bnedmin li  aħna “Ilkoll Aħwa”.  Imma qabel nitkellmu fuq din, għidilna xi ħaġa dwar l-aħħar dokumenti mportanti ħafna ta’ Papa Franġisku kważi fuq l-istess linja.

Nibdew bl-Enċiklika l-oħra, b’suġġett ukoll li jurina kif il-Papa kien ispirat minn San Franġisk: ‘Laudato Sì’, kliem meħud mill-Kantiku tal-qaddis li fih jistieden lill-ħolqien kollu jfaħħar lill-Mulej; hekk ukoll aħna l-bnedmin tallum irridu nfaħħru lill-Mulej billi nibżgħu għall-ambjent kollu madwarna; inkunu grati li rċivejnieh minn Alla permezz ta’ dawk li għexu qabilna imma nużawh b’responsabbiltà biex ngħadduh aħna wkoll lil ta’ warajna, uliedna u wlied uliedna.  L-ambjent huwa wirt li rċivejna u għandna ngħadduh aħjar u isbaħ milli rċivejnieh.  Imma b’dispjaċir ngħidu li mhux dejjem u kullimkien, wisq inqas f’kollox, ma huwa jsir hekk!

Patri Silvestru Bonavia ofm cap
mal-Papa Franġisku

Imbagħad il-Papa Franġisku għamel diskors veru ta’ Papa, li fih bħala missier ta’ kulħadd, li jħoss għal uliedu kollha, nhar il-25 ta’ Settembru li għadda lill-Kapijiet tal-Gvernijiet u l-Mexxejja tal-Popli; veru li did-darba minħabba l-qagħada hi kif inhi ma marx fil-Ġnus Mgħaquda fi New York għax il-laqgħa kienet virtwali; imma xorta waħda ngħaqad mal-mexxejja kollha tad-dinja permezz ta’ konferenza bl-internet biex wassal il-messaġġ qawwi tiegħu.  Fih wera r-responsabbiltà ta’ kulħadd, il-ġnus kollha u l-mexxejja tagħhom u l-Knisja kollha: Il-Papa, l-Isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi u l-poplu kollu t’Alla: Jiena u inti lkoll: sejħa biex kulħadd jagħti sehemu mill-aħjar li jista’ biex quddiem il-kriżi u l-qagħada imwegħera tal-Coronavirus, niġbru l-forzi kollha tagħna biex ngħinu b’mod speċjali lil min hu ifqar minna, noħorġu minn din il-qagħada kemm nistgħu aħjar.  Appell ħerqan lil kull min għandu l-mezzi: kemm jekk pajjizi għonja, kemm jekk individwi jew soċjetajiet jew negozjanti, u wkoll l-investituri anke fir-riċerka tal-mediċina adatta biex din tasal ukoll għand min ma jistax iħallas.  Fuq kollox f’dan id-diskors il-Papa Franġisku tkellem fuq il-Familja, id-dinjità tal-omm u t-tfal: “Hija ħaġa li tnikktek” qal il-Papa, “Tara kemm hu ħafif għal xi wħud li jridu jsolvu l-problemi bl-abort”.  Mhux ta’ b’xejn dan id-diskors ġie msejjaħ diskors ‘maġisterjali’, ta’ wieħed għalliem tassew.  Hekk tkellmu diversi ġurnalisti u kummentaturi, anke ‘lajċi’ (mhux insara jew reliġjużi)!  U dan il-Papa Franġisku biss seta’ jagħmlu fil-qagħada dinjija li hija nieqsa ħafna minn mexxejja politiċi tassew kbar ta’ statura mondjali!

Fit-22 ta’ Settembru ta’ qabel, Papa Franġisku  permezz tal-Kongregazzjoni tal-Fidi approva li jiġi mxandar dokument importanti ħafna ‘il-Ħanin Samaritan’, fuq il-kura kontinwata lill-morda b’mard terminali.  Appell mimli ħniena u mħabba lil dawk kollha li jgħinu b’kull mod lil dawn hutna morda u l-familjari tagħhom.  Min qed jagħmel dan, – u għandna ħafna fostna li jwettqu dan, u jien rajtu b’għajnejja għal 10 snin sħaħ – ikompli bi mħabba akbar u mpenn ġeneruż.

Fl-Udjenza ġenerali, l-ewwel waħda bis-sehem ta’ ftit nies ukoll, ftit qabel il-Papa tkellem fuq il-ħtieġa li nibnu s-Saltna t’Alla fostna: “Nieħdu ħsieb il-foqra f’kull sens, il-batuti biex ilkoll flimkien nibnu l-familja ta’ Alla fostna”.

Dak inhar ukoll, fit-30 ta’ Settembru, il-Papa Franġisku xandar Ittra Appostolika f’għeluq is-16-il mitt sena mill-mewt ta’ San Ġilormu, duttur tal-Knisja li ħadem bla heda, jistudja u jittraduċi l-kelma t’Alla f’ilsna iktar magħrufa mill-Grieg għall-poplu. Imħabba bi mpenn għall-Kelma t’Alla biex fuqha nfasslu l-imġieba kollha tagħna u ngħixu aktar bħal Ilkoll Aħwa,  inkunu tassew is-Saltna t’Alla fostna u magħna.

F’dawn il-kelmtejn qabel, nixtieq insemmi li din l-Enċiklika sabet postha fl-Osservatore Romano tal-4 t’Ottubru, li hija l-gazzetta ta’ kuljum tal-Vatikan, il-Vuċi tal-Papa.  Imma dak inhar sabet il-gazzetta b’libsa u format ġdid mill-1 ta’ Ottubru. Din hija parti oħra mir-riforma wkoll tal-Kurja Rumana biex il-messaġġ tal-Papa jasal aħjar u f’libsa u mezzi aktar jappellaw għall-bniedem tallum.

Issa din l-Enċiklika ġdida: Fratelli tutti – Ilkoll Aħwa?

Il-messaġġ fundamentali li l-Papa jrid iwassal huwa dak li ilu jitkellem fuqu mhux biss f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur ukoll, imma kważi tmien snin li ilu Papa.  Għax  kull wieħed u waħda, kull pajjiż u nazzjon, kull xjenzjat f’pajjiżu jibqa’ jaħdem għal rasu jew għal rasha. Nibqgħu nibnu ħajjitna b’mod individwalistiku, jiġifieri, jien nibqa’ naħseb fl-interessi tiegħi, jien kif ser inkun aħjar, jew xi ħaga agħar, kif anke naraw u naqraw, kif jien nistgħana xi drabi bi skapitu tal-oħrajn. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed nitbiegħdu ħafna mill-iskop ta’ Alla nnifsu fl-opra tal-ħolqien.  Alla jridna naħsbu f’xulxin, ngħinu lil xulxin, għax aħna ma nistgħux nerġgħu lura għall-ħajja normali ta’ qabel kif qed jgħidu u jbassru xi wħud.  Il-Papa ilu jtenni ħafna: jekk nagħmlu dan ma nkunu tgħallimna xejn minn din il-pandemija.  Ma nkunux għarafna l-messaġġ li Alla qed jagħtina u jrid jagħtina b’dak kollu li għaddejjin minnu!

Infatti ftit wara l-bidu tal-Enċiklika Ilkoll Aħwa il-Papa jiddedika biċċa twila sewwa b’riflessjonijiet twal fuq il-parabbola tal-ħanin Samaritan. Ir-riflessjoni tiegħu fuq dawk l-ewwel tnejn li għaddew u raw lis-samaritan mixħut mal-ġenb tat-triq, nofsu mejjet u mbiċċer.  Il-Papa dawn iqabbilhom ma’ dawk kollha li minħabba impenji oħra, anke jekk importanti li għandhom, ma jsibux ħin jaħsbu f’min qiegħed ibati. Għalhekk il-Papa jappella lilna lkoll biex ma nkunu qatt hekk: “Illum kulħadd għandu ħafna x’jagħmel u ftit għandna ħin naħsbu f’ħutna. Ninsew li aħna Ilkoll Aħwa. Nippruvaw noħorġu minna nfusna u nħarsu lejn l-oħrajn bħallikieku dan huwa Ġesù stess, ieħor, li qed jitlob lili l-għajnuna, f’dan il-waqt”.

Kif inhi mqassma din l-ittra Enċiklika?

L-ewwel nett l-Enċiklika, għat-tieni darba fl-istorja,  għandha isem bit-Taljan meħud minn kliem San Franġisk minn waħda mill-Ittri tiegħu indirizzati lill-ħutu l-bnedmin. L-ewwel waħda kienetLaudato Sì.  Permezz ta’ dik l-Ittra tiegħu, San Franġisk isejjaħ b’ħerqa kbira lill-bnedmin kollha biex jgħixu bħala Aħwa.  Kull Ittra Enċiklika tal-Papa kien ikollha isem bil-Latin u b’dan l-isem kienet tigi kkwotata ukoll f’ilsna oħra għax hekk kienet tkun u tibqa’ magħrufa.  Did-darba l-isem huwa l-kliem preċiż li uża San Franġisk “Fratelli tutti” (Ilkoll Aħwa) u l-isem uffiċjali mhux tradott f’ilsien ieħor, ikun liema jkun.  L-Enċiklika għandha tiġi dejjem ikkwotata hekk.

L-Ittra Enċiklika fiha daħla li fiha l-Papa juri li mhux ser jitkellem: “Fuq it-tagħlim dwar l-imħabba bejn l-aħwa, imma fuq l-importanza ta’ din fid-dimensjoni universali, imħabba li tkun miftuħa għal kulħadd” (par 7).  Imbagħad fl-ewwel kapitlu il-Papa Franġisku jitkellem fuq: “Id-dellijiet f’dinja magħluqa u xi tendenzi li naraw b’għajnejna li jfixklu l-iżvilupp tal-fraternità universali” (par 9).  Għax hija ħtieġa li nitgħallmu nħarsu aktar madwarna, niftħu għajnejna sewwa, biex naraw lil ħutna, qrib jew mhux tant qrib, u aħniex naqsmu ħajjitna magħhom bħala Ilkoll Aħwa.  Hekk ħadd ma jkun meqjus bħala “skart” (suġġett ħafna għal qalb il-Papa) u d-drittijiet tassew tal-bniedem jistgħu jitgawdew mill-bnedmin kollha.

Fit-Tieni Kapitlu, il-Papa Franġisku, kif għidna qabel, jagħmel riflessjonijiet twal u dettaljati fuq il-parabbola ta’ Ġesù dwar il-Ħanin Samaritan. Din fiha ħafna tagħlim li kulħadd jista’ japplikah għalih, fl-istil sempliċi, popolari u ħafif. Fuq kollox itemm dan billi jistieden lil kulħadd biex naraw tassew lil Kristu f’ħutna: “Jien kont barrani u inti ma lqajtnix jew inti lqajtni”. Kemm tkun sabiħa l-Kelma ta’ Kristu għalina fil-ġudizzju li nisimgħuh jgħidilna: “Jien kont barrani u inti lqajtni”?

Għalhekk jien nistaqsi lili nnifsi:

Kif qed inġib ruħi ma’ ħuti madwari u oħrajn? Meta nista’ b’xi mod nagħti s-sehem tiegħi sabiex ilkoll nuru tassew li aħna Lkoll aħwa?

It-tielet kapitlu,  il-Papa jiddedikah “Biex naħsbu u niġġeneraw dinja aktar miftuħa”. Jekk irridu nħobbu tassew jeħtiġilna, l-ewwel, noħorġu minna nfusna u nibdew inħobbu lill-oħrajn bil-fatti.  Il-bniedem li jingħalaq fih innifsu ma jasal qatt biex jiżviluppa lilu nnifsu b’mod sħiħ.  U dan aktar w’aktar min irid jissejjaħ li huwa nisrani bil-fatti! Hekk irridu naħdmu lkoll biex flimkien nibnu soċjetà li fiha tintegra lil kulħadd; ħadd ma jħossu barrani u lkoll nibbenefikaw mill-ġid li l-Mulej jipprovdi u li meta naħdmu għalih flimkien u jinqasam bejn kulħadd, nistgħu ingawdu l-paċi u s-serenità fir-relazzjonijiet bejnietna, kemm bħala individwi, fil-familji tagħna, relazzjonijiet nazzjonali u anke internazzjonali. U dan iwassalna biex inġibu ‘l quddiem il-ġid morali, dak il-ġid li huwa tassew ġid, li jisfa ta’ ġid għall-bnedmin kollha!

Dan iwassal ukoll għall-bini ta’ solidarjetà vera fejn il-ġid jitqassam aħjar, inkluża l-proprjetà u l-art stess.

Fir-raba’ kapitlu l-Papa jwassalna biex b’dan kollu f’moħħna u f’qalbna nkunu miftuħin għad-dinja kollha, jiġifieri għall-bnedmin kollha u l-problemi tal-oħrajn. Nibdew almenu nħossu li dawn il-problemi huma tagħna wkoll, u tagħna lkoll. Hekk inkunu tassew Ilkoll Aħwa.  

Fil-kapitlu ħamsa l-Papa jitkellem fuq l-aħjar politika li tibni aktar għaqda u sens ta’ aħwa bejn il-popli. B’dispjaċir il-Papa jinnota mill-ewwel u jagħmel appell ħerqan biex l-individwaliżmu li nħoloq fin-nazzjonijiet jintrebaħ billi ninfetħu aktar għall-ħtiġijiet tal-oħrajn! Dak li huwa tassew il-ġid komuni jkun jista’ jasal proprju għand kulħadd.  (Ara par. 177 fejn il-Papa jitkellem “fuq l-abbuż mill-poter, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-liġijiet” u kif dawn għandhom jiġu mwarrbin għal kollox. )

177. Mi permetto di ribadire ċhe «la politiċa non deve sottomettersi all’eċonomia e questa non deve sottomettersi ai dettami e al paradigma effiċientista della teċnoċrazia». Benċhé si debba respingere il ċattivo uso del potere, la ċorruzione, la manċanza di rispetto delle leggi e l’ineffiċienza, «non si può giustifiċare un’eċonomia senza politiċa, ċhe sarebbe inċapaċe di propiziare un’altra logiċa in grado di governare i vari aspetti della ċrisi attuale».

Fis-sitt kapitlu l-Papa jitkellem fuq id-Djalogu u l-ħbiberija soċjali vera.  Din tgħinna nibnu flimkien soċjetà tassew ġusta, aktar u aktar meta l-mezzi tal-komunikazzjoni: ġurnali, radju, TV u l-mezzi soċjali kollha jintużaw għal dan il-għan.  

Parentesi għal riflessjoni fuq il-Beatu ġdid Carlo Acutis. Żagħżugħ ta’ 17-il sena (1991-2006) li għaraf juża dawn kollha biex iwassal il-valuri tal-Evanġelju. Il-qima lejn l-Ewkaristija, il-Madonna u aktar waqt li kien isib il-ħin u l-mezzi biex jgħin lill-fqar.

Fil-kapitlu sebgħa, il-Papa Franġisku jitkellem fuq il-mixja li rridu nagħmlu bħala nsara li nagħarfu nilqgħu l-istedina ta’ Ġesù biex dejjem naħfru lil xulxin u li ninsew; imma jirrifletti fil-fond dwar il-memorja anke dik nazzjonali li taħfer meta nazzjon, pajjiż jew komunità jkunu sofrew inġustament. Hawn tidħol ħafna li wieħed jagħder lil min sofra u forsi għadu jsofri u ngħinu aktar lil xulxin kemm hu possibbli. Nippruvaw ilkoll nitgħallmu mill-iżbalji li saru biex dawn ma jirreptux ruħhom. Imbagħad il-Papa jitkellem fuq il-gwerra u l-piena kapitali tal-mewt.

Fl-aħħar kapitlu,tmienja, il-Papa jesprimi l-kontribut li r-reliġjonijiet kollha jistgħu jagħtu għal dan il-għan sabiex ilkoll flimkien nibnu soċjetà dejjem aħjar fejn ilkoll ngħixu bħala aħwa ta’ xulxin.

Fl-aħħar nett il-Papa jispiċċa b’talbiet diversi għall-insara, kattoliċi u ħutna oħrajn, u wkoll dawk ta’ reliġjonijiet oħra. Din ukoll ħaġa tassew ġdida u sabiħa. Hekk ilkoll flimkien nagħtu sehemna biex inkunu tassew Ilkoll Aħwa.

L-aħħar domanda: Għidilna kelma waħda li aħna u s-semmiegħa jistgħu jibqgħu jiftakru:

  1. Jien x’sehem nista’ nagħti, madwari? Fil-familja, komunità fejn ngħix, fil-parroċċa, ħbieb, waqt ir-rikreazzjoni, mistrieħ eċċ.
  2. Nagħraf nuża dejjem aħjar il-mezzi soċjali: Mobajl, telefon, twitter, facebook; u aktar u aktar biex inkabbar bi kliemi u għemili, imġiebti. Hemm bżonn ta’ aktar għaqda fostna. Hekk inkunu tassew Ilkoll Aħwa.