Qari tal-Quddies ta’ San Luqa, Evanġelista. (F)


Stampa t-test tal-qari …

18 ta’ Ottubru
San Luqa, Evanġelista
Festa

QARI I
Tim 4: 9-17a

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż: Demas ħabb aktar lid-dinja, u ħallieni, mar it-Tessalonika; Krexxens mar il-Galazja, Titu d-Dalmazja. Luqa waħdu baqa’ miegħi. Aqbad ’il Marku u ġibu miegħek, għax hu jiswieli ħafna għax-xogħol. Lil Tikiku bgħattu Efesu. Meta tiġi, ġibli miegħek il-mantar li jien ħallejt fi Troas għand Karpu; ġib ukoll il-kotba, l-aktar il-parċmini. Alessandru, li jaħdem ir-ram, għamilli ħafna ħsara; il-Mulej iħallsu skont ma għamel.

Oqgħod attent minnu int ukoll, għax huwa fixkel ħafna l-kliem tagħna. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom!

Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex, bis-saħħa tiegħi, il-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 144: 10-13. 17-18

R/. Ħbiebek ixandru l-ġmiel ta’ saltnatek!

Kulma għamilt irroddlok ħajr, Mulej, u ħbiebek iberkuk;
is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Huma jgħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek
u l-ġmiel glorjuż tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna taż-żminijiet kollha,
u l-ħakma tiegħek minn nisel għal nisel. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15:16a

R/. Hallelujah.
Jiena għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Lq 10: 1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien: il-Mulej qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sa jmur hu.

U qalilhom: “Il-ħsad hu kbir, tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela ’l sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom, la but, la ħorġa, u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu ’l ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm bin is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġgħalkom lura għandkom.

Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru mingħand familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda tagħha, u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.