Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XXXII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Il-Baħar l-Aħmar sar triq bla tfixkil, u kienu qishom ħrief jaqbżu waqt li kienu jfaħħruk.
Għerf 18, 14-16; 19, 6-9

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Waqt li ħemda ta’ kwiet kienet taħkem fuq kollox,
u l-lejl kien jaqbeż nofs il-mixja tiegħu,
il-kelma setgħana tiegħek mit-tron tas-sultan tas-sema,
niżlet bħal ġellied qalil, f’nofs dik l-art misħuta,
bix-xabla misnuna tad-digriet tiegħek li dejjem sod.
Kif waslet, kullimkien imliet bl-imwiet;
kienet għadha tmiss mas-sema, hi u miexja fuq l-art.

Il-ħolqien kollu b’kulma fih sar mill-ġdid,
biex waqt li joqgħod bil-qima għall-ordnijiet tiegħek,
l-ebda ħsara ma ssir lil uliedek.
Sħaba tefgħet dell fuq il-kamp tagħhom,
art niexfa dehret ħierġa minn fejn qabel kien hemm l-ilma,
triq bla tfixkil minn ġol-Baħar l-Aħmar,
u art tħaddar flok ilmijiet qawwija.
Minn hemm għadda l-poplu kollu taħt kenn idek,
wara li ra għemejjel tal-għaġeb.
Kienu qishom żwiemel jirgħu
u ħrief jaqbżu
waqt li kienu jfaħħruk, Mulej, li ħlisthom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105), 2-3.36-37.42-43

R/. (5a): Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel il-Mulej

Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. R/.

Qatel l-ulied il-kbar kollha ta’ arthom,
l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.
Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb,
ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom. R/.

Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu,
u f’Abraham, il-qaddej tiegħu.
U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,
b’għajjat ta’ ferħ. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tess 2, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar.
Lq 18, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”.

Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini””.

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: