Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XXXII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Jekk setgħu jagħrfu daqshekk, u jħaddmu moħħhom fuq il-ħolqien, kif ma sabux aktar malajr is-Sid tiegħu?
Għerf 13, 1-9

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Tassew boloh minn twelidhom
dawk kollha li ma għarfux ’l Alla,
u mill-ħwejjeġ tajba li jidhru ma waslux biex jagħrfu lil Dak li hu;
lanqas għarfu min għamilhom, huma u jarawhom b’għajnejhom.
Imbagħad in-nar, ir-riħ, l-arja ħafifa,
id-dawra tal-kwiekeb, il-mewġa qawwija,
id-dawl tas-sema li jmexxi d-dinja:
lil dawn ħasbuhom allat.
Jekk ħasbuhom allat, għax tgħaxxqu bi ġmielhom,
imisshom jifhmu kemm hu aħjar minnhom is-Sid tagħhom.
Għax min ħalaqhom hu l-bidu ta’ kull ġmiel.
Jekk jistagħġbu bil-qawwa u l-ħidma tagħhom,
imisshom jindunaw minnhom kemm hu aqwa dak li għamilhom.
Għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq
jingħaraf, bħal fi xbieha, dak li jagħmilhom.
Imma dawn mhuwiex ta’ min ilumhom wisq;
għandhom mnejn ħarġu mit-triq it-tajba,
huma u jfittxu ’l Alla bix-xewqa li jsibuh.
Ifittxu bir-reqqa l-għemejjel tiegħu;
iżda tħawdu b’dak li raw fihom,
daqs kemm huma sbieħ.
Imma lanqas dawn mhuma ta’ min jagħdirhom.
Għax jekk setgħu jagħrfu daqshekk,
u jħaddmu moħħhom fuq il-ħolqien,
kif ma sabux aktar malajr is-Sid tiegħu?

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 18, 2-3.4-5

R/. (2a): Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,
lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħenhom,
mad-dinja kollha jixtered kliemhom. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.
Lq 17, 26-37

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll.

L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu, imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta’ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.

F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura. Ftakru fil-mara ta’ Lot!

Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla”.

Qalulu: “Fejn, Mulej?”. U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d