It-Talba ta’ Mosè


Riflessjonijiet dwar xi paragrafi mill-katekeżi tal-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020 fil-biblijoteka tal-Palazz Appostoliku.

Riflessjoni 1

“Meta sejjaħlu Alla, umanament Mosè kien bniedem “fallut”. Il-ktieb tal-Eżodu jippreżentahulna fl-art ta’ Midjan bħala maħrub. Minn żgħożitu kienet ġietu ħniena minn niesu, u kien anki ħareġ sidru biex jaqbeż għall-maħqurin.” – Il-Papa Franġisku

Min kien Mosè meta Alla sejjaħlu biex jeħles il-poplu Lhudi mill-jasar tal-Eġizzjani? Il-Papa jgħid li Mosè kien bniedem ‘fallut’. Tista’ tkun ‘fallut’ b’kawża ta’ xi esperjenza jew esperjenzi fil-ħajja. Tkun għaddej sewwa, finanzjarjament, u jiġri xi ħaġa li minħabba fiha jkollok titlob lill-oħrajn biex jgħinuk. Titlef xi proprjeta’. Tweġġa’ jew timrad u dak li ppjanajt u li ħdimt għalih għal tant snin jaqa’ kollu u jiġi fix-xejn. Tgħid: “Imma jien studjajt għal xejn?” “Investejt biex kollox tarli mar-riħ” Il-ħajja hi mibnija fuq l-inċertezzi u riħ ta’ siegħa inaddaf qiegħa.”

Minn prinċep fil-palazz tal-Farawn, bil-kumditajiet kollha, bis-sefturi, sinjur, mingħajr taħbit, sab ruħu jiġġerra fil-beraħ. Kellu jaħrab, għax biex jiddefendi lil wieħed minn ħutu l-Lhud, kien qatel lil Eġizzjan. Ħaseb li ma kien rah ħadd, imma meta mbagħad indaħal biex iferraq lil żewġ Lhud li kienu qed jiġġieldu, wieħed minnhom qallu: “Jaqaw trid toqtolni kif qtilt lill-Eġizzjan?” Allura Mosè nduna li se jkun imfittex. Imma għalkemm kien f’din is-sitwazzjoni, ma warrabx il-ħeġġa li kellu fih: li jgħin lil-Lhud li hu ma ċaħadhom qatt.

Il-lussu tal-Eġizzjani ma għamihx. Kien bilqiegħda ħdejn bir u ġew xi rgħajja li ma ħallewx lil seba’ nisa jimlew l-ilma għall-merħla ta’ missierhom. Warrbuhom minn ħdejn il-bir. Mosè qam minn bilqiegħda u ndaħal għan-nisa biex setgħu jimlew l-ilma.

Dan jgħallimna li meta nkunu ‘falluti’, meta nħossuna dgħajfa, meta naqgħu mill-pedestall li nkunu tlajna fuqu, ma nintelqux imma nkomplu bit-tajjeb li nkunu qed nagħmlu. Jekk se noqogħdu nitbekkew u nagħdru lilna nfusna, mhux se jkollna l-enerġija li nerġgħu nieħdu saħħitna u nkomplu nagħmlu t-tajjeb li tant inkunu ilna fih. Niġbru l-forzi tagħna, anki b’rispett lejn il-familjari tagħna.

L-iskuraġġiment, il-qtiegħ ta’ qalb, in-nuqqas ta’ tama, huma fost l-elementi li jħalluna ‘falluti’. Kien hawn min ‘falla’, imma rebaħ is-sitwazzjoni. Kuraġġ, kif insibu miktub f’diversi emblemi: “Nitor in adversum”, “Qawwijin anke meta l-affarijiet jiġu kontrina”.

Minn Joe Galea