Qari tal-Quddies ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu. (S)


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu

QARI I
Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem.
Dan 7, 13-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

Billejl deherli qiegħed nara
bħal iben ta’ bniedem,
ġej mis-sħab tas-sema,
li baqa’ sejjer sax-Xiħ fl-għomor
u ressquh quddiemu.
U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,
biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.
Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u saltnatu li ma tinqeridx.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 92 (93) 1ab.1ċ-2.5

R/. (1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,
libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.

Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;
minn dejjem ta’ dejjem int. R/.

Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;
qdusija lil darek tixraq, Mulej,
sakemm itul iż-żmien. R/.

QARI II
Kristu huwa l-Prinċep tas-slaten tad-dinja.
Apok 1, 5-8

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Ġesù Kristu hu x-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Ammen!

Jiena huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 11, 9.10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Int qiegħed tgħid li jien sultan.
Ġw 18, 33b-37

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu