Il-Presepju b’San Ġużepp

Print Friendly, PDF & Email

Il-presepju huwa taħlita ta’ arti u ta’ fidi fl-istess ħin. Kien San Franġisk ta’ Assisi li ta bidu għal din l-opra qaddisa.

Presepju bi stil ieħor

Aħna mdorrijin nagħmlu l-presepju bil-għar ta’ Betlem b’Ġesù f’maxtura mdawwar bil-Verġni Marija, San Ġużepp u r-ragħajja. Iżda wieħed jista’ jagħmel presepju wkoll billi jagħmel il-ħanut tax-xogħol li kellu San Ġużepp jew it-tliet maġi qegħdin joffru r-rigali lil Ġesù. F’dan l-artiklu ser nitkellem fuq il-presepju b’San Ġużepp.

L-Evanġelju ta’ San Mattew jirrakkonta fl-ewwel kapitlu, minn versi 18 sa 25, is-sehem ta’ San Ġużepp fl-Inkarnazzjoni. Meta induna li Marija ħarġet tqila għadda minn kunflitt. Quddiem dan il-konċepiment “straordinarju” ma kienx jaf kif ser jaqbad iġib ruħu  u billi kien diġà mgħarras ma’ Marija ried jitlaqha bil-moħbi. Iżda Alla kellmu permezz ta’ anġlu fil-ħolm fejn qallu li Marija saret tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. U meta stenbaħ mill-irqad huwa ddeċieda li jidħol għal din il-missjoni hekk kbira u semma lit-tarbija “Ġesù”.

Din is-silta għandha rabta mill-akbar mal-ġrajja tal-Milied. Kif l-Evanġelju ta’ San Luqa għandu t-tħabbira tal-anġlu lill-Verġni Marija, fl-Evanġelju ta’ San Mattew għandna wkoll il-ġrajja ta’ anġlu jkellem lil Ġużeppi fuq l-Inkarnazzjoni.

Ta’ min isemmi li Sidna Ġesù huwa t-tieni persuna tat-Trinità Qaddisa u għalhekk huwa mnissel mill-Missier qabel kull żmien. Dan nistqarruh fil-Kredu meta ngħidu: “Jiena nemmen f’Alla l-Missier, li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art. U f’Ġesù Kristu Ibnu wieħed Sidna.” Hekk Ġesù għandu Missier wieħed u dan huwa l-Missier etern. Iżda kien jixraq li huwa jkollu wkoll missier fuq din l-art biex jieħu ħsiebu u Alla għażel għal din il-missjoni hekk kbira lil San Ġużepp.

Huwa veru li ma nissilx lil Ġesù fiżikament, iżda kien l-Ispirtu s-Santu li nisslu fil-ġuf ta’ Marija. L-Evanġelju ta’ San Mattew jistqarr dan b’mod mill-aktar ċar: “It-twelid ta’ Kristu kien hekk; Meta Marija ommu, kienet mgħarrsa ma’ Ġużepp, qabel ma għammru flimkien, saret omm mill-Ispirtu s-Santu” (1,19). Iżda dan ma jfissirx li ma għandux x’jaqsam mal-Inkarnazzjoni. Ġesù ried jitwieled f’familja u avolja ma nisslux fiżikament kellu l-missjoni li jieħu ħsiebu  fuq din l-art u jkun ukoll missieru.

San Ġużepp, għalkemm ma kienx il-missier naturali ta’ Ġesù, irċieva minn Alla l-missjoni li jieħu ħsiebu u kien ibnu wkoll billi kien miżżewweġ lil Marija u hija nisslet lil Ġesù fiżikament mill-Ispirtu s-Santu. Tant Ġużeppi kien missier Ġesù li meta Ġesù ntilef fit-Tempju ta’ tnax-il sena Marija qalet: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (Lq 2,48). Hawnhekk Marija stess qiegħda tistqarr li Ġużeppi huwa missier Ġesù.

Għalhekk nistgħu ngħidu li San Ġużepp kien ir-rappreżentant tal-Missier Etern fuq din l-art.

F’dan il-presepju naraw lil Ġużeppi bħala l-ewwel persuna li rrifletta fuq it-tnissil verġinali ta’ Ġesù, wara l-Verġni Marija. L-anġlu qallu: “Ġużepp, bin David, la tibżax tieħu għandek lil Marija, l-għarusa tiegħek, għax dak li tnissel fiha hu mill-Ispirtu s-Santu. Hi tiled iben, u int isemmih Ġesù, għax hu jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1, 20-21). Hekk, flimkien ma’ Marija, jibda t-triq ta’ riflessjoni u ħidma fil-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Xena tal-Milied

Dan il-presepju huwa wkoll xena tal-Milied. Fuq kollox San Ġużepp jissemma kemm-il darba fl-Evanġelju f’rabta mal-ġrajja tal-Milied. Huwa mar flimkien ma’ Marija lejn Betlem  biex jinkiteb fiċ-ċensiment; kien preżenti fil-għar ta’ Betlem għat-twelid ta’ Ġesù; wara tmint ijiem ħa lil Ġesù għaċ-ċirkonċiżjoni u mbagħad, erbgħin jum wara t-twelid ħadu Ġerusalemm biex joffrih lil Alla. Insibu li anġlu deherlu fil-ħolm ħalli jaħrab lejn l-Eġittu flimkien ma’ Marija u Ġesù tarbija  ħalli jeħles mill-qilla ta’ Erodi u wara reġa’ deherlu anġlu fil-ħolm biex jordnalu ħalli jerġa’ lura lejn Nażaret. L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna: “Kienu l-ġenituri tiegħu jmorru kull sena Ġerusalemm għal nhar il-Għid” (Lq 2, 41). Naraw ukoll il-figura ta’ San Ġużepp meta Ġesù, ta’ tnax-il sena, intilef fit-tempju.

Tagħlim spiritwali

Wara li rajna t-tifsira tal-paternità ta’ San Ġużepp jixraq li naraw it-tagħlim spiritwali. Fs-silta ta’ San Mattew naraw lil  San Ġużepp bħala xempju tal-missirijiet. Meta nħolqot “diffikultà”, Ġużeppi qagħad iqis kif ser iġib ruħu u Alla għenu billi  bagħatlu anġlu u qallu kif kellu jġib ruħu.

Dan l-episodju jgħallimna li f’deċiżjonijiet delikati wieħed ma għandux iwebbes rasu iżda jara x’inhija r-rieda ta’ Alla, anki jekk ikun għamel xi ħaġa ħażina. San Ġorġ Preca jikteb: “Għidli … min qatt ittama fik … irrikorra lejk … u sab il-konfużjoni? Il-ħalliel imsallab  … Marija Maddalena … u l-maħbub appostlu tiegħek Pietru … fost l-oħrajn … b’leħen qawwi jistraxnawli qalbi lejk. (Ruħ Niedma titkellem ma’ Alla, Nru 11).

Fuq kollox, naraw il-fidi li kellu San Ġużepp, li emmen fit-tnissil ta’ Ġesù mill-Ispirtu s-Santu. Sewwa li nitgħallmu nħarsu b’fidi lejn dak kollu li ngħaddu minnu, anki jekk f’dak il-mument ma nkunux fhimnieh, persważi li Alla huwa preżenti u attiv fid-dinja.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Dan l-artiklu deher fir-rivista Leħen il-Qala, Milied 2010

%d