San Leopoldu Mandic fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo


Nhar is-Sibt 31 t’Ottubru 2020, fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, iżżanżnet uffiċjalment ir-relikwa tal-qaddis Kapuċċin San Leopoldu Mandic. Dan il-qaddis hu l-patrun tal-pazjenti morda b’tumur.

L-istorja ta’ San Leopoldu hi waħda mill-isbaħ! Illum nista’ nifhem xi ftit l-għaliex il-Mulej sejjaħli biex nidħol mal-Kapuċċini. U dħalt għax sejjaħli Hu! U mhux sempliċiment għax xtaqt jien! San Leopoldu kellu żewġ sejħat kbar f’ħajtu. L-ewwel, li jmur missjunarju f’pajjiżu, il-Herceg-Novi, fil-Montenegro, biex jaħdem għall-għaqda bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi. It-tieni sejħa li poġġielu l-Mulej kienet li jkun konfessur li juri ħafna ħniena, imħabba u tjieba mal-penitenti.

L-istorja ta’ ħajtu tgħidilna li s-superjuri tiegħu, minħabba l-istat ta’ saħħtu u raġunijiet oħra, raw li postu kien aktar li jqarar. Għal din id-deċiżjoni t-twajjeb Leopoldu aqta’ kif tbiċċer minn ġewwa! Minflok ma għolla kollox u telaq ‘l barra Leopoldu agħmel xi ħaġa li biss min iħalli lill-Mulej iqaddsu fis-skiet u ħafna ‘il bogħod mill-popolarità sekurali u ekkleżjali jista’ tabilħaqq jagħmilha. Nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 1941 il-qalbieni Leopoldu jwiegħed hekk: F’kull mument u b’kull kura possibbli, konxju mid-dgħjufija tiegħi, nimpenja ruħi permezz tal-voti tiegħi li niddedika l-enerġija kollha li għandi għar-ritorn ta’ ħutna subjien u bniet mifrudin minna fil-Lvant għall-għaqda Kattolika. Minn issa, kull ruħ li tinħtieġ il-ministeru tiegħi hi, għalija, il-Lvant.

U dan għexu sal-qiegħ tafux! Minn filgħodu sa filgħaxija, f’kamra daqs naqra li kienet isservi ta’ konfessjonarju, San Leopoldu qatta’ ħajtu jqarar fiha. Mhux biss imma anki billejl, kien iqum u joqgħod jitlob fil-kappella quddiem Ġesù Sagramentat biex jagħmel il-penitenzi għall-penitenti li kienu jiġu jqerru. Meta xi patrijiet kienu jarawh billejl jitlob kienu jgħidulu: “Patri Leopoldu dan kif għadek ma mortx tistrieħ wara jum tqarar?” U l-qaddis kien iweġibhom: Fil-qrar jien nagħti tant penitenzi ħfief li jinħtieġ li xi ħadd ipatti għalihom quddiem il-Mulej.

Ibikkik hux veru Patri bħal dan! Dan Patri eh! Li jqararlek mal-ħmistax-il siegħa kuljum! Bla infiħ! Għalhekk kien iħobb jgħid: L-unika mewta dinjituża għal saċerdot hi dik minn xogħol appostoliku iebes. Patri Leopoldu miet b’kanċer ta’ l-esofagu fillejl tad-29 ta’ Lulju 1942 wara li kien qatta’ dak il-jum iqarar u illejl fit-talb.

Issa, il-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija għandha r-relikwa ta’ dan il-qaddis kbir Kapuċċin. U kien bix-xieraq li Papas Martin Żammit, saċerdot tar-rit Grieg Kattoliku Biżantin mill-Parroċċa tal-Madonna tad-Damaxxenu, fil-Belt Valletta, u jien, mingħajr ma jistħoqqli, nitolbu flimkien quddiemu għall-għaqda tal-Insara.

San Leopoldu Mandic itlob għalina!

Patri Mario Attard OFM Cap