Mela din hi l-qdusija?


Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna fil-festa tal-qaddisin kollha. U, mingħajr ma rridu, f’moħħna minnufih jibdew jinbtu għadd ta’ raġġieri, statwi u niċeċ li jfakkruna fil-qaddisin!Jgħidu li darba għalliema staqsiet lill-klassi sħiħa jekk iridux isiru qaddisin. Kollha għollew subgħajhom għajr tifel. U, kollha sorpriża, l-għalliema staqsietu l-għaliex ma ridtx li jsir qaddis. U t-tifel, pront pront, weġibha: “Miss, ma rridtx nqatta’ ħajti magħluq f’niċċa!” Kellu raġun dan it-tifel jekk, madwaru, tela’ f’ambjent imdardar bin-nuqqas t’għarfien fejn, mingħalihom, li tkun qaddis u qaddisa tfisser li tkun magħluq f’xi niċċa! Jekk niġu f’dan, jekk dan ifisser li tkun qaddis u qaddis lanqas jien ma rrid li nkun hekk! U, anki jien, fil-klassi tal-ħajja, kieku aqta’ kif ngħolli subgħi ‘il fuq ‘il fuq ħalli jarawni biex żgur kulħadd ikun jaf li ma rridx li nsir qaddis biex nissakkar f’xi niċċa!

Għall-grazzja tal-Mulej, Alla tagħna jiddejjaq joqgħod ġewwa! M’għandux sabar joqgħod imsakkar fil-kunvent tas-Sema! Għax anki jekk jibqa’ imsakkar f’dan il-kunvent kaħlani u ta’ ġmiel li ma jitfissirx bil-kliem, xorta waħda jibda’ jimmoffa! Għalhekk, f’Ġesù Kristu Ibnu, sar wieħed minna! U tħallat waħda magħna żul minn hemm tafux! Magħna tgħallem xi tfisser tiġi imnissel, titwieled, tikber, tgħix, tbati, tiġi maqtul u tqum minn bejn l-imwiet. Anzi! Ġesù għamel ukoll esperjenza tat-trawma fil-ġuf. Meta Marija u Ġużeppi saru jafu li Erodi kien ġej għalihom bil-mija u għoxrin biex joqtol lil Ġesù, min jaf Marija u Ġużeppi x’qatgħa ħadu? Min jaf, il-qatgħa li ħadet Marija, kif affettwat lit-tarbija Ġesù li kien fil-ġuf tagħha? Avolja dan l-episodju ma nsemmuhx ejjew ma nilludux ruħna li Ġesù ma bediex ibati tbatija li ma titfissirx sa minn meta kien għadu fil-ġuf! Kemm għandhom tabilħaqq raġun ħutna l-Insara tal-Lvant li jiktbu fl-ikona tal-Milied lil Ġesù imqiegħed f’maxtura u madwaru hemm il-kulur iswed! Kemm bata’ Ġesù għalina! Sa minn qabel twieled! X’imħabba hux!

U dan kollu jissokta jikkonfermali kemm Alla tagħna tabilħaqq hu l-Għimmanu-El, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna (Mt 1:23). Għalhekk, il-qdusija, hi sinjal ċarissmu kemm Alla hu magħna! U, Alla, qiegħed magħna, mhux fl-arja tafux! Le! Imma jsegwi l-prinċipju tal-inkarnazzjoni ta’ Ibnu Ġesù l-għaliex isir bniedem bħalna! Bniedem li nistgħu naraw, inkellmuh, nisimgħuh u nħossu l-preżenza tiegħu magħna!

Allura, il-qdusija, qatt ma tista’ tkun astratta! Fil-ħsieb! Għall-kuntarju! Il-qdusija titkebbeb, tinsatar u titħaxken mal-għemejjel tagħna! Kemm tolqotni l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku dwar is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tallum, Gaudete Et Exsultate! Diġà, mit-titlu tagħha, din l-eżortazzjoni tgħidilna (fuq li tgħidilna!) li l-qdusija tinkarna ruħha fid-dinja tallum. Dan ifisser li l-qdusija m’hi qatt skaduta! Imma tibqa’ dejjem friska! Ħa tifriska! U biex tiffriskana? Bl-Ispirtu s-Santu li jnebbaħna biex nagħmlu dak li l-Mulej irid minnha u qatt dak li jpaspar, miskin, moħħna! Li malajr jitfixkel fil-lazz taż-żarbun tiegħu stess!

L-Ispirtu s-Santu jgħinna nitqaddsu fil-ħwejjeġ iż-żgħar, f’dak li jidher irrelevanti, għax in-nobbiltà tal-qalb tidher fil-ħwejjeġ sempliċi u ta’ kuljum (nru.169). L-Ispirtu s-Santu jurina biex ma npoġġux limiti għall-kobor, għal dak li hu l-aħjar u l-isbaħ, imma fl-istess waqt nikkonċentraw fuq iż-żgħir, fuq dmirna llum (nru. 169). Fil-prattika, l-Ispirtu s-Santu jgħinna nitolbu ta’ kuljum, fi djalogu mal-Mulej li jħobbna, u li [n]agħmlu eżami sinċier tal-kuxjenza (nru.169). Fl-istess waqt, l-Ispirtu s-Santu, iwassalna biex nagħrfu l-mezzi konkreti li l-Mulej jislifna fil-pjan misterjuż ta’ mħabbtu, biex ma niqfux biss fl-intenzjonijiet tajba tagħna (nru.169).

Il-qdusija vera turini li biex nitqaddes tassew irrid ngħix ir-regola ta’ mġiba li fuqha għad isir ħaqq minna: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (25:35-36) (nru.95). Il-qdusija vera twassalni li nkun qaddis u qaddisa għax mimli [u mimlija] sabar: fil-ġenituri li jrabbu lil uliedhom b’tant imħabba, fl-irġiel u fin-nisa li jistinkaw biex iġibu l-ħobż id-dar, fil-morda, fir-reliġjużi anzjani li jibqgħu bit-tbissima fuq wiċċhom (nru.7). Għax il-qdusija hi dik “tal-bieb ta’ maġenbna”, ta’ dawk li jgħixu qrib tagħna u huma mera tal-preżenza ta’ Alla, jew, biex ninqdew b’espressjoni oħra, tal-“klassi medja tal-qdusija” (nru.7).

U l-qdusija mhux qiegħdha għalina l-Insara Kattoliċi biss tafux! Għax anki barra mill-Knisja Kattolika u f’oqsma differenti ħafna, l-Ispirtu jqanqal “sinjali tal-preżenza tiegħu li jgħinu lil dawk li jimxu wara Kristu”. Min-naħa l-oħra, San Ġwanni Pawlu II fakkarna li “x-xhieda għal Kristu saċ-ċarċir tad-demm saret wirt komuni ta’ Kattoliċi, Ortodossi, Anglikani u Protestanti”. Fit-tifkira ekumenika wisq sabiħa li hu ried jiċċelebra fil-Kolossew matul il-Ġublew tas-sena 2000, saħaq li l-martri huma “wirt li jitkellem b’leħen wisq ogħla mill-fatturi li jifirduna” (nru.9).

Biex titqaddes m’hemmx bżonn li tkun xi patri, qassis, isqof, Papa jew soru tafux! Dan ifakkarhulna l-Papa stess meta jgħidilna:

Biex insiru qaddisin m’hemmx bżonn inkunu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi. Ħafna drabi tiġina t-tentazzjoni naħsbu li l-qdusija hi riservata għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Mhuwiex hekk. Ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu. Int persuna kkonsagrata? Tqaddes billi tgħix l-għotja tiegħek bil-ferħ. Miżżewweġ jew miżżewġa? Tqaddes billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif għamel Kristu mal-Knisja. Taħdem? Tqaddes billi twettaq b’onestà u kompetenza l-ħidma tiegħek b’servizz għal ħutek. Int ġenitur jew nanna jew nannu? Tqaddes billi tgħallem bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesù. Qiegħed fl-awtorità? Tqaddes billi titqabad b’riżq il-ġid komuni u tagħti dahrek lill-interessi personali (nru.14).

U biex inkunu aktar saqajna mal-art li tkun qaddis u qaddisa tfisser, ngħidu aħna: waħda mara tmur il-ħanut tagħmel ix-xirja tagħha, tiltaqa’ ma’ ġara tagħha u jibdew ipaċpċu, u jibdew jikkritikaw. Imma din il-mara tgħid bejnha u bejn ruħha: “Le, mhux sa ngħid xejn ħażin fuq ħadd”. Dan hu pass lejn il-qdusija. Imbagħad, id-dar, binha jitlobha toqgħod tisimgħu jkellimha fuq il-fantasiji tiegħu u, imqar jekk tħossha għajjiena, tpoġġi bilqiegħda ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba. Araw offerta oħra li tqaddes. Imbagħad jiġiha mument ta’ diqa, imma tiftakar fl-imħabba tal-Verġni Marija, taqbad il-kuruna tar-rużarju u tibda titlob bil-fidi. Din hi triq oħra ta’ qdusija. Wara, toħroġ fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u tieqaf titkellem miegħu bi ħlewwa u tjieba. Anki dan hu pass ’il quddiem (nru.16).

U la l-qdusija hi għalik ukoll, int m’int, x’qed tistenna ħija u oħti li, miegħi, nitolbuH minn qalbna l-ħin kollu: QADDISNA MULEJ!

Patri Mario Attard OFM Cap