San Kożma u Damjan: Is-Sede Titulari tal-Kardinal Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Fil-Konċistorju tat-28 ta’ Novembru 2020, il-Kardinal Mario Grech, li issa jagħmel parti mill-ordni tal-‘Kardinali-Djakni’, ġie assenjat it-titlu jew sede titulari tal-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan, fuq Via dei Fori Imperiali, Ruma.

Knejjes Djakonali

Fil-Konklavi li fih jaħtar Kardinali ġodda, il-Papa jassenjalhom ukoll sede titulari, li normalment tkun Bażilika f’Ruma li tagħha huma jkunu ‘Kardinali protetturi’. Fil-każ ta’ Kardinali-Djakni, bħalma hu l-Isqof Mario Grech, dawn jiġu assenjati knejjes djakonali.

Oriġinarjament dawn kienu istituzzjonijiet ta’ karità – appuntu msejħa djakoniji f’rabta mal-missjoni tal-Knisja għas-servizz tal-foqra ta’ Ruma – fi żmien il-Papa Benedittu II (684-685). Il-Papa Adrijanu fis-seklu tmienja stabbilixxa tmintax minnhom, u hekk baqgħu sas-seklu 16.

Għalkemm fil-prattika din l-assenjazzjoni ma żżidx mal-obbligi tal-uffiċċju ta’ kardinal, ħlief għal xi okkażjonijiet fis-sena li fihom huwa jiċċelebra fil-knisja titulari tiegħu, ir-rabta tal-kardinali ma’ dawn il-knejjes titulari fid-Djoċesi ta’ Ruma hi reminixxenti tal-jedd tal-kappillani tal-belt li jeleġġu l-Isqof tagħhom, dover li llum imiss lill-Kardinali meta jeleġġu lill-Papa f’Konklavi.

Il-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan

Il-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan, fil-qalba ta’ Ruma antika, hi waħda mill-eqdem u l-iktar knejjes affaxxinanti, f’waħda mill-aktar partijiet antiki tal-Belt Eterna, fid-daħla tal-Forum Ruman u fuq it-triq li tieħu għall-Kolossew. Minn tempju Ruman tas-seklu 4 inbidlet fi knisja Nisranija fis-seklu sitta. F’għamla ċirkulari, barra l-preġju storiku tagħha, fiha opri importanti tal-arti bikrija Nisranija, speċjalment mużajċi.

Sa mis-snin sebgħin tal-ewwel seklu kien hemm mibnija f’dan il-post il-Biblioteca Pacis, il-librerija prinċipali tal-Forum Ruman. Imbagħad fis-sena 309 l-Imperatur Massenzju bena l-hekk imsejjaħ Tempju ta’ Romulu. Kien il-Papa Feliċ IV li fis-sena 526 għaqqad iż-żewġ binjiet flimkien u ħoloq Knisja ddedikata lill-qaddisin Kożma u Damjan, żewġ tobba aktarx aħwa li ħadu l-martirju flimkien fl-Asja Minjuri fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu fis-sena 303.

Fis-sena 780 il-knisja saret waħda mill-Bażiliċi Djakonali ta’ Ruma, fuq ordni tal-Papa Adrijanu I. Fl-1503 ġiet fdata lill-kura tal-Patrijiet Franġiskani tat-Terz’Ordni Regolari, li sa mill-1512 iżommuha bħala l-casa madre tagħhom.

Fl-1600, intlaqtet minn terremot qawwi u tul il-pontifikat ta’ Klement VIII saritilha ristrutturazzjoni qawwija, sakemm fl-1626 il-Papa Urbanu VIII ordna li terġa’ tinbena. Fl-1946, il-kumpless monastiku fejn jgħixu l-patrijiet ġie rrestawrat u mkabbar.

L-aħħar Kardinal titulari ta’ din il-Bażilika kien Beniamino Stella, li fl-1 ta’ Mejju 2020 ġie mgħolli għall-ordni ta’ Kardinal-Isqof u allura assenjat titlu ta’ sede suburbikarja.

%d bloggers like this: