Ħarsa lura lejn il-Milied fil-Furjana


  1. Drawwiet li bdew biex jibqgħu      

Ngħidu li kollox inbidel. Naqgħu f’nostalġija u nixxennqu għal dinja tal-ħolm meta nafu li l-arloġġ mhux se jerġa’ lura. Iż-żmien għandu l-ħabta li dak li kien isir fl-imgħoddi jġibu li ma jibqax jintgħaraf.

Mhux hekk għal drawwiet li twieldu b’mod hekk naturali li l-ġrajja wriet li bdew biex jibqgħu, għax jagħmlu parti mill-karattru tal-art li tul is-snin ħarsithom bil-għożża li tixirqilhom. Minkejja t-taqlib li ġab iż-żmien, l-aktar mit-tieni nofs tas-seklu l-ieħor, Malta b’xi mod baqgħet marbuta ma’ ċelebrazzjonijiet matul is-sena li, kemm żgħar kif ukoll kbar, jistennew. Fost dawn hemm il-Milied. Iż-żgħar jistennew il-Milied għax jiffaxxinahom fil-fantasija tagħhom; il-kbar jistennewh għax jerġa’ jġibhom qrib it-tfulija.

Diversi fatturi għenu biex fostna l-Maltin jinżamm il-veru spirtu tal-Milied. Fattur minnhom hi l-qima li San Ġorġ Preca, il-qassis li kien u għadu tant fil-qalb tal-Maltin, kellu lejn l-Inkarnazzjoni ta’ Ġesu’ Kristu, li sar bniedem u daħal fid-dinja bħala tarbija f’Betlem.

Fi żmien Dun Ġorġ, il-Knisja kienet tiċċelebra l-Milied l-aktar bin-Novena u bil-Quddiesa ta’ nofsillejl, fejn il-prietka tat-tifel kienet tieħu post l-omelija. Imma mill-Milied tal-1921, meta Dun Ġorġ wera x-xewqa tiegħu lill-ewwel Soċji tul-Museum li jaraw kif se jiddubbaw Bambin, joħorġu bih fit-toroq u jifirħu man-nies bil-kant, bit-tiżjin li sabu u bid-dwal, l-entużjażmu għall-Milied tkebbes b’nar ġdid. L-imħabba ta’ Dun Ġorġ għall-presepju, u l-idea tiegħu li t-tfal jingħataw grotta bi ftit pasturi, komplew isaħħu l-ispirtu tal-Milied f’pajjiżna. Jista’ jkun li l-interess kbir li hawn illum għall-presepji beda mid-drawwa tat-tqassim ta’ dawn il-’premjijiet’.

Kitba ta’ Joe Galea