Il-Milied sejħa għall-imħabba

Għal sena oħra wasal ix-xahar ta’ Diċembru, ix-xahar tal-Milied. Festa li meta tersaq iġġib magħha ferħ u paċi fil-qlub tagħna lkoll, b’xi eċċezzjoni ta’ xi ħadd li dan iż-żmien ifakkru f’xi esperjenzi koroh li jkun għadda minnhom matul xi Milied partikulari fl-istorja ta’ ħajtu, għalhekk jitlef il-ferħ ta’ dan iż-żmien.  Għalkemm dan qatt m’għandu jkun. Ġara x’ġara, il-ħajja trid tibqa’ għaddejja, naħfru u ninsew. Ngħixu l-preżent u ma nibqgħux imkaħħlin mall-imgħoddi b’tali mod li dan nħalluh jikkundizzjonalna l-preżent.

Din is-sena sejrin niċċelebraw Milied partikulari. Milied maħkum mill-pandemija tal-Coronavirus u dak kollu li din qed iġorr magħha. Milied ikkontrollat f’dan li hu ħruġ, żjarat għand membri tal-familji tagħna u ħbieb, parties u ikiet flimkien ma’ ċelebrazzjonijiet oħrajn li f’dan iż-żmien tkun l-għaxqa tagħna li nagħmluhom. Imma, fis-sitwazzjoni preżenti jinħtieġ li nkomplu nibżgħu għas-saħħa ta’ xulxin u dak kollu li hu perikuluż u abbużiv għandna nevitawh. Fuq kollox għalkemm dawn l-attivitajiet li semmejt huma sbieħ u fihom l-iskop tagħhom pero mhumiex kollox, mhumiex l-essenzjal tal-Festa tal-Milied. Forsi nisħajjelkom tistaqsuni: mela x’inhu l-essenzjal fil-festa tal-Milied? It-tweġiba hija waħda: L-IMĦABBA.

MISTERU T’IMĦABBA

Hija sejħa urġenti li qed isir lilna lkoll bil-għan li meta naħsbu u nirriflettu dwar din il-festI li sejrin niċċelebraw niskopru li l-essenjal tagħhom huwa L-IMĦABBA TA’ ALLA GĦALIJ U GĦALIK.  Hekk kif jgħidilna Ġesù stess fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16). U fejn tidħol l-imħabba nfinita ta’ Alla għalina l-ebda virus m’għandu jxekkilna u jimblukkana milli mhux biss naħsbu dwarha imma wkoll fuq kollox ngħixuha. Ngħixuha billi nkomplu nħallu lil Alla jħobbna llum u aħna min-naħa tagħan nfittxu li nħobbuh.

L-IMĦABBA TITPATTA BL-IMĦABBA

Jekk fil-festi tal-Milied aħna msejjħin sabiex nirriflettu dwar l-infinità tal-imħabba ta’ Alla għalina, jinħtieġ li min-naħa tagħna nagħmlu kull sforz. Sforz, impenn doppju:

1) Inkompli niftaħ qalbi għall-imħabba ta’ għalija għalija;

2) Infittex li min-naħa tiegħi lil Alla nħobbu hekk kif qalilna Ġesù stess meta kkwota l-Ktieb tad-Dewteronomju (6,4) u għall-mistoqsijiet li saritlu: “Mgħallem, liem hu l-akbar kmandament fil-liġi?” huwa wieġeb u qal: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”

Kristu hawnhekk jinsisti magħna fuq il-kelma KOLLHA. Imsejjħin biex inħobbu lil Alla mhux daqqa iva u daqqa le; mhux b’nofs qalb; mhux billi npoġġuh fl-aħħar post; mhux billi noqgħod nilgħab mad-dnub; mhux b’ħafna kompromessi; imma b’imħabba sħiħa.

INĦOBBU LIL XULXIN

Ġesù fit-tweġiba li ta lill-Fariżej, lil dak li kien iqis lilu nnifsu ‘għaref fil-Liġi’ ma jieqafx hemm. Huwa jkompli jgħid: “U t-tieni jixbħu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Anke fid-diskors li Ġesù għamel fl-aħħar ikla tiegħu mall-appostli, iwassal l-istess messaġġ. Wara li lill-appostli qalilhom: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħi fi mħabbti …” (Ġw 15, 9-10), ftit wara għal darb’oħra jgħidilhom: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkomjien.” (Ġw 15, 12).

Hawnhekk Ġesù għamel xi ħaġa ġdida: għaqqad flimkien dawn iż-żewġ kmandamenti fi kmandament wieħed, b’mod li ma jinfirdux, m’hemmx wieħed mingħajr l-ieħor, qishom żewġt uċuh tal-istess munita. Impossibli li tħobb lil Alla jekk ma tħobbx ukoll lill-proxxmu, impossibli tħobb lill-proxxmu jekk ma tħobbx lil Alla

NIĊĊELEBRAW MILIED TA’ IMĦABBA

Jekk aħna konvinti li l-Milied huwa festa ta’ mħabba fuq tlett livelli:

a) L-imħabba infinita ta’ Alla għalija,

b) L-imħabba sħiħa tiegħi lil Alla,

c) L-imħabba tiegħi lejn il-proxxmu, hu min hu;

ma nħallu l-ebda virus ifixxkilna li niċċelebraw din l-imħabba. L-uniku virus li jxekkel lill-bniedem milli jgħix u jiċċelebra l-vera imħabba mhux biss fil-Milied himma matul ħajtu kollha huwa l-virus tad-dnub.

B’DAN IL-ĦSIEB

NAWGURALKOM MILIED MIMLI MĦABBA

Minn Fr. Philip Cutajar OFMCap