Matul is-Sena 2021
Ħuti għeżież, f’dawn il-ġranet deher fostna s-sebħ tal-Mulej u se jibqa’ jidher sa ma jerġa’ jiġi b’setgħa u glorja kbira.
Bidu tar-Randan: 17 ta’ Frar
Għid il-Kbir: 4 ta’ April
Tlugħ tal-Mulej: 16 ta’ Mejju
Għid il-Ħamsin: 23 ta’ Mejju
L-Ewwel Ħadd tal- Avvent: 28 ta’ Novembru
Mill-Ordni għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u tal-Liturġija tas-Sigħat u Aġenda Ekkleżjastika tas-Sena Liturġika 2020-2021 …
Tul is-sena kollha, flimkien mal-Knisja, aħna ngħixu l-misteru tas-salvazzjoni tagħna, li jilħaq il-qofol tiegħu fit-tlett ijiem imqaddsa tal-Għid, li fihom niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.
Din is-sena l-ferħ tal-Għid il-Kbir li jixxerred ma’ kullimkien fid-dinja, se ngħixuh mal-Knisja kollha fl-4 ta’ April.
Iżda kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tistedinna biex ngħixu dan il-ferħ tal-Għid, għax kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tiċċelebra il-misteru kbir tal-fidwa tagħna u tfakkarna li l-Mulej bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet tana ħajja ġdida.
Marbutin ma’ din il-festa tas-salvazzjoni tagħna hemm il-jum qaddis tal-bidu tar-Randan Imqaddes li din is-sena se niċċelebrawh fis-17 ta’ Frar; it-tlugħ tal-Mulej fis-sema ser infakkruh fis-16 ta’ Mejju; il-Ħadd, 23 ta’ Mejju, niċċelebraw Għid il-Ħamsin li jagħlaq iż-żmien tal-Għid il-Kbir tal-Mulej.
U hemm imbagħad l-ewwel Ħadd tal-Avvent fit-28 ta’ Novembru, meta mill-ġdid mal-Knisja nibdew ngħixu l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.
Il-Knisja tħabbar ukoll il-misteru tal-Għid meta, matul is-sena, tiċċelebra l-festi tal-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja tal-Appostli u tal-Qaddisin, tal-Martri u tar-Ragħajja tal-Erwieħ u tal-Verġni, u kull meta tagħmel it-tifkira ta’ ħutna l-mejtin, waqt li tagħti tifħir, ġieħ, glorja u radd il-ħajr lill-Mulej Ġesù, li kien, li hu, u li jibqa’ għal dejjem, Sid iż-żminijiet u Sultan tal-Ħolqien kollu.