Il-Misteri tal-Ferħ

Print Friendly, PDF & Email

Marija kif ipittirha San Luqa
(fil-ħajja ta’ Ġesù tfajjel)

Meditazzjoni għal waqt ir-Rużarju

It-tradizzjoni tgħidilna li San Luqa aktarx kien pittur. Ma nafux fiċ-ċert, imma nafu żgur li kien kapaċi jpitter ġrajjiet mill-isbaħ b’kitbietu! Il-Vanġelu tiegħu jagħtina dettalji sbieħ wisq. F’dawn il-ftit ħsibijiet li jistgħu jintużaw għal meditazzjoni fit-talba tar-Rużarju, se nieħdu dettalji qosra minn siltiet fil-ħajja ta’ Marija, omm Ġesù.

  1. It-tħabbira tal-Anġlu (Lq1: 29)

29Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.

Għalkemm Marija kienet mara ta’ talb u safa’, imma xorta waħda ‘tħawdet’ meta l-Anġlu wasslilha l-messaġġ ta’ Alla. Ma setgħetx tifhem x’ġara jew x’ried eżatt minnha. Kultant nistgħu naqgħu fin-nasba li naħsbu, li qisu Marija kienet taf x’se jiġri minn ħajjitha wara ż-żjara tal-Anġlu. Imma kif nafu, dan mhux minnu. Marija ma kinitx taf minn xiex se tagħddi u matul il-ħajja ta’ Ġesù f’din id-dinja, Alla kien qed jibgħatilha messaġġi differenti matul iż-żmien biex bilmod jagħrrafha bil-pjan tiegħu għaliha. L-Anġlu Gabrijel kien biss l-ewwel wieħed.. warajh kien hemm il-ħolm li kellu Ġużeppi.. Xmun il-profeta.. u minn jaf kemm aktar. Imma Marija ntelqet kompletament f’idejn Alla.

Aħna wkoll hemm bżonn li bħal Marija nintelqu kompletament f’idejh. Mingħajr ma nistaqsu. Mingħajr ma niddubitaw. Anke meta l-affarijiet jibdew ġejjin ħżiena – irridu niqbgħu niftakru li Alla qed jikteb dritt fuq il-linji magħwwġin tagħna!

  • Żjara lil Eliżabetta (Lq1: 44)

44Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.

Kultant silta li tkun ilek taqra għal snin twal, tinnota fiha xi kelma jew frażi li biha Alla jkun irid iwassallek messaġġ ġdid – anke jekk is-silta tkun tafha bl-amment! San Luqa jagħtina dan id-dettall: “It-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ”… Donnu Ġwanni l-Battista ma riedx jistenna sa’ ma jitwieled biex isellem lil Ġesù, imma l-ewwel ċans li ġieħ “qabeż bil-ferħ” – anke jekk minn ġuf ommu! U dan mhux x’ħin tgħannqu jew tkellmu.. Imma sempliċiment x’ħin Eliżabetta semgħet it-tislima ta’ Marija. Tislima mingħandha kienet biżżejjed biex timla’ l-Ġwanni b’ħeġġa kbira għal Ġesù.

Imma naturalment Ġesù ma setax imur waħdu għand Eliżabetta, imma kellu bżonn lil Marija twasslu. U hekk baqgħet tagħmel tul iż-żmien – twassal lil Ġesù għand l-oħrajn. Anke fil-bidu tal-missjoni tiegħu f’Kana tal-Galilija.. kienet propju Marija li wasslet lil Ġesù biex jibda’ din il-missjoni. Meta Ġesù qalilha: “Aħna x’għandna x’naqsmu mara?”, ma kienx sempliċiment qed jgħidilha: “Aħjar ma nindaħlux”. Imma fi kliem ieħor donnu kien qed ifakkarha, li jekk ladarba se jibda’ l-missjoni tiegħu, kienet ġejja fuqhom ħafna tbatija – missjoni li se twasslu fuq is-Salib.

Marija l-istess tagħmel magħna. Taf bit-tbatija li nkunu għaddejjin minna, imma ma tħalliniex waħidna. Lanqas ma tgħinna waħidha.. imma għalina Marija hija l-id imtawwla ta’ Alla!

  • It-Twelid ta’ Ġesù (Lq2: 19)

19Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

X’setgħet baqgħet tgħożż f’qalbha Marija? Il-kesħa tal-lejl? It-tbatija li bagħtiet biex tiled? Ir-riħa ta’ annimali li kien hemm ġo l-għar?

Marija kienet il-mara perfetta li Alla l-Imbierek għażel għalih. Perfetta mhux biss għax kienet imnissla bla tebgħa, imma għax donna lil Alla fehmitu mingħajr ma kienet taf xejn. Żgur li ma kinitx taf x’se jiġri dak il-lejl… jew l-għada.. jew ftit xhur wara meta Erodi pprova joqtlilha lil binha. Imma baqgħet “Tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” għax kienet taf li anke dawk il-mumenti diffiċli kienu parti mill-pjan ta’ Alla. Mhux biss għaliha.. imma wkoll għall-umanità.

J’Alla lkoll ikollna x-xorti, li bħal Marija nibqgħu ngħożżu f’qalbna l-mumenti diffiċli li għallmuna u kabbruna.. u wkoll il-mumenti sbieħ li nagħddu minnhom. Għax aħna għandna wisq tendenza li ninsew. Ninsew l-Ewwel Tqarbina tagħna.. meta ġejna l-ewwel darba wiċċ’imb wiċċ ma’ Ġesù veru u ħaj. Ninsew qrara qawwija li kellna u li bidlitilna l-mod ta’ kif naħsbu. Ninsew il-jum tal-Professjoni tagħna.. dik il-ħeġġa li kellna li ngħixu ma’ Ġesù u għal Ġesù biss.

Dawn esperjenzi li bħal Marija rridu nibqgħu “Ngħożżuhom f’qalbna”!

  • Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù (Lq2: 33)

33Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

San Luqa jpoġġielna dan il-vers eżatt wara l-kantiku sabiħ li Xmun jagħmel hekk kif lemaħ lil Ġesù f’idejn Marija.. ħadu f’idejh.. u beda jfaħħar ‘l Alla. Kantiku profetiku li bilfors ħalla lil Marija u Ġużeppi mistagħġba. Imma kantiku profond ukoll. Kantiku li nitolbu kull filgħaxija u forsi bħal ħafna affarijiet oħra drajnieh. Din tentazzjoni komuni għalina. Nidhraw kollox.

Nidhraw ix-xena tal-grotta ta’ Betlem…

Nidhraw ix-xena makabra tal-Kurċifiss..

Nidhraw it-talb li ngħidu kuljum..

Nidhraw lil Ġesù Sagrament..

Nidhraw il-Quddiesa…

U nidraw lil xulxin.

U meta nidraw wisq, ma nibqgħux naprezzaw. Ma nibqgħux nistagħġbu bħal Ġużeppi u Marija.

  • Ġesù tfajjel fit-Tempju (Lq2: 48)

48Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!”

Hekk għexet ħajjitha Marija, b’qalbha maqsuma. Qasmet qalbha meta Ġużeppi ried jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Qasmet qalbha meta kellha tiled qalb l-annimali. Qasmet qalbha meta kellimha Xmun il-Profeta… u l-lista’ ma tispiċċax.

Il-ġrajja ta’ Ġesù f’din id-dinja darba ġrat u mhux se terġa’ tiġri. Imma l-weġgħat li għaddiet minnhom Marija kienu, għadhom u jibqgħu. Bħal Marija aħna wkoll naqsmu qalbna. Naqsmu qalbna meta tisma’ b’xi traġedja. Naqsmu qalbna meta tgħaddi xi liġi li tmur kontra l-ħajja umana. Naqsmu qalbna meta naraw il-knejjes jiżvojtaw minn nies.

Imma ma rridux ninsew, li wara l-weġgħat, Marija ħadet il-premju. U mhux biss meta għaddiet għall-ħajja eterna u Alla pprivileġġha meta ħa wkoll ġisimha. Imma anke f’ħajjitha kellha l-mumenti sbieħ ta’ glorja.

Weġġgħet meta ratu msallab; imma ferħet meta ratu mqajjem u glorjuż.

Weġġgħet meta d-dixxipli kienu mimlijin biża’ għal 50 jum; imma ferħet meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu u dakinhar ikkonvertew tlett elef ruh.

Weġġgħet meta rat il-persekuzzjoni fuq Pietru u l-Appostli l-oħra; imma ferħet meta l-Knisja li waqqaf binha Ġesù kienet qed tinxtered mad-dinja.

Bħal Marija se jkollna l-weġgħat.. imma wkoll il-jiem ta’ glorja. Ejjew bħalha ngħixu dawn il-mumenti b’imħabba u telqa kbira f’idejn Ġesù.

Kitba ta’ Glen Mercieca

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d