Ibqgħu fl-imħabba tiegħi u tagħmlu ħafna frott (ara Ġw 15:5-9)
Mit-Tnejn 18 sat-Tnejn 25 ta’ Jannar 2021
Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, Kurja tal-Arċisqof, Floriana. 2021
5Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. 6Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. 7Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. 8Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi. 9Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.
Kelmtejn mill-President tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana
Vaċċin biex negħlbu l-firdiet fost l-Insara
Iż-żmien ma jistenna lil ħadd. Sena ilu, ferħanin qsamna mal-Insara tad-dinja kollha il-materjal li aħna, l-Insara ta’ Knejjes differenti ġewwa Malta u Għawdex, konna ħejjejna fid-dawl tas-silta tan-nawfraġju ta’ San Pawl Missierna fuq xtutna, u l-laqgħa sabiħa li missirijietna taw lil 276 nawfragu. Il-kliem “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” u “laqgħuna bi ħlewwa liema bħalha” dewa mad-dinja kollha, kulfejn ġew iċċelebrati servizzi ekumeniċi waqt il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara f’Jannar tas-sena 2020. F’Jannar tas-sena li għaddiet, il-Papa Franġisku – għal mhux anqas minn tliet darbiet – ikkummenta fuq is-silta tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (kap.27 u 28), u dwarna l-Maltin.
Dan kollu jinħass ’il bogħod fiż-żmien, għalkemm ilu biss sena li seħħ. Fejn qatt bsarna dak kollu li għaddejna minnu minn Marzu li għadda? … u għadna qed inġarrbuh!
Għall-grazzja ta’ Alla, il-ħidma ekumenika f’pajjiżna baqgħet għaddejja, għalkemm b’ritmu aktar kwiet. Kienu bosta l-inizjattivi li saru fejn iltqajna virtwalment biex – bħala Nsara minn Knejjes differenti – nitolbu flimkien lill-Mulej biex iħares il-bnedmin kollha mill-pandemija.
Fuq inizjattiva ta’ Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna li laqa’ s-suġġeriment tal-Papa Franġisku, numru ta’ mexxejja Nsara hawn Malta ngħaqdu virtwalment, nhar il-25 ta’ Marzu 2020, jitolbu t-talba tal-Missierna, kull mexxej mill-Knisja tiegħu. Fl-istess jiem, kienu bosta li laqgħu l-inizjattiva tal-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, li jixegħlu xema’ f’tieqa u jitolbu għall-bnedmin kollha milqutin mill-pandemija.
Ftit jiem wara Pentekoste, sar – kif isir kull sena – Servizz Ekumeniku ta’ talb lill-Ispirtu s-Santu. Li hu interessanti hu li għall-ewwel darba f’pajjiżna, laqgħa bħal din saret b’mod virtwali. L-istess sar, waqt l-Avvent li għadda, nhar l-10 ta’ Diċembru 2020, meta grupp sabiħ ta’ Nsara minn Knejjes differenti nġbarna virtwalment biex naqsmu flimkien siltiet mill-Kelma ta’ Alla bi tħejjija għall-Milied. Fl-istess jiem, saret laqgħa ekumenika ta’ talb fil-parroċċa ta’ Għajnsielem, ġewwa Għawdex.
Kien ukoll ġest sabiħ u ekumenikament pożittiv li fis-16 ta’ Settembru 2020, nhar il-bidu tal-ministeru pastorali tal-Isqof il-ġdid t’Għawdex, Mons. Anton Teuma, kienu preżenti xi rappreżentanti ta’ Knejjes Insara oħra, fosthom is-saċerdot Serb Ortodoss u l-minister tal-Knisja tal-Iskoċċiżi.
Kif ħafna jafu, ir-rivista Flimkien, ippubblikata kull xahar mill-Kulleġġ tal-Kappillani, u mqassma fid-djar, kellha taqleb għal format diġitali. Għall-ħarga ta’ dan ix-xahar, ġejt mistieden mill-Bord Editorjali biex naqsam ħsieb dwar il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Peress li jista’ jkun li xi wħud minnkom għadhom ma qrawx ir-riflessjoni tiegħi, nixtieq nuża din il-paġna biex intenni punt qasir mir-riflessjoni li ktibt fi Flimkien.
Il-vaċċin għall-għaqda fost l-Insara bdejna nużawh, bejn Marzu u Diċembru 2020, jiġifieri qabel il-vaċċin għall-COVID-19. Għalkemm mifrudin, bqajna ninġabru virtwalment biex nitolbu għall-għaqda fost l-Insara. Għalhekk, ma nistax ma nwasslilkomx stedina:
Nistedinkom għal Servizz Ekumeniku nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar 2021, fis-6.30pm. Dan is-Servizz mill-Kappella tal-Kurja, Florjana, se jitmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, bis-sehem ta’ xi wħud mill-mexxejja ta’ xi Knejjes Insara. Mhux se jkun miftuħ għall-pubbliku minħabba l-miżuri prekawzjonali li lkoll qed nippruvaw insegwu mill-aħjar li nistgħu.
Għalhekk, is-Servizz se jkun trasmess fuq is-social media channels tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Għal aktar dettalji, ara l-websajt ta’ Church in Malta, kif ukoll l-avviżi fil-gazzetti.
It-tema għal din is-sena hi Ibqgħu fl-imħabba tiegħi u tagħmlu ħafna frott. Il-materjal tħejja minn komunità monastika femminili li hija wkoll ekumenika. Il-komunità hija dik ta’ Grandchamp ġewwa l-Isvizzera, u tmur lura kważi disgħin sena. Għal aktar tagħrif dwar din il-komunità, kif ukoll dwar il-materjal li ħejjew, nistedinkom iżżuru dawn is-siti elettroniċi:
www.christianunity.va/content/unitacristiani/en/settimana-di-preghiera-per-l-unita/en.html
L-appell tiegħi hu, għal darb’oħra, li nkomplu nkabbru l-għarfien ekumeniku fost il-Poplu ta’ Alla f’pajjiżna. Qabel ma faqqgħet il-pandemija, konna qed naħsbu fuq proġett-pilota f’xi parroċċi, permezz ta’ serje qasira ta’ tliet laqgħat formattivi dwar l-ekumeniżmu. Però, il-pandemija ħassret dawn il-pjanijiet. Nittama li bil-koperazzjoni ta’ bosta minnkom, inkunu nistgħu nwettqu dan il-proġett meta jkun il-waqt.
Fl-aħħarnett, l-appell tiegħi hu li nkomplu nħeġġu l-komunitajiet tagħna – dawk parrokkjali, dawk ta’ ħajja konsagrata, kif ukoll gruppi lajkali – li nitolbu għall-għaqda fost l-Insara, mhux biss bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar, imma s-sena kollha. Jien ċert li dan ikun vaċċin spiritwali li jaħdem u li l-effetti tiegħu jibqgħu jinħassu fis-snin li ġejjin, aħna u nkomplu l-vjaġġ ekumeniku tagħna.
Mons. Hector Scerri
President, Kummissjoni Ekumenika Djoċesana
3 ta’ Jannar 2021, l-Epifanija tal-Mulej.
Ara aktar dettalji … https://www.laikos.org/gimgha_ekumenika_2021.htm