Riflessjonijiet għall-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjonijiet għal kull ġurnata waqt il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara 2021imħejjija mis-Sur Jesmond Schembri

Dawn ir-riflessjonijiet qosra li se jakkumpanjawna matul din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara se jkunu imnebbħin mis-silta tal-Evanġelju li se tinqara matul il-quddies tal-ġurnata.

  • It-Tnejn, 18 ta’ Jannar 2021 – L-ewwel ġurnata (Mk 2: 18-22)

Matul din l-ewwel ġurnata ta’ talb għall-għaqda fost l-insara, l-Evanġelju qed ifakkarna li permezz ta’ Ġesù, Alla qed issejħilna u jistedinna sabiex inbiddlu l-mod ta’ kif aħna nħarsu lejh.  Qabel Ġesù, l-osservanza bir-reqqa tal-liġijiet u r-regoli tar-reliġjon Lhudija kienu l-mezz ewlieni kif wieħed kien ikun żgur li qed jagħmel ir-rieda t’Alla.  Issa, bil-miġja tal-Iben t’Alla fis-sura ta’ bniedem, Alla qed isejħilna sabiex aħna nagħmlu r-rieda tiegħu “fl-ispirtu u l-verità” u bħala persuni li ġejna meħlusa bid-Demm ta’ Kristu.  Din l-attitudni għandha wkoll tirrifletti ruħha wkoll fir-relazzjonijiet tagħna ma’ ħutna l-Insara l-oħra, membri ta’ Knejjes differenti.  Ilkoll kemm aħna “l-ħbieb tal-Għarus” għaliex lkoll, b’mod jew ieħor, aħna membri tal-Knisja li hi l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u l-Għarusa tiegħu.

  • It-Tlieta, 19 ta’ Jannar 2021 – It-tieni ġurnata (Mk 2: 23-28)

Illum, l-Evanġelju jkompli jistedinna biex napprofondixxu il-messaġġ li beda jwasslilna l-bieraħ.  Illum Ġesù qed ikompli jisfidana sabiex bħala dixxipli tiegħu inkomplu nimmaturaw u nsiru tassew persuni ħielsa.  Din il-maturità tikkonsisti f’li npoġġu lil Alla dejjem fl-ewwel post u nifhmu li l-liġijiet għandhom valur u siwi sakemm jagħmluna bnedmin aħjar, u jitilfu it-tifsira tagħhom meta jsiru piż li ijassar aktar milli li jeħles: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt”.  Din il-maturità ġewwinija għandha twassalna sabiex inkunu dejjem aktar miftuħin lejn insara oħrajn u li b’mod frekwenti nfittxu mumenti li fihom niltaqgħu magħhom u nsiru nafu aktar lil xulxin sabiex insiru tassew merħla waħda taħt Ragħaj wieħed.

  • L-Erbgħa, 20 ta’ Jannar 2021 – It-tielet ġurnata (Mk 3: 1-6)

Fl-Evanġelu tal-llum joħroġ ċar ħafna sentiment uman ferm negattiv, dak tal-għira.  Minn naħa hemm Ġesù li minn kull fejn kien jgħaddi dejjem kien jagħmel il-ġid u minn naħa l-oħra kien hemm il-Fariżej li l-għira li kellhom għal Ġesù kienet tant kbira li wasslithom biex jiftiehmu mal-partit tal-Erodjani, li kienu rivali tagħhom, sabiex jeqirdu lil Ġesù.  Dan is-sentiment huwa wieħed komuni wkoll fi żmienna.  Il-mentalità ta’ “aħna u huma”, sfortunatament nsibuha wkoll f’ambjenti reliġjużi.  Minflok ma nammiraw it-talenti u l-kapaċitajiet ta’ ħaddiehor u nħarsu lejhom bħala rigali t’Alla lilna lkoll, isiru strument ta’ firda.  Fir-relazzjonijiet tagħna ma’ nsara oħra, ejjew nwarrbu kull ħjiel ta’ għira u naraw lilna nfusna li flimkien magħhom aħna parti mill-istess Ġisem Mistiku ta’ Kristu.

  • Il-Ħamis, 21 ta’ Jannar 2021 – Ir-raba’ ġurnata (Mk 3: 7-12)

Fl-Evanġejlu ta’ San Mark, li qed naqraw minnu matul din is-sena liturġika, insibu diversi riferenzi fejn Ġesù ikkonfronta lix-xitan.  Is-silta tal-lum hija waħda minnhom.  It-taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin hija realtà li bħala nsara irridu ngħixu ta’ kuljum fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Dan jista’ jwassal li nħossuna għajjiena u naqtgħu qalbna li xi darba it-tajjeb se jirbaħ.  Iżda Ġesù f’mument ieħor qal lid-dixxipli tiegħu li x-xitan (li hu l-għajn ta’ kull ħażen) jista’ jiġi mirbuħ biss permezz tat-talb u s-sawm.  It-talb għalhekk huwa l-għodda ewlenija biex bħala ġisem wieħed inkomplu f’din it-taqbida tat-tajjeb kontra l-ħażin.  It-talb huwa wkoll mezz effettiv kif inkomplu inkabbru l-għaqda tagħna ma’ nsara oħrajn.  Mhux biss nitolbu għalihom, iżda wkoll nitolbu magħhom lil Missierna li hu fis-smewwiet biex lilna lkoll jeħlisna minn kull deni u minn kull ħażen.

  • Il-Ġimgħa, 22 ta’ Jannar 2021, San Publiju – Il-ħames ġurnata (Mt 25: 34-40)

Illum il-Knisja f’Malta qed tfakkar lil San Publiju, li t-tradizzjoni tqisu bħala l-ewwel Isqof ta’ Malta u għalhekk ħa ħsieb l-ewwel komunità nisranija li ħalla San Pawl wara n-nawfraġju tiegħu f’pajjiżna.  F’din it-tifkira l-Knisja tipproponilna is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew li jitkellem dwar il-Ġudizzju Universali u l-kriterji użati mis-Sultan magħrufa bħala l-Opri tal-Ħniena.  Dawn l-għemejjel huma biss possibli jekk aħna, bħal San Publiju, nħallu lilna nfusna ninbidlu tassew permezz tal-Kelma t’Alla.  Dan isir meta aħna “nilbsu lil Kristu” u nibdew nirraġunaw f’kollox bħalu.  Din il-bidla, jekk issir b’mod ġenwin, se tiftaħna wkoll dejjem aktar għal insara oħrajn u permezz tagħha nibdew naraw f’wiċċhom jiddi d-dawl ta’ Kristu.

  • Is-Sibt, 23 ta’ Jannar 2021 – Is-sitt ġurnata (Mk 3: 20-21)

Fis-silta qasira li tinqara waqt il-quddiesa tal-llum insibu lil Ġesù li mhux qed ikun mifhum lanqas minn qrabatu, tant li dawn jaħsbu li “tilef moħħu”.  Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù ifisser wkoll li xi kultant dawk l-aktar qrib tagħna ma’ jifhmuniex meta nfittxu li nfasslu ħajjitna fuq dik tiegħu.  Dan ġarrbuh l-ewwel insara minn Knejjes differenti li kienu l-pijunieri tal-Moviment Ekumeniku.  Dawk ta’ madwarhom ma setgħux jifhmu kif minkejja mijiet ta’ snin ta’ firda u kundanni lil xulxin, dawn l-insara marru ‘l hemm minn dak li kien jifridhom u minflok fittxew dak li kien jgħaqqadhom.  Għal ħafna minn sħabhom dan kien sinjal li tilfu moħħhom, iżda għalihom din l-akkoljenza reċiproka kienet xhieda qawwija u reali tal-preżenza tal-Ispirtu Qaddis t’Alla li jonfoħ fejn irid mingħajr ħadd ma jista’ jwaqqfu.

  • Il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2021 – Is-seba’ ġurnata (Mk 1: 14-20)

Fis-silta mill-Bxara t-Tajba li xxandret illum, insibu s-sejħa tal-ewwel erbgħa minn dawk li kellhom ikunu t-Tnax, magħrufa wkoll bħala l-Appostli.  Din is-sejħa saret fl-isfond tal-messaġġ ta’ Ġesù li s-saltna t’Alla waslet – l-istedina tiegħu kienet biex kulħadd jindem u jemmen fil-Bxara t-Tajba li Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex isalva d-dinja.  Qabel mar lura għand il-Missier, dan kien l-istess messaġġ li Ġesù ikkmanda lill-Appostli biex ixandru waqt li jgħammdu fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Fl-Istqarrija tal-Fidi li jipprofessa kull nisrani, lkoll nistqarru it-twemmin tagħna fil-Knisja li hi “Appostolika”, jiġifieri lkoll kemm aħna magħquda fi twemmin wieħed li minkejja l-forom differenti li jista’ jieħu, l-Knisja ta’ Kristu, hija mibnija fuq pedament komuni: dak tal-Appostli li kienu xhieda mill-qrib ta’ dak kollu li Ġesù qal u għamel.

  • It-Tnejn, 25 ta’ Jannar 2021, Il-Konverżjoni ta’ San Pawl – It-tmien ġurnata (Mk 16: 15-18)

Qiegħedin nagħlqu din il-Ġimgħa ta’ Talb għal-Għaqda fost l-Insara fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl. L-esperjenza ta’ San Pawl fi triq lejn Damasku kienet waħda tant qawwija li biddlitu b’mod li bilkemm baqa’ jingħaraf.  Fir-realtà Sawlu ma kienx bniedem ħażin.  Kien iħobb lil Alla b’qalbu kollha u b’ruħu kollha bħal kull raġel Lhudi li kien jimxi b’reqqa mal-liġijiet tar-Rabta l-Qadima.  Iżda il-bidla f’San Pawl ġrat għaliex kellu laqgħa tant qawwija u intima ma’ Kristu, li bħala konsegwenza tagħha beda jqis kollox bħala knis meta mqabbel mal-imħabba ta’ Kristu.  U għax kellu din l-esperjenza ta’ Kristu, xejn u ħadd ma waqqfu li jmur fid-dinja kollha ixandar l-Evanġelju lill-ħolqien kollu li fil-milja taż-żminijiet kollu se jinġabar taħt Ras waħda li hu Kristu.  L-għaqda fost l-Insara, li tlabna għaliha b’tant ħerqa matul din il-ġimgħa, hija mela sinjal qawwi u konkret ta’ dak li se jiġri fl-aħħar taż-żminijiet.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d