Vanġelu (Mk. 1. 21-28): Ġesu, mal-erba’ dixxipli ġodda, imur Kafarnahum. Inzerta s-Sibt, allura marru s-sinagoga. Din kienet viċin tad-dar tal-familja ta’ Pietru, fejn Ġesu u d-dixxipli tiegħu spiss kienu jgħaddu jistrieħu. Din id-dar kienet speċi ta’ “headquarters” ta’ Ġesu u d-dixxipli matul it-tliet snin tal-ħajja pubblika Tiegħu. Ġesu għażel Kafarnahum għax in-nies t’hemm kienu aktar disposti biex jilqgħu l-Aħbar it-Tajba.
- Fis-Sinagoga kienu jinqraw żewġ testi: wieħed mit-Torah u l-ieħor minn xi profeta. Min jaqra t-tieni waħda seta’ wkoll jagħmel il-kumment tiegħu. Ġesu qara t-tieni silta u għamel l-ispjega. S’issa, kull min għamel hekk kien jirrepeti dak li kienu jgħallmu r-Rabbini. Għall-ewwel darba n-nies semgħu spjega differenti u baqgħu mistagħġba għax Ġesu tkellem bħal wieħed li kellu awtorita’. Dak li kien jintqal qabel ma kien jiskomoda lil ħadd għax kien iħalli kollox kif inhu Il-kelma ta’ Ġesu hi provokanti u stimulanti ħafna li ċċaqlaq l-“istatus quo” tal-affarijiet. Tista’ tisma’ l-Kelma t’Alla minn xi ħadd li mhux konvint mill-qawwa tagħha. Din tħallik biered, u int tibqa’ fejn tkun. Imma jekk tismagħha minn għand xi ħadd li għamel esperjenza qawwija tal-Kelma li qanqlitu u ċaqalqitu, allura hemm ċans li tqanqal, tinkwieta u ċċaqlaq lilek ukoll, tant li tikkonkludi kemm dil-kelma hi l-Verita. Dan li nifhmu meta ngħidu li Ġesu tkellem b’awtorita’. B’hekk wera li t-tagħlim tar-Rabbini m’għadux aktar aċċettabbli. B’effett ta’ dan bdew jiġru ħwejjeġ tal-għaġeb.
- “Mela jkun hemm fis-sinagoga raġel bi spirtu mniġġes.” Għandu mnejn dan ma kienx l-ewwel fejqan li għamel Ġesu, imma S. Mark iqiegħdu fil-bidu tal-ministeru ta’ Ġesu għax dan se jagħti tifsira tal-ħidma kollha Tiegħu. It-tkeċċija u r-rebħa fuq il-mewt u x-xitan se jkunu l-bażi tas-saltna l-ġdida li Ġesu ġie jwaqqaf fuq din l-art. Ir-raġel bi spirtu mniġġes kien ilu mill-bidu bil-qiegħda f’postu kwiet. Il-kelma ta’ Ġesu qanqlet fih rejazzjoni mmedjata: qabad jgħajjat. Fi żmien Ġesu, in-nies kellhom ħjiel tal-kawża tal-mard komuni, e.g. uġiegħ ta’ żaqq, infezzjoni ta’ ferita, eċċ. Imma ma kellhomx ħjiel tal-mard mentali. Għalhekk kienu jwaħħlu fix-xitan. Għalihom kien hemm ir-renju pur, dak t’Alla, u r-renju mniġġes, dak tal-mewt u spirti mpuri li kienu jaħsbu li jgħixu fid-dlamijiet ta’ qiegħ il-baħar. (Ara r-rakkont ta’ meta x-xjaten talbu li jmorru fil-qżieqeż, u dawn qabżu l-baħar). Ġesu jċanfar lix-xitan: “Iskot! Oħroġ minnu!.” Imma Ġesu għajjat anki mad-deni tal-kunjata ta’ Pietru, għax hekk kienet il-mentalita’ dak iż-żmien. Mela, kull meta naqraw li xi ħadd kellu fih spirtu mniġġes, mhux bil-fors kien ippossedut minn xitan u kellu bżonn eżorċiżmu. Dal-mard mentali kien meqjuż opra tax-xitan għax ineżża’ l-bniedem mill-umanita’ tiegħu, u jressqu għar-rovina billi jġiegħlu jaħqar u jweġġa’ lilu nnifsu. Ir-raġel tas-silta tal-lum kien maħkum minn idejat negattivi, imxaqilbin aktar lejn il-mewt milli lejn il-ħajja. Allura malli Ġesu jitkellem fuq is-saltna Tiegħu ta’ mħabba li twassal għall-ħajja ta’ dejjem, il-forzi mxaqilbin lejn il-qerda u l-mewt joqomsu u jaqbdu jgħajtu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesu ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna?” Għax il-forzi (mhux forza waħda imma ħafna) jridu jkomplu jirrenjaw f’dan ir-raġel. Dawn il-forzi fija huma l-passjonijiet u l-ġibdiet ħżiena li, jekk ma nrażżanhomx, isarrfu f’egoiżmu, inġustizzji u vjolenzi, u b’hekk ma nkunx qed inġib ruħi ta’ bniedem uman.
- “Iskot u oħroġ minnu!” B’din il-kelma Ġesu jħabbar il-missjoni Tiegħu, i.e. dik li jaqla’ minn qalb il-bniedem dawk il-forzi tal-ħażen li jgħassruh, biex b’hekk il-bniedem ikun ħieles biex jgħix ta’ uman kif suppost. Il-fejqan tal-lum jista’ jitqies bħala parabbola u eżempju tal-fejqan li se jwettaq Ġesu fit-tliet snin ta’ ħidma Tiegħu. Illum jien imħeġġeġ biex infittex x’inhuma dawn il-ġibdiet li qed ixekkluni. Is-suppervja tgħidli: “Hemm bżonn turi li int aħjar minn kulħadd billi tiddominahom.” Lil dax-xitan tas-suppervja, bl-għajnuna ta’ Ġesu u flimkien miegħu jiħtieġli ngħidlu: (a) “Iskot!”, għax jekk ma nagħlaqlux ħalqu se jikkonvinċini li kulħadd qed jagħmel hekk, u jkompli jgħassarni.; (b) “Oħroġ minn hawn! Għax din mhux darek, mhux postok fi bniedem maħluq xbieha t’Alla, tempju tal-Ispirtu s-Santu, u li jrid jgħix l-umanita’ tiegħu fil-milja kollha tagħha.” Eżempju ieħor: “Jekk dak li weġġgħek ma tpattihilux, se tibqa’ ssofri. Trid tpattihielu biex isserraħ qalbek.” Jekk ma ssikkitx lil dax-xitan, se ssib ruħek tixtieqlu tant deni li forsi tiġi marda u tieħdu. B’hekk issir kompliċi ta’ omiċidju. Hemm xitan ieħor li jsefsiflek li Alla hu sever, jikkastiga u jpattiha. Dal-kliem jinżel għasel fl-imħuħ ta’ xi wħud li trabbew b’dan l-għidut, u jirrabjaw meta xi ħadd jipprova jsikket dan ix-xitan. Jiħtieġ li jien ma niddakkarx minn dawn it-talin, u nsikket lil dax-xitan fil-ħin. L-istess nistgħu ngħidu fuq l-għażż, rabja, eċċ. Meta nisma’ l-Kelma t’Alla ċċanfarni fuq xi wieħed minn dawn il-forzi, u jien inħossni nirribella għax inkun irrid nipproteġi idejali bħal dawn, ikun ifisser li jien qiegħed taħt il-ħakma ta’ din il-forza.
- “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa?” Dawn il-forzi jistgħu jinsabu mhux biss fija imma f’diversi strutturi tas-soċjeta. Ħafna minn dawn (e.g. faqar, tirannija, skjavitu’) tant huma vasti li jidher li m’hemmx soluzzjoni għalihom. In-nies tas-silta tal-lum aktar baqgħu mistagħġba għall-qawwa tal-kelma ta’ Ġesu milli għall-fejqan tar-raġel. Din turi li m’hawn ebda forza fid-dinja li hi aktar qawwija mill-Kelma ta’ Ġesu ta’ Nazaret. Sta għalina li nwasslu dil-kelma għax, kull fejn tasal, tkeċċi dawn ix-xjaten.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini