L-Isqfijiet Portugiżi esprimew “niket u għajb” dwar l-approvazzjoni ta’ liġi ġdida li tillegalizza l-prattika tal-ewtanasja f’ċerti każijiet u taħt regoli stretti. Il-liġi għaddiet fid-29 ta’ Jannar b’vot ta’ 136 – 78 u erba’ astensjonijiet, minkejja l-oppożizzjoni qawwija li esprimew il-Knisja u l-organizzazzjonijiet Kattoliċi.
Skond it-test leġislattiv, persuni ta’ ‘l fuq minn 18-il sena jitħallew jitolbu għajnuna biex imutu jekk ikunu morda terminali u jsofru minn uġigħ “dejjiemi” u “nsapportabbli”, sakemm ma jitqisux li huma mhumiex mentalment stabbli biex jieħdu deċiżjoni bħal din. Il-proċess se jkun miftuħ biss għaċ-ċittadini u r-residenti legali sabiex in-nies ma jitħallewx jivvjaġġaw lejn il-Portugall biex jiksbu għajnuna medika biex itemmu ħajjithom.
Fi stqarrija ppubblikata lbieraħ, il-Kunsill Permanenti tal-Konferenza tal-Isqfijiet Portugiżi (CEP) itenni li l-liġi l-ġdida “tikser il-prinċipju tal-invjolabbiltà tal-ħajja umana” minquxa fil-Kostituzzjoni, u tiddeplora l-approvazzjoni tagħha fi żmien meta l-pajjiż għadu jiġġieled kontra l-pandemija COVID-19. “Li tillegalizza l-mewt f’dan il-kuntest, tirrifjuta l-lezzjonijiet li tatna din il-pandemija dwar il-valur prezzjuż tal-ħajja umana, li l-komunità in ġenerali u l-professjonisti tas-saħħa b’mod partikolari qed jippruvaw isalvaw bi sforzi straordinarji, hija kontradizzjoni”.
L-isqfijiet jinsistu li ma jistgħux jaċċettaw l-ewtanasja bħala “tweġiba għall-mard u t-tbatija”, għaliex dan ifisser “li jieqfu biex itaffu t-tbatija u jagħtu l-idea ħażina li ħajja mtappna bl-uġigħ u t-tbatija ma jistħoqqilhiex aktar protezzjoni u ssir piż fuq l-persuna nnifsha, fuq nies oħra, fuq is-servizzi tas-saħħa u fuq is-soċjetà kollha”. Għalhekk huma jġeddu s-sejħa tagħhom biex jipproteġu l-ħajja minflok, “speċjalment meta tkun aktar fraġli”, billi tiffaċilita l-aċċess għall-kura palljattiva, “li l-maġġoranza taċ-ċittadini Portugiżi għad m’għandhomx”.
Minbarra li jiddeploraw “politika leġislattiva li ddgħajjef id-dinjità tal-ħajja tal-bniedem”, l-isqfijiet Portugiżi wkoll jilmentaw “involuzzjoni kulturali bla preċedent”, li fiha d-dritt għall-awtodeterminazzjoni sar assolut, u li kontrih “irridu nirreaġixxu bis-saħħa”, huma jgħidu. “Issa aktar minn qatt qabel”, tikkonkludi l-istqarrija, “aħna determinati li nakkumpanjaw lill-morda b’attenzjoni u mħabba fil-fażijiet kollha tal-ħajja fuq l-art tagħhom u speċjalment f’dik finali”.
Jekk il-liġi tkun iffirmata mill-President Marcelo Rebelo de Sousa, l-Portugall isir is-seba’ pajjiż fid-dinja li jippermetti lill-pazjenti morda b’mod terminali jfittxu għajnuna mingħand tabib biex itemmu ħajjithom.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-01/portuguese-bishops-decry-legalization-of-euthanasia.html