Sawlu, li ġie imsemmi Pawlu, jgħid lilek u lili: ĦAWWLU!

Print Friendly, PDF & Email

Huwa dan il-kliem li l-Ispirtu s-Santu, Ruħ il-Qdusija, qed jinseġ f’fommi u minnu qed jitma’ lilek u, fuq kollox, lili stess illum. Sewwa sew ħamest ijiem ‘il bogħod mill-festa għażiża tal-Appostlu Missierna San Pawl!

In-numru ħamsa! In-numru li fil-Bibbja jissimbolizza t-tjubija u l-ħniena lejn il-bnedmin. U, meta dan in-numru jiġi immultiplikat bih innifsu, jiġifieri ħamsa għal ħames darbiet, jibda’ ifisser dak li nsibu fil-Prologu tal-Vanġelu skont San Ġwann fuq Ġesù Kristu Sidna: Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja (Ġw 1:16). U tassew li dan li l-Mulej innifsu qed jagħtini illum, bħala tħejjija għal din il-festa mill-akbar li tfakkar, b’tant imħabba, il-magħmudija ta’ Malta pajjiżna. Għax din il-ġrajja tal-ġrajjiet għall-għażiża artna m’hi xejn għajr grazzja fuq grazzja!

U hawn irrid insemmi l-kelmiet li ma jmutu qatt tal-mibki u l-maħbub kbir ta’ Malta, ilsienha u għanjietha, Prof. Oliver Friggieri li, fl-oratorju Pawlu ta’ Malta, jitħaddet hekk f’isem Pawlu: “Il-kotra tal-Lhud kollha/jiftakru jien min jien./ Kont Fariżew li l-liġi/ħaristha sew f’kull zmien. U llum ninsab quddiemek/ għax nemmen fil-Mulej,/is-sid ta’ dak li ġara,/l-Imgħallem ta’ li ġej./ Fil-bidu ħalaq kollox,/kien dejjem, ma jmut qatt./ Dan Alla moħbi, wiċċu/ma jista’ jilmħu ħadd./ Xandart li Alla tiegħi qed igħajjex lill-ħajjin,/xandart ukoll li għada/se jqajjem lill-mejtin. Ħdimt ħafna biex tinqered/il-kelma ta’ Gesu’./ Illum ninsab quddiemek/biex ngħidlek dan min hu./ Għalkemm riedu joqtluni/u rajt l-eħrex tiġrib,/jien kullimkien u dejjem/inxandar is-Salib.”


U x’joħroġ ħuti Maltin u Għawdxin meta wieħed jagħsar sewwa dan il-kliem li, kemm hu ħerqani daqshekk ieħor joffri lilek u lili ġenna ta’ sliem? Dan il-kliem li ma ingħadx f’xi sala sabiħa fejn kulħadd, kajman kajman, kien qed jixrob il-kafè u jiekol il-biskuttini jew il-qassatat bil-mod tiegħu, sabiħ jew ikrah. Imma, dan il-kliem, kien frott il-għasra ta’ proċess imħawwar bil-biża’ u l-inkwiet! Għalhekk, it-tweġiba għal din il-konvinzjoni li l-Mulej għoġbu jagħtini ma nsibha imkien u aħjar għajr f’dak li jikteb San Pawl stess fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin:

Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar. Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, li kabbar. Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed jieħu l-ħlas li ħaqqu skont ma ħadem (1 Kor 3:6-8). X’pijunier kien Pawlu tagħna hux għall-ħaddiema! Għax il-ħlas għandu jingħata lil kull min ħadem! Kif jgħid xi mkien ieħor Pawlu tagħna, sewwa sew fl-Ewwel Ittra tiegħu lil Timotju 5:18: “Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu”. Interessantissmu l-fatt li din is-sentenza nsibuha, eżatt eżatt, fil-vanġelu skont San Luqa, jiġifieri f’Luqa 10:17 meta Ġesù jgħid lit-72 dixxiplu: Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Issa, jekk Pawlu u Luqa kienu flimkien, kif jgħid Pawlu innifsu fit-Tieni Ittra tiegħu lil Timotju kap 4 vers 11: Luqa waħdu baqa’ miegħi, allura min taha lil min din il-frażi prinċipju? Pawlu taha lil Luqa jew inkella Luqa taha lil Pawlu? Filwaqt li nħalli din il-kwistjoni għall-għeżież ħuti l-biblisti xorta fit-traduzzjoni jibqa’ kurjuż il-fatt li Pawlu jsemmi dan il-prinċipju qisu qed jikkuppjah minn xi mkien u dan ix-xi mkien, jew sors, kien mimli kliem li Ġesù kien jgħid. Jew aħjar dak li fl-istudji bibliċi nsejħulu ipsissima verba Jesu. Almentu t-test tal-Ewwel Ittra lil Timotju hekk wasal f’idejna!

Li Pawlu qed jgħid lilek u lili, illum, ħamest ijiem ‘il bogħod mill-festa kbira tiegħu ta’ meta inkalja fostna, hi sempliċiment din: Tridu tkunu bħali, li minn Sawlu l-Mulej għamilni Pawlu? ĦAWWLU! Ħawwlu l-Kelma t-Tajba, il-kelma tas-sewwa tal-Evanġelju (Kol 1: 5), il-kelma tas-sewwa (2 Kor 6:7), il-kelma tal-Verità (1 Efes 1:13), il-kelma ta’ Alla (Efes 6:17), il-kelma tal-ħajja (Fil 2:16), li hi l-kelma ta’ Kristu (Rum 10:17).

U dan nagħmluh l-għaliex jinħtieġ fuq li jinħtieġ li l-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ (2 Tess 3:1). Dan nagħmluh l-għaliex aħna l-Maltin, permezz tal-Appostlu Missierna San Pawl, il-kelma tal-Mulej ħarġet minn [għandna] u jinħtieġ li tinxtered ma’ kullimkien (1 Tess 1:8). U dan ix-xandir tal-kelma u tat-tagħlim (1 Tim 5:17) f’Malta u Għawdex tallum għandna bżonnu aktar mill-ħobż li nieklu! Ejjew ma ninsewx ħaġa ħuti: il-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta (2 Tim 2:9)! Hemm bżonn li txxandar waħda sewwa! Ibda’ minn dak il-FACEBOOK! U hawn, ħalluni nagħmel dan is-suġġeriment ċkejken ċkejken, li jagħtihuli l-kbir Pawlu tagħna meta jgħid: Itolbu għalija wkoll, biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma, ħalli b’wiċċi minn quddiem inxandar il-misteru tal-Evanġelju (Efes 6:19). Iva! Ejjew nitolbu qabel nidħlu fuq dak il-FACEBOOK u nippowstjaw posts li bihom il-Mulej jagħmel ħafna ġid bina! Hemm bżonn ħafna li NĦAWWLU L-KELMA BIL-FACEBOOK!

Kemm ili nisma’ ħbieb nies li jgħiduli: “Rajt it-tali post u ġagħlittni naħseb” Jew “qrajt it-tali post u ħadittni nqerr” u l-bqija. Għalhekk, ejjew inkunu Pawlini ta’ veru billi NĦAWWLU kelma t-tajba bil-posts fuq FACEBOOK, b’li joħroġ u ma joħroġx minn fommna u, fuq kollox, bl-eżempju ta’ ħajjitna. Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu (1 Kor 11:1). Hekk qalilna Pawlu tagħna!

U ejjew ma nibżgħux meta, jekk insibu min, bħal Festu, kif niseġ bl-akbar sengħa ilsien il-pinna tal-kittieb ħafif (ara S 45:2), jgħidilna jew biex jgħaddina biż-żmien inkella għax mdagħdagħ: “Miġnun! Dan l-għerf li għandek/ se jwasslek biex tiġġennen!”, u mhux talli ma jagħmillix u ma tagħmillix like fuq il-FACEBOOK talli aqta’ kemm jikteb kontra tiegħi fil-wall! Jew taħt il-post!

Tagħtux kasu! U kasha! Issuktaw ippowstjaw! Ħa jibda’ jinqata’ darba għal dejjem dan l-għatx klubi tal-mewt fost il-poplu tagħna għall-Kelma tal-Ħajja! (Fil 2:16). Bid-determinazzjoni li jagħtina Ruħ il-Qdusija, l-Ispirtu s-Santu, lil dawn in-nies irridu ngħidulhom bl-imħabba u bi kliem Pawlu tagħna, kif misjuba fl-oratorju Pawlu ta’ Malta: “M’iniex mignun. Jien qiegħed ngħid is-sewwa,/ u jiena naf, Sultan, li inti temmen/ fil-kelma tal-Mulej li tirbaħ kollox./ Jien nitlob ‘l Alla tiegħi/li qiegħed ngħix għalih/biex inti tagħmel bħali/ u tibda’ temmen fih./ Jien nitlob ‘l Alla tiegħi li jħares lejk ukoll,/u nitlob, nitlob dejjem,/għalina lkoll, ilkoll”.

Sawlu, Pawlu,

Ibqa’ ħeġġiġna

Ħalli bħalek

Il-Kelma nħawwlu!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d