X’jiġri fuq żewġ muntanji

Il-Ħadd, 28 ta’ Frar 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tat-Tieni Ħadd tar-Randan. Parroċċa Balzan.

X’jiġri fuq żewġ muntanji

Malta m’għandniex muntanji. Għandna xi għoljiet. Imma min xi darba ra muntanja, u kien ħdejn muntanja, jaf l-impressjoni kbira ta’ xi ħaġa mmensa, enormi, li tara quddiemek. Xi ħaġa li qisha tgħollilek ħsiebek lejn is-sema.

Fl-Iskrittura hemm mumenti partikulari meta l-muntanja hi l-post fejn Alla juri lilu nnifsu, u fejn Alla jagħti wkoll messaġġ importanti lin-nies. Per eżempju, aħna familjari mal-muntanja Sinai, fejn Alla ta l-kmandamenti lill-poplu Lhudi permezz ta’ Mosé. Hawnhekk, fil-kelma ta’ Alla llum, għandna żewġ muntanji, fl-Ewwel Qari u fl-Evanġelju, u hemm rabta bejniethom. Nixtieq li naraw il-messaġġ li Alla jagħtina fil-kelma tiegħu llum permezz ta’ dak li jiġri fuq dawn iż-żewġ muntanji.

Alla tal-ħajjin

Fuq l-ewwel muntanja, hemm Abraham li jitla’ ma Iżakk biex joffri lil ibnu l-waħdieni b’sagrifiċċju lil Alla. Din meta naqrawha llum għalina hi stramba kif Alla talbu joffri lil ibnu l-waħdieni. Imma fil-fatt, jekk immorru lura għal dak iż-żmien, naraw li Abraham kien jgħix fost nies li jqimu allat pagani u li kienu joffru anke nies b’sagrifiċċju lill-allat tagħhom. Alla ried jieħu din il-mentalità biex jibdilha. Juri, permezz ta’ din il-ġrajja, li hu mhux hekk. Lil Abraham jgħidlu biex jitla’ fuq il-muntanja imma mbagħad, permezz tal-anġlu, jgħidlu: “la tmiddx idejk fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara”. Alla mhux Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin, Alla li jrid il-ħajja. Mhuwiex dan il-mod kif inti tqim lil Alla.

Alla ta dan il-messaġġ qawwi li baqa’ dejjem mal-poplu ta’ Alla: li Alla hu sid il-ħajja u jrid li aħna nipproteġu l-ħajja. F’din il-ġrajja toħroġ ukoll il-fidi kbira, il-fiduċja li kellu Abraham f’Alla. Anke jekk ma setax jifhem kif l-ewwel iwiegħdu nisel bla għadd, imbagħad jitolbu li jissagrifika lil ibnu l-waħdieni, kellu fiduċja f’Alla – li Alla jaf x’qed jagħmel. Kellu fiduċja kbira fil-provvidenza ta’ Alla, u l-ġrajja tal-lum turina kif din il-fiduċja ssarrfet. Abraham ħaseb li se jitlef lil Ibnu l-waħdieni, imma fil-fatt Alla tah nisel bla għadd – bħall-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar. F’din l-ewwel ġrajja, għandna l-fiduċja kbira f’Alla, Alla li qatt ma jonqos minn kelmtu, li minn fejn hemm id-dlam joħroġ id-dawl, fejn naħsbu li hemm it-tmiem u spiċċa kollox, toħroġ ħajja ġdida. Alla hu sid il-ħajja.

Il-mewt mhijiex l-aħħar kelma

Fit-tieni ġrajja, naraw lil Ġesù jieħu miegħu lit-tlett iħbieb – Pietru, Ġakbu u Ġwanni – u hemmhekk fuq il-muntanja dawn ikollhom dehra speċjali ta’ Ġesù, dik li aħna nsejħulha Trasfigurazzjoni. Għal ftit mumenti kellhom dehra tal-glorja ta’ Alla. Għaliex għamilha Ġesù? U għaliex għamilha għal ftit tal-ħin, u mbagħad spiċċat id-dehra? Għax hu kien għadu kif qalilhom li hu kellu jgħaddi mit-tbatija tal-passjoni u l-mewt. Ried hawnhekk jagħtihom ħjiel li l-mewt ma kellhiex tkun l-aħħar kelma. Ried jagħtihom ħjiel tal-glorja tiegħu biex ikunu jafu li wara l-passjoni u l-mewt, hemm il-qawmien, il-glorja sħiħa – anke jekk kienu għadhom ’il bogħod milli jifhmu x’ifisser tqum mill-imwiet. Alla hu Alla tal-ħajja li jegħleb il-mewt.

Għalhekk ħa miegħu lil dawn it-tlieta li kellhom ikunu viċin tiegħu fil-mument ta’ agunija, fl-Ort tal-Ġetsemani, biex meta jgħaddu mill-esperjenza ta’ trawma tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, meta jaraw kollox dlam, jiftakru fid-dehra ta’ Ġesù kollu dija, id-dawl kbir li jkun magħhom biex jagħtihom kuraġġ fil-mument tal-akbar dlam. Għalhekk fuq dil-muntanja, għandna din id-dehra ta’ Alla li hu Alla sid il-ħajja, li mill-mewt joħroġ il-ħajja. Din il-ġrajja tifħilna għajnejna wkoll – kif se ngħidu f’talba aktar ’il quddiem waqt il-quddiesa – “…biex kulħadd jagħraf tajjeb li l-qawmien għall-ħajja jinkiseb permezz tal-passjoni”.

Nisimgħu lilu 

Meta aħna nħarsu dawn iż-żewġ muntanji, x’inhu l-messaġġ l-aktar importanti għall-ħajja tagħna llum? Hu fil-kliem tal-leħen tal-Missier li jinstema’: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Dan hu l-messaġġ l-aktar importanti għalina. Jekk aħna verament nisimgħuh, inkunu ma’ Alla u nafu li hu magħna, bħalma jgħid San Pawl fit-Tieni Qari – “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” Hemmhekk għandna direzzjoni importanti f’ħajjitna biex napprezzaw u ngħożżu l-ħajja tagħna hawnhekk, li mbagħad twassalna biex nissieħbu miegħu fil-ħajja ta’ dejjem fis-sema. Hu importanti li nisimgħu lilu.

Il-leħen ta’ Alla jiġina f’ħajjitna u jgħinna biex aħna ngħarblu ilħna oħra li nisimgħu – u hemm ħafna ilħna. Il-leħen ta’ Ġesù jgħinna biex nagħrfu x’inhu tajjeb u x’inhu hażin.  Biex insemmi eżempju wieħed biss, ir-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem: aħna ngħidu li l-ħajja għandna nħarsuha mill-ewwel mument tat-tnissil tal-ħajja sat-tmiem naturali. Hawn min jgħid: tirrispetta l-ħajja, iva; imma fil-bidu minn ftit wara li tibda, u lejn it-tmiem skont kif il-bniedem ikun. Kif iddaħħal eċċezzjoni fil-bidu, u ddaħħal eċċezzjoni fl-aħħar, tlift ir-rispett lejn il-ħajja umana. Semmejt eżempju wieħed, fejn aħna għandna nisimgħu leħen il-Mulej għax hu l-leħen li jagħtina d-dawl u jurina t-triq. Jiswa lilna ta’ ġid li nisimgħu lilu.

Nitolbuh din il-grazzja llum, ispirati mill-kelma tiegħu, li dejjem nisimgħu l-kelma ta’ Ibnu l-għażiż, u fiha nsibu tassew id-dawl għal ħajjitna, it-triq li tgħinna napprezzaw din il-ħajja u li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply