Sinjali tal-imħabba tal-Papa għas-Sirja

Print Friendly, PDF & Email

Sirja: ROACO joffru sinjali tal-imħabba tal-Papa għal nazzjon meqrud mill-gwerra

Nhar it-Tnejn, is-Sirja mmarkat l-10 anniversarju mill-hekk imsejjaħ ‘jum ta’ rabja’, meta protesti kbar ħarġu fit-toroq biex juru l-iskuntentizza tagħhom mil-gvern ta’ Bashar al-Assad. Ripressjoni vjolenti fuq id-dimostranti waslet għal gwerra ċivili. L-Ħadd, il-Papa Franġisku mmarka dan l-anniversarju billi mil-ġdid appella għall-paċi. Madankollu, t-tħassib u l-attenzjoni tiegħu jmorru lil hinn minn sempliċi kliem w appelli.

ROACO, ir-‘Reunion of Aid Agencies for the Oriental Churches’, akkumpanjat lill-poplu Sirjan f’isem il-Papa minn meta faqqa l-kunflitt. Il-fergħa umanitarja tal-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Knejjes Orjentali tgħaqqad għadd t’aġenziji ta’ għajnuna biex jgħinu popolazzjonijiet li jbatu fil-bini mill-ġdid ta’ knejjes, djar, skejjel, u faċilitajiet tal-kura tas-saħħa.

Mons. Kuriacose Cherupuzhathottathil, is-Segretarju ta’ ROACO, tkellem ma’ Antonella Palermo tar-Radju tal-Vatikan dwar il-ħafna modi kif il-Knisja qed tgħin lis-Sirjani jittrattaw il-kriżi li għaddejjin minnhom. “L-aġenziji u l-Kongregazzjoni Orjentali, flimkien mal-Knejjes lokali, jippruvaw jibqgħu qrib in-nies fil-bżonn u jgħinuhom,” qal Mons. Kuriacose. “Aħna nippruvaw nipprovduhom bi ħtiġijiet bażiċi, bħall-ikel u l-kenn.”

“Il-proġetti kollha li huma ffinanzjati fis-Sirja juru l-imħabba tal-Qdusija Tiegħu lejn dan in-nazzjon,” huwa qal. “Għax aħna, bħala l-Kongregazzjoni u l-aġenziji ta’ ROACO, naħdmu f’isem il-Papa.” Dawn il-proġetti, qal Mons. Kuriacose, jinkludu r-rikostruzzjoni ta’ tliet sptarijiet Kattoliċi fis-Sirja. Dawn il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa joffru lis-Sirjani linja ta’ sikurezza mportanti, u bosta servizzi li huma offruti mingħajr ħlas għal dawk fil-bżonn. ROACO tgħin ukoll biex tiffinanzja l-konstruzzjoni ta’ knejjes, monasteri, djar reliġjużi, proġetti soċjali w umanitarji, w ċentri kateketiċi.

Madankollu, wħud mill-iktar għajnuna mportanti li l-aġenziji jagħtu hija li jgħinu lis-Sirjani jibqgħu fil-pajjiż tagħhom, kif ukoll jgħinu lil dawk li jixtiequ jirritornaw lura lejn pajjiżhom. Iktar minn 5 miljuni minnhom ħarbu minħabba l-qerda, filwaqt li 6 miljuni oħra huma mferxa internament. In-Nazzjonijiet Uniti tgħid li madwar 13.4 miljun Sirjan fil-pajjiż jeħtieġu xi forma ta’ għajnuna umanitarja. Mons. Kuriacose qal: “Allura, dak li qed nippruvaw nagħmlu hu li nakkumpanjawhom fejn jinsabu issa, w nippruvaw nakkumpanjawhom fit-tbatija tagħhom, u nipprovdulhom ukoll it-tama.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-03/syria-decade-anniversary-roaco-pope-francis-concern.html