Il-Jum Dinji tal-ilma,

Print Friendly, PDF & Email

Fil-Jum Dinji tal-ilma, l-Papa Franġisku saħaq biex ma naħlux u lanqas inniġsu l-ilma.

Il-Papa Franġisku appella għar-responsabbiltà u l-kura fl-użu tal-ilma, waqt li rrimarka li sal-llum, “l-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb għadu mhux aċċessibbli għal kulħadd”. Dan m’huwiex “kumdità”, u li hemm bżonn mill-aktar fiss ngħaġġlu “biex jingħata x-xorb lil min hu bil-għatx”. Dan l-appell sar permess ta’ messaġġ bil-vidjo mibgħut mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, f’isem il-Papa, lill-parteċipanti li kienu qed jieħdu sehem f’webinar organizzat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO). Anke l-Ħadd li għadda, waqt it-talba tal-Anġelus il-Qdusija Tiegħu appella għal ilma tajjeb għax-xorb u sanità għal kulħadd.

Fil-messaġġ li bagħat, il-Papa nnota l-intensità tat-tema magħżula għal din is-sena: “Nevalwaw l-ilma”. Huwa jistedinna, niex inkunu aktar responsabbli fil-protezzjoni w l-użu ta’ dan l-element li huwa tant fundamentali għall-preservazzjoni tal-pjaneta tagħna. Huwa nnota li “mingħajr ilma, ma kienx ikun hawn l-ebda ħajja, l-ebda ċentri urbani, l-ebda agrikolutura, forestrija jew bhejjem,” u madankollu din ir-riżorsa ma ġietx ikkurata bil-kura w l-attenzjoni li jistħoqqilha. L-ħela, l-injorazzjoni jew il-kontaminazzjoni tal-ilma, kien żball u jkompli jiġi ripetut anke llum”, huwa qal.

Il-Qdusija Tiegħu qajjem il-kwistjoni ta’ kif fl-era tagħna tal-progress u l-avvanzi teknoloġiċi, “l-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb għadu mhux aċċessibli għal kulħadd.” Il-Papa fakkarna li “l-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb huwa dritt bażiku w universali tal-bniedem, […] kundizzjoni għall-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra tal-bniedem.” (Enċiklika Laudato sì, no. 30).

Il-Papa nnota wkoll li ma’ din ir-realtà, diġa qed jinħassu l-effetti ta’ ħsara li qed issir tat-tibdil fil-klima: għargħar, nixfiet, temperaturi li għolew, xita li tinżel f’daqqa w imprevedibbli, tnaqqis tal-influs tax-xmajjar u tnaqqis fl-ilma ta’ taħt l-art. Huwa qal li dawn il-fenomeni kollha huma ta’ deteriment għall-kwalità tal-ilma.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika stieden lil kulħadd biex naħsbu f’dawk li llum m’għandhomx l-ġid essenzjali bħalma hu l-ilma, kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet li se jiġu warajna, w talab lil kulħadd biex jaħdem biex jintemm it-tniġġis tal-ibħra u x-xmajjar, kif ukoll tal-ilma ġieri li għaddej taħt l-art.

Għamel referenza għat-tema magħżula ta’ din is-sena, l-Papa kompla jitlob lil kulħadd biex jinbidel il-lingwaġġ tagħna stess: “Minflokk ma nitkellmu dwar il-“konsum tal-ilma”, għandna nirreferu għall-“użu” sensibbli tiegħu, skond il-bżonnijiet reali tagħna u nirrispettaw dawk ta’ ħaddieħor. Huwa appella lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex jgħixu bil-qies, billi jqiegħdu s-solidarjetà fiċ-ċentru tal-kriterji tagħhom sabiex l-ilma jkun jista’ jintuża b’mod razzjonali, mingħajr ma jinħela inutilment, u “nkunu nistgħu naqsmuh ma’ dawk li l-aktar għandhom bżonnu.”

Huwa qal ukoll li l-aċċess għal ilma sigur u sanità adegwata jnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ikel u t-tixrid ta’ mard infettiv, li jaffettwa l-istat nutrittiv u s-saħħa tan-nies.

Il-Papa Franġisku temm il-messaġġ tiegħu billi appella għal azzjoni urġenti: “Ejjew nħaffu, biex nagħtu xorb lil dawk li huma bil-għatx. Ejjew nikkoreġu l-istil tal-ħajja tagħna sabiex ma naħlux u ma niġsux. Ejjew insiru protagonisti ta’ dik it-tjubija li waslet lil San Franġisk t’Assisi biex jiddeskrivi l-ilma bħala oħt li hija umli ħafna, u prezzjuża u kasta;! (Kantiku tal-Ħolqien FF263).”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-world-water-day-waste-pollution-solidarity-poor.html

Kif ukoll, fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-angelus-appeal-world-water-day.html

%d