Lectio Divina tas-27 Ħadd. Sena “B”

Vanġelu (Mk 10, 2-16): Fl-istorja tal-etika sesswali insibu l-bniedem li maż-żmien beda jiddetta il-morali kif jaqbillu. Ma jridx jisma’ priedki fuq hekk biex ma jħossx xi sens ta’ ħtija jew mistħija. Iddeċieda waħdu li fis-sess għandu dritt jagħmel li jrid u ma’ min irid, dment li jkun hemm kunsens bejn il-partijiet konċernati. Deċiżjonijiet morali gravi bdew jittieħdu fuq bażi emozzjonali, mis-suġġeriment kollettiv (kulħadd qed jagħmel hekk!), mill-etika moderna u mill-mentalita’ permissiva fejn kollox hu tajjeb u leċtu. Min jipproponi xi forma ta’ rażan jiġi ttimbrat bħala moħħu magħluq ta’ żmien medjuvali. Għalhekk illum jiħtieġ insaqsu: Dan l-atteġġjament dwar is-sess hu korrett? Qed jgħin biex il-bniedem jgħix aktar uman u altruista jew qed jirriduċi s-sess għal sempliċi pjaċir egoista biss?  Il-pjaċir ħalqu Alla, imma hu tajjeb u sabiħ meta jwassal lill-bniedem għall-ferħ, għall-milja tal-armonija miegħu innifsu, mal-ħolqien kollu u m’Alla.

  1. “Staqsewh jekk raġel jistax iħalli lil martu.” Din problema attwali u ħafna huma tal-fehma li min iwieġeb “le” mhux miexi maż-żminijiet. Il-mistoqsija “divorzju jew le” hi mqiegħda ħażin. L-ewwel jiħtieġ jiġi ċċarat ir-rapport sesswali bejn raġel u mara. Jekk ma nagħmlux hekk inutli niddiskutu għax kulħadd jibda jitkellem lingwa differenti. In fatti Ġesu ma jweġibx “le” imma jibda biex ifakkar lill-Fariżej x’inhu l-pjan t’Alla. Ġesu jrid li kull bniedem jifforma parti minn dan il-pjan biex hekk jifhem għalfejn Alla ħalaq lill-bniedem raġel u mara.  Għal dan il-għan Ġesu jsaqsi lill-Fariżej: “X’ordnalkom Mose’? X’taqraw fil-Bibbja?” F’Malakija nsibu ċanfira lill-qassisin: “Il-Mulej m’għadux jilqa’ l-offerta tagħkom….. għax bejnek u bejn il-mara ta’ żogħżitek hemm xhud il-Mulej, u int qarraqt biha…. għax jien id-divorzju nobogħdu” (2. 13-16). Il-Fariżej wieġbu: “Mose’ ta permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju u jibgħatha.” Din gidba għax Mose’ ma ta l-ebda permess.  Ir-raġel li jinjora t-tagħlim tal-profeti u xorta jkeċċi l-mara ‘l barra, iħalliha vulnerabbli, għax jekk din tkun trid tmur ma’ raġel ieħor biex hi u uliedha ma jmutux bil-ġuħ, tkun qed tissogra t-tħaġġir għax tkun fl-adulterju. Li ordna Mose’, mela, hu li dan ir-raġel irid itiha kitba fejn iħollha minn kull obbligu lejh. Wara dan, ir-raġel ma jkun qatt jista’ jerġa’ jeħodha lura, għalhekk kellu jaħsibha sew qabel ma jgħaffiġha. Dan kollu biex Mose’ jipproteġi l-mara minn kull deni. Il-kuntratt ta’ żwieġ Lhudi kien ikun miktub fuq karta mżejna b’ħafna tpinġijiet ta’ fjuri, weraq u frott tad-dielja – veru innu lill-ħajja; mentri l-kitba tad-divorzju kienet bla ebda tiżjin, u b’ortografija (handwriting) differenti minn dik użata għall-Kitba Mqaddsa. Dan sabiex Mose’ juri li m’hemm xejn qaddis f’dan id-dokument, anzi jirrifletti t-traġedja tad-divorzju. Ir-rabbini kienu jgħidu li meta koppja tissepara anki Alla jibki.
  2. “Imħabba fl-ebusija ta’ raskom..” Din l-ebusija anki fil-qalb turi ruħha meta wieħed ma jaċċettax f’ħajtu il-pjan t’Alla għas-sesswalita’. Alla għoġbu joħloq mara u raġel għax ma riedx li l-bniedem ikun awto-suffiċjenti imma komplementari, biex jagħraf fis-sieħba il-parti li għandu bżonn. Għalhekk l-ewwel bnedmin kienu għerja, li ma kinitx xi ħaġa ta’ mistħija jew xi telfa. Kienet tfakkar lill-bniedem fil-parti li jonqsu biex ikun komplut. Kieku Alla m’għamilx hekk, il-bniedem ma kien ikollu bżonn lil ħadd, u ma jħobb lill ħadd ħlief lilu nnifsu. Mentri kif ħalqu Alla, jitgħallem iħobb: dan hu l-iskop aħħari u prinċipali  tal-ħolqien. Is-sesswalita’ hi l-qawwa li timbotta raġel lejn martu (u viċi-versa) biex jgħinha tilħaq il-milja tagħha (enrichment, fulfillment) bħala mara u hu bħala raġel. Din l-imħabba ta’ spiss tesprimi ruħha bl-użu tal-ġenitalita’, imma mhux bil-fors jew il-ħin kollu. L-eżempju per eċċellenza ta’ dan hu Ġesu Kristu li lkoll nafu b’liema mod wera imħabbtu lejn il-bnedmin. Il-ġenitalita’ hu aspett li jitwettaq f’ambjent preċiż – ambjent ta’ imħabba matrimonjali, i.e. imħabba definittiva u bla kundizzjoni: “Dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem.”
  3.  L-ittri Lhud G u T (Get=divorzju) qatt ma jidhru ħdejn xulxin fi-Bibbja. Dan juri li l-imħabba vera u sinċiera bejn koppja ma tmut qatt għax hi parti mill-imħabba t’Alla. “L-ebda baħar jew xmara ma jista’ jitfi n-nar tal-imħabba” (Għanja tal-Għanjiet). Ħasra  li llum meta ħafna jgħidu “inħobbok” jifhmu “Irridek għalija biss, għandi bżonnok”. Din imħabba egoista u ma ddumx wisq. Mentri Alla jixtieq li nifhmu: “Lest għal kollox anki li nagħti ħajti għalik, basta int tkun ferħana.” Relazzjonijiet barra u qabel iż-żwieġ mhumiex parti mill-pjan t’Alla għax m’hemmx impenn serju u għax ifarrak il-kliem: “U t-tnejn isiru ġisem wieħed,” i.e. għaqda definittiva li ma tistax tinkiser. Mela, ma nistgħux nieħdu s-sesswalita biċ-ċajt, imma b’serjeta kbira billi nevitaw l-għaġġla, d-diżordni u n-nuqqas ta’ paċenzja. B’hekk nibnu relazzjoni kif irid Alla.
  4. Dan mhux faċli, anki għad-dixxipli, li kienu mgħallma li meta mara ma jkolliex tfal, ir-raġel jista’ jitlaqgħa biex ikollu t-tfal minn mara oħra. Ġesu jikkoreġihom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju.” Ġesu ġie fid-dinja biex jibda renju ġdid billi jneħħi il-qlub iebsa ġebel tal-bnedmin u jtihom qalb u spirtu ġdid. Mal-miġja ta’ Ġesu kien wasal iż-żmien biex jingħad: “Issa daqshekk kompromessi u tbagħbis tal-pjan oriġinali t’Alla.”
  5. Koppja bit-tfal jew bla tfal li jkunu qed jiġġieldu kuljum jingħataw il-parir biex jiddivorzjaw. Għarajjes li jaraw dan jgħidu: “Mhux aħjar ngħixu flimkien milli niżżewġu?” Dawn qed jagħmlu bħal Adam li kiel il-frotta għax dehrlu li jaf aktar minn Alla x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Ġesu llum qed jgħidilna: “Għalkemm diffiċli, possibli li timxu mal-pjan t’Alla dment li tħossukom bħal dawn it-tfal żgħar li jintelqu f’dirgħajn missierhom b’fiduċja għamja.” Id-dmir tagħna hu li ma niġġudikawx lil ħutna divorzjati imma nisimgħuhom kemm nifilħu u, meta nistgħu, nakkumpanjawhom b’dawn il-ħsibijiet t’hawn fuq.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

NB Min jidħol f’dan is-sit ikun jista’ jara stampa tal-kuntratt taż-żwieġ u tal-kitba tad-divorzju.