Omelija fil-Ġimgħa l-Kbira mill-Isqof Anton Teuma

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 2 ta’ April 2021: Omelija fl-Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej mill-Isqof  ta’ Għawdex Anton Teuma. Katidral tal-Assuna, Victoria.

Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej
Il-Ġimgħa l-Kbira, 2 ta’ April 2021
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

NIDĦLU FIL-PASSJONI TA’ ĠESÙ

Kull familja tista’ toqgħod bilqiegħda madwar mejda u tikteb u tirrakkonta l-ġrajja tal-passjoni tagħha, il-ġrajja tat-tbatija tagħha. Illum għadna kif smajna l-ġrajja tal-Passjoni, il-ġrajja tat-tbatija ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, l-Iben għażiż tal-Missier. Is-Salib fiċ-ċentru tal-familja tat-Trinità. Il-Mulej Ġesù permezz tal-ġrajja li smajna u li kkontemplajna llum jistedinna biex niftħu jdejna u qalbna ħalli nilqgħu l-grazzja u d-doni tiegħu, b’mod speċjali d-doni li ħarġu mill-kustat tiegħu: id-don tad-demm u d-don tal-ilma, li mhumiex għajr l-Ispirtu Qaddis tiegħu; l-ilma u l-Ewkaristija, id-demm mogħti għalina, il-ġisem mogħti għalina. Għalfejn? Għax jekk aħna kapaċi nilqgħu din l-imħabba infinita ta’ Alla murija lilna b’Ġesù msallab, inkunu kapaċi wkoll inħalltu, nagħġnu flimkien mas-salib tagħna, flimkien mat-tbatija tagħna, flimkien mal-uġigħ, kemm tal-ġisem, kemm tal-moħħ, kemm tal-ispirtu, li aħna nġarrbu fil-familji tagħna u forsi kultant fis-silenzju u fl-intimità tagħna, inkunu nistgħu nħalltu ma’ din it-tbatija l-ħelsien li jagħtina Ġesù minn fuq is-Salib.

Liema hu dan il-ħelsien li jagħtina Ġesù? Il-Passjoni ta’ Ġesù mhix biss it-tbatija tiegħu, imma hi fuq kollox l-imħabba kbira li għandu għall-bnedmin. It-tbatija tagħna, is-salib tagħna, ħafna drabi jispiċċaw biss passjoni fis-sens tas-sofferenza. Il-Mulej Ġesù llum qed jistedinna biex bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, bil-qawwa tas-Sagrament tal-Magħmudija li rċivejna, u bis-saħħa tal-ħobż tal-Ewkaristija li aħna nieklu, anki l-passjoni sofferenti tagħna, li għandna fil-familji tagħna, nibdluha fil-passjoni mħabba, fil-passjoni ġenerożità, fil-passjoni għotja. Jekk il-Mulej jidħol verament fiċ-ċentru tal-familji tagħna, jekk il-Mulej jidħol u jagħmel parti mis-salib tagħna, aħna nindunaw bil-mod li hemm fuq is-salib fejn qegħdin aħna, hemm diġà qiegħed hu. Mhux sempliċiment biex nikkunslaw li m’aħniex weħidna, imma biex ikollna l-qawwa tiegħu, il-qawwa tat-tama, il-qawwa tal-imħabba, u l-qawwa tal-fidi fil-qawmien.

Mela jekk aħna fil-ħajja tagħna nippruvaw nitmantnew bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li rċivejna fil-Magħmudija, u nkomplu nitmantnew bl-Ewkaristija, bil-ħobż u bl-inbid, bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, aħna għandna l-kapaċità u jkollna l-possibbiltà li b’Ġesù msallab magħna, dik it-tbatija li nkunu qed inġarrbu tieħu tifsira differenti: togħla, tiġi elevata għal tbatija divina, għal tbatija ta’ Alla, għal tbatija fit-Trinità. Il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù jgħinu lil kull wieħed u waħda minna biex ikollna sehem minn din il-ġrajja hekk għażiża, minn din il-ġrajja hekk kbira, li kienet il-mezz biex jien u int nistgħu niksbu s-salvazzjoni.

Il-Vanġelu tal-lum jibda bi ġnien, bil-Ġnien taż-Żebbuġ, u jispiċċa bi ġnien, il-ġnien li fih jidfnu lil Ġesù. Imma dan il-ġnien ma jiqafx hawn, dan il-ġnien ser nerġgħu niltaqgħu miegħu nhar il-Ħadd filgħodu kmieni, is-Sibt billejl. Fil-ġnien il-mewt ma għandhiex post. Fil-ġnien hemm wisa’ biss għall-ħajja. Fil-ġnien, dak li hu apparentement mejjet, hu mejjet għal ftit. Fil-ġnien, il-mewt mhix għajr l-għajn tal-ħajja. Fil-ġnien, il-ħajja mhix għajr konsegwenza tal-mewt.

Leave a Reply