Preżenza reali, ikel essenzjali, u ħajja ta’ dejjem

Il-Ġimgħa, 23 ta’ April 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tal-Ġimgħa tat-Tielet Ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Preżenza reali, ikel essenzjali, u ħajja ta’ dejjem

“Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Din kienet il-mistoqsija li bdew jagħmlu l-Lhud huma u jitħaddtu bejniethom. Ġesù kien għadu kif spjega: “Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” Kif semgħu dal-kliem, bdew jgħidu: kif jista’ jkun dan?

U Ġesù jkompli jispjega u jenfasizza l-kliem li qal. Jitkellem b’mod ċar u jgħid: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jien inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” Ġesù dejjem jitkellem ċar. Hawn qed jgħidilna b’mod ċar xi tfisser l-Ewkaristija għal ħajja tagħna. Hawn juri kif l-Ewkaristija hija l-preżenza reali tiegħu, hija essenzjali għalina, u hija l-ikel li jsostnina fil-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem. Naraw dawn it-tliet punti fl-Evanġelju tal-lum, li jiswew ħafna ta’ ġid għall-ħajja tagħna.

L-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù. Aħna kultant nagħmlu l-istess domanda: kif jista’ jkun dan? Imma din ġejja minn Alla, mhux maħluqa minna. Ġesù ried li b’mod sagramentali iwaqqaf l-Ewkaristija; hemm il-preżenza tiegħu reali. Meta ngħidu “preżenza reali”, hi differenti, per eżempju, minn meta tilbes badge biex tfakkrek f’xi ħaġa, jew f’xi ħadd, jew f’organizzazzjoni; jew inkella bandiera li hi sinjal. L-Ewkaristija mhijiex tifkira ta’ dat-tip. Hi l-preżenza reali ta’ Ġesù biex lilna tiswielna ta’ ġid għall-ħajja tagħna.

L-Ewkaristija hija essenzjali. Ġesù jitkellem ċar fl-Evanġelju tal-lum kemm hi essenzjali għall-ħajja tagħna. Forsi, aħna nagħmlu dil-mistoqsija, speċjalment meta għexna daż-żmien ta’ pandemija: jekk hi essenzjali, kif għamilna żmien meta lanqas stajna niċċelebraw il-quddiesa fil-knisja fil-preżenza tal-kongregazzjoni? Kif għamilna żmien li ma stajniex nirċievu l-Ewkaristija? Ikun hemm diversi li huma morda, jew li huma waħedhom, u għamlu żmien ma setgħux jirċievu l-Ewkaristija. Allura kif inhi essenzjali? Din hi d-differenza: l-ikel li nieklu kuljum hu essenzjali, jekk ma niklux immutu. Imma meta ngħidu L-Ewkaristija hija essenzjali, il-Mulej stess jagħmel id-distinzjoni bejn min possibbli għalih li jirċeviha u min le; bejn min ma jiħux sehem fl-Ewkaristija b’kapriċċ u min ma jkunx possibbli għalih. Alla qatt ma jippretendi minna dak li mhux possibbli. Alla jara l-qalb, Alla jara x-xewqa. Għalhekk aħna, meta ma nkunux f’pożizzjoni li nirċevuh, bħalma jista jkun min hu marid, jew min hu waħdu, jew min qiegħed f’ċerti ċirkustanzi, dejjem għandu jkollna din ix-xewqa u l-ħeġġa biex, mal-ewwel opportunità, nirċievu lil Ġesù fina. Alla jara l-qalb u jasal anke għand min ma jkunx jista’ għax ikun impossibbli għalih. Jasal ukoll bil-mezzi tiegħu. Imma jrid li aħna jkollna din ix-xewqa li nirċievu l-Ewkaristija.

L-Ewkaristija hija l-ikel li jsostnina fil-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem. Anzi jdewwaqna minn issa l-ħajja ta’ dejjem li lejha mexjin, għax bl-Ewkaristija aħna nkunu qed nipparteċipaw fl-istess ħajja ta’ Alla li lilna tgħinna, tqawwina, isostnina fil-mixja tagħna; u tfakkarna li aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem, ’l hinn mill-qabar.

Meta l-Lhud semgħu lil Ġesù jispejga dan, ma qalux: “ara fhimna, ok”. L-Evanġelju skont San Ġwann jgħid, iktar tard, li ma setgħux jifhmuh. Qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” u diversi mid-dixxipli telquh kif semgħuh jgħid dan. Nitolbu lill-Mulej li aħna ma nitilquhx, imma dejjem nibqgħu qrib tiegħu u mexjin warajh, ħalli jgħinna dejjem f’ħajjitna ngħożżu l-Ewkaristija bħala l-preżenza reali tiegħu, l-ikel essenzjali għal ħajjitna, u bħala dik li ssostnina fil-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply