It-Teoloġija tal-Ġisem mill-Papa Ġwanni Pawlu II

Print Friendly, PDF & Email

Introduzzjoni għat-Teoloġija tal-Ġisem. “A”

L-isem tal-Papa Ġwanni Pawlu II huwa marbut mat-Teoloġija tal-Ġisem. Għal diversi raġunijiet il-ġisem għandu mportanza mill-aktar kbira fil-kultura ta’ żmienna. Kien għalhekk li l-Papa Pollakk ħa dan l-ispunt kulturali u, fi djalogu mal-kultura ta’ żmienna, niseġ il-viżjoni Bibblika u t-Tradizzjoni Kattolika rigward il-ġisem tal-bniedem.

Ara l-129 katekeżi tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem, 1979 – 1984

Il-libertà, il-verità, id-don, il-komunjoni, id-dinjità, l-imħabba, il-persuna, it-tifsira, kollha huma temi spissi fil-kitbiet tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Kienu hemm qabel ġie elett Papa. Bħala Kardinal, kitbiet Karol Wojtyla kien influwenzati mhux ftit mill-għadd ta’ dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, l-aktar mill-Gaudium et Spes, il-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja Moderna. Fil-fatt, il-kwotazzjonijiet meħuda mill-Gaudium et Spes jimlew u jinfurzaw l-għadd ġmielu ta’ enċikliċi u ittri appostoliċi li kiteb. “Il-bniedem … huwa l-ħlejqa waħdanija li Alla ried għalih nnifisu, ġu huħ ma jistax isib sewwa lilu nnifsu ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu nnifsu” (§ 24).

Biex ngħixu ħajjitna bil-kotra bħala bnedmin jeħtieġ li l-ewwelnett inkunu nafu l-għan ta’ l-eżiżtenza tagħna u dak li għalih ġejna maħluqa. Papa Ġwanni Pawlu II jesplora l-għan ta’ l-eżiżtenza tagħna fit-Teoloġija tal­-Ġisem, li tikkonsisti f’129 katekeżi li hu ta fl-Udjenzi Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa tul l-ewwel ħames snin tal-Pontifikat tiegħu.  

Qabel ma ġie elett Papa, Ġwanni Pawlu II kiteb il-ktieb L-imħabba u r-Responsabbiltà. F’dan il-ktieb Karol Wojtyla jippreżenta t-tagħlim tal-Knisja Kattolika fuq l-imħabba u s-sesswalità b’mod li jinftiehem mill-bniedem tallum. Wojtyla jisħaq fuq id-dinjità tal-persuna u juri kemm hu mportanti li ngħixu s-sesswalità tagħna b’mod li jiddefendi u jafferma lill-persuna l-oħra. Tant hu hekk li l-maħbub veru qatt ma juża jew iqis lill-persuna l-oħra bħala mezz għall-fini ta’ rasu. Fit-Teoloġija tal-Ġisem, Ġwanni Pawlu II jinżel fil-qalba tat-tifsira li tkun bniedem taħt il-lenti ta’ l-Iskrittura Mqaddsa. Bħala persuni mżejna b’ġisem u ruħ, maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, aħna nsibu t-tifsira ta’ ħajjitna meta nsibu xi tfisser li nsiru nixbħu lil Alla u kif il-ġisem tagħna jwassalna għal dan.

Aħna xbieha ta’ Alla mhux biss permezz tal-libertà li nħaddnu imma wkoll meta nidħlu f’komunjoni ma’ l-oħrajn. Fil-katekeżi ta’ l-14 ta’ Novembru 1979, il-Papa qal: “Li tkun bniedem tfisser li tkun imsejjaħ għall-komunjoni interpersonali”. Għaliex? Għaliex Alla nnifsu huwa komunjoni ta’ persuni fit-Trinità. Jissokta Ġwanni Pawlu II: “Il-bniedem sar ‘xbieha’ ta’ Alla mhux biss permezz ta’ l-umanità tiegħu imma wkoll permezz tal-komunjoni tal-persuni li r-raġel u l-mara jiffurmaw mill-bidu”.

Il-“komunjoni tal-persuni” isseħħ meta tnejn minn nies jagħtu lilhom infushom u jilqgħu lil xulxin fl-imħabba b’mod ħieles. Fil-fatt, il-vera mħabba tikkonsisti f’din l-għotja reċiproka ta’ xulxin. Bħalma juruna l-vanġeli, il-punt ewlieni ta’ l-imħabba Nisranija hu li tħobb. Kwotazzjoni li meħuda mill-Gaudium et Spes u li hi ħafna għall-qalb Ġwanni Pawlu II, tgħidilna “Kristu … juri wkoll għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (§ 22). Dak li jirrevela Kristu hu li “ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 13). Huwa Kristu nnifsu li jirrivelalna s-sejħa fundamentali tagħna bħala persuni billi jagħtina lilu nnifsu f’mewtu fuq is-Salib.

Permezz tat-Teoloġija tal-Ġisem, Ġwanni Pawlu II jippreżentalna l-messaġġ evanġeliku ta’ l-imħabba bi stil ġdid u profond. Huwa jaf li n-nies qegħdin ifittxu l-imħabba. Fl-ewwel enċiklika tiegħu Redemptor Hominis, il-Papa saħansitra jgħid: “Il-bniedem ma jistax igħix mingħajr imħabba. Jekk dan jiġri jibqa’ ħlejqa li ma tifhimx lilha nnifisha, ħajtu tkun mingħajr tifsira, jekk l-imħabba mhijiex murija lilu, jekk ma jiltaqax magħha, jekk ma jesperenzahiex u jagħmilha tiegħu, jekk ma jieħux sehem b’mod intimu fiha” (§ 10).

Kemm hu tabilħaqq importanti li ngħixu s-sesswalità tagħna b’mod li jiddefendi u jafferma lill-persuna l-oħra! Fil-verità, il-maħbub veru qatt ma juża l-persuna l-oħra jew jittrattaha bħala mezz għall-għan ta’ rasu.

Ara l-129 katekeżi tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem, 1979 – 1984

Isma’ 12-il programm awdjo minn Mons. Anton Gouder dwar it-Teoloġija tal-Ġisem

Patri Mario Attard OFM Kap