L-Unità Originali tar-Ragel u l-Mara

It-Teoloġija tal-Ġisem tal-Papa Ġwanni Pawli II . “B”

Fit-teoloġija tiegħu fuq il-ġisem, il-Papa Ġwanni Pawlu II jipprova jispjega x’ifisser il-ġisem bħala s-sinjal u s-sejħa tal-persuna li tkun rigal u kif jikxef in-natura ta’ Alla u l-pjan tiegħu għall-umanità. Il-Papa juri l-importanza kbira tal-ġisem fiżiku u tas-sesswalità umana filwaqt li jiġġieled qatta’ bla ħabel kontra l-ereżiji li, għax jivvalorizzaw biss dak li hu spiritwali, ma jagħtux l-importanza mistħoqqa lill-ġisem. Għall-kuntrarju iqisuh bla importanza u saħansitra ħażin.

Meta jitħaddet fuq il-ġisem fil-ħolqien u fil-fidwa tiegħu, Ġwanni Pawlu II juri t-tifsira tal-ħajja u kif aħna għandna ngħixuha. Ma jgħidilniex biss min hu l-bniedem imma kif is-sejħa ta’ kull bniedem li jħobb tista’ tingħex kemm permezz taż-żwieġ u kif ukoll taċ-ċelibat għas-saltna ta’ Alla.

Raġel u Mara Ħalaqhom

Fil-katekeżi tat-2 ta’ April ta’ l-1980, l-Isqof ta’ Ruma jgħallem: “Il-fatt li t-teoloġija tikkunsidra wkoll li l-ġisem mgħandux jaħsad jew jissorprendi lil xi ħadd li hu konxju tal-misteru u r-realtà tal-Inkarnazzjoni. It-teoloġija hija dik ix-xjenza li s-suġġett tagħha huwa d-divinità. Permezz tal-fatt li l-Kelma ta’ Alla saret laħam, il-ġisem daħħal lit-teoloġija mill-bieb prinċipali. L-Inkarnazzjoni u l-fidwa li toħroġ minnha saru wkoll l-għajn definittivi tas-sagramentalità taż-żwieġ”.

Fit-tagħlim li ta nhar il-21 ta’ Lulju 1982, nilmħu approfondiment ta’ x’inhu l-ġisem. “Biex wieħed jifhem dak li l-ħelsien tal-ġisem jimplika skond l-Ittra ta’ Pawlu lir-Rumani, jinħtieġ ta’ teoloġija awtentika tal-ġisem. Ippruvajna nibnu din it-teoloġija billi l-ewwelnett nirreferu għall-kelmiet ta’ Kristu. L-elementi li jagħmlu t-teoloġija tal-ġisem jinstabu f’dak li Kristu jgħid: meta jfakkar ‘fil-bidu’ rigward il-kwistjoni tal-indissolubilitàtaż-żwieġ (ara Mt 19,8); f’dak li jgħid rigward il-konkupixxenza (ġibda ħażina) meta jirriferi għall-qalb umana fid-Diskors tal-Muntanja (ara Mt 5, 28); u kif ukoll f’dak li jgħid f’referenza għall-qawmien mill-imwiet (Mt 22, 30). Kull affermazzjoni minn dawn taħżen fiha kontenut antropoloġiku u etiku. Kristu qiegħed ikellem lill-bniedem u qiegħed jitkellem fuq il-bniedem, fuq il-bniedem li hu ‘ġisem’ u li kien maħluq raġel u mara fuq ix-xbieha u l-immaġini ta’ Alla. Qiegħed jitkellem fuq il-bniedem li qalbu hija suġġetta għall-konkupixxenza u finalment fuq bniedem li quddiemu l-viżjoni eskatoloġika tal-qawmien tal-ġisem hija miftuħa”.

Fl-ewwel kapitlu tal-Ġenesi aħna nafu li Adam u Eva ġew maħluqa fuq ix-xbieha u l-immaġini ta’ Alla. Aħna maħluqa fl-immaġini ta’ Alla mhux biss permezz tad-don tal-intellett u r-rieda tagħna billi nkunu nafu u nagħżlu imma wkoll permezz tal-abilità tagħna li nippossedu lilna nfusna u li nagħtu lilna nfusna lil ħaddieħor. Li niffurmaw komunjoni ta’ persuni fl-imħabba għax Alla, li hu mħabba, huwa wkoll komunjoni ta’ persuni fit-Trinità.

Fil-katekeżi tal-14 ta’ Novembru 1979, il-Papa jgħidilna: “Il-bniedem sar ‘l-immaġini u x-xbieha’ ta’ Alla mhux biss permezz ta’ l-umanità tiegħu imma wkoll permezz tal-komunjoni tal-persuni li r-raġel u l-mara jiffurmaw mill-bidu … Il-bniedem isir l-immaġini ta’ Alla mhux fil-mument tas-solitudni imma fil-mument tal-komunjoni. Sa ‘mill-bidu’, mhuwiex biss ix-‘xbieha’ li fih is-solitudni tal-persuna, li tmexxi d-dinja, hija riflessa imma wkoll, u essenzjalment, xbieha tal-komunjoni divina u misterjuża tal-persuni”. U fl-14 ta’ Mejju 1980, Papa Ġwanni Pawlu II jafferma: “Il-ġisem uman ħaddan fih innifsu, fil-misteru tal-ħolqien, sinjal ċar tax-xbieha ta’ Alla”.

 Il-bniedem jesperjenza is-‘solitudni oriġinali’ tiegħu b’żewġ modi. Fl-ewwel mod il-bniedem huwa waħdu bħala l-unika ħlejqa razzjonali fuq l-art. Huwa konxju tiegħu nnifsu, ta’ ġismu u tat-tifsira tiegħu. Fit-tagħrif tiegħu nnifsu huwa jaf li ġie maħluq minn Alla, u li għalhekk mhuwiex Alla. Jirrealizza li lanqas mhu bħall-annimali. Bit-tagħrif tiegħu nnifsu għandu l-kapaċità li jiddetermina lilu nnifsu għax jista’ jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Huwa biss kapaċi “jaħdem l-art,” li Alla tah biex jaħkem u jmexxi. It-tieni, il-bniedem huwa waħdu mingħajr il-mara, mingħajr persuna umana oħra. Il-bniedem ma ġiex maħluq biex jgħix waħdu imma f’komunjoni mal-oħrajn. Dan iħossu b’mod intensiv mingħajr mara.

Fil-katekeżijiet ta’ l-10 u l-24 ta’ Ottubru 1979 il-Papa jgħid: “L-ewwel tifsira tas-solitudni oriġinali tal-bniedem hija mfissra fuq il-bażi ta test speċifiku ġli jsemmi l-annimaliħ… Permezz ta’ dan it-test, il-bniedem isir konxju tas-superjorità tiegħu, jiġifieri li hu ma jistax jiġi kkunsidrat fuq l-istess livell ta’ ħlejjaq oħra li jgħixu fuq l-art … Is-solitudni wkoll tfisser is-suġġettività tal-bniedem, li hi magħmula permezz tat-tagħrif tiegħu nnifsu. Il-bniedem huwa waħdu l-għaliex hu ‘differenti’ mid-dinja viżibbli, mid-dinja tal-ħlejjaq… Il-kunċett tas-solitudni oriġinali jinkludi kemm l-għarfien u d-determinazzjoni tiegħu nnifsu”.

L-unità oriġinali tar-raġel u l-mara qiegħdha li jsibu l-kumplimentarjetà tagħhom f’xulxin u mhux fil-ħlejjaq l-oħra li jieħdu ħsieb. Fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom huma jiksbu t-tagħrif u d-determinazzjoni tagħhom infushom kemm bħala individwi u kik ukoll bħala koppja.

Ara l-129 katekeżi tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem, 1979 – 1984

Isma’ 12-il programm awdjo minn Mons. Anton Gouder dwar it-Teoloġija tal-Ġisem

Patri Mario Attard OFM Kap