Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II fi Kristu Sultan

Print Friendly, PDF & Email

SOLENNITÀ TA’ KRISTU SULTAN. QUDDIESA GĦAL-LAJĊI TAD-DIJOĊESI TA’ RUMA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru, 23 ta’ Novembru 1980

1. “Regnavit a ligno Deus”!

It-test tal-Vanġelu ta’ San Luqa, li għadu kemm inqara, jeħodna bil-ħsieb għax-xena drammatika bil-kbir li sseħħ fil-“post imsejjaħ Kalvarju” (Lq 23,33) u jippreżentalna, madwar Ġesù msallab, tliet gruppi ta’ nies li b’mod varjat jiddiskutu dwar il-“figura” tiegħu u dwar it-“tmiem” tiegħu. “Min hu fir-realtà, dak li jinsab hemm mislub? Waqt li n-nies komuni u anonimi jibqgħu pjuttost inċerti u jillimitaw ruħhom għall-ħars biss, “il-kapijiet għall-kuntrarju kienu jzikuh u jgħidulu: “Salvajt lill-oħrajn, salva lilek innifsek, jekk inti l-Kristu ta’ Alla, l-għażiż tiegħu”. Kif wieħed jistà jara, l-arma tagħhom hija l-ironija ċaħħieda u distruttiva. Imma wkoll is-suldati – it-tieni grupp – iddisprezzawh u bi kważi ton ta’ provokaszzjoni u sfida, kienu jgħidulu: “Jekk int is-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”, waqt li forsi ħadu l-idea mill-kliem stess tal-kitba, li kienu qegħdin jaraw imwaħħla fuq rasu. Kien hemm, imbagħad, iż-żewġ ħallelin f’kuntrast bejniethom fil-ħaqq ta’ seħibhom fil-piena: waqt li wieħed beda joffendih, billi jieħu u jtenni l-espressjonijiet derogatorji tas-suldati u tal-kapjiet, l-ieħor iddikjara b’mod miftuħ li Ġesù “ma kien għamel xejn ħażin” u waqt li dar lejh, hekk mar jitolbu: “Mulej, ftakar fija, meta tkun fis-saltna tiegħek”.

Hawn hu kif, fil-waqt kulminanti tal-kruċifissjoni, propju meta l-ħajja tal-profeta ta’ Nażżaret waslet biex tintemm, aħna nistgħu miġbru, ukoll fil-qalba tad-diskussjoni u l-kontradizzjoni, dawn l-allużjonijiet misterjużi għas-sultan u għas-saltna.

2. Tali xena hija magħrufa sewwa għalikom, ħuti u wliedi maħbubin, u ma tinħtieġx kummenti oħra. Imma kemm hu opportun u sinifikattiv u, ikolli ngħid, kemm huwa ġust u meħtieġ li l-festa tallum ta’ Kristu sultan tkun inkwadrata appuntu fuq il-Kalvarju. Nistgħu ngħidu bla dubju li r-regalità ta’ Kristu, li wkoll illum aħna niċċelebraw u nimmeditaw, għandha tkun dejjem irriferuta mal-ġrajja, li tiżvolġi fuq dik l-għolja, u tkun inkluża fil-misteru feddej, fejn twettaq minn Kristu: qiegħed ngħid għall-ġrajja u l-misteru tar-redenzjoni tal-bniedem. Kristu Ġesù – jeħtieġ li nirrivelaw – jiddikjara ruħu sultan propju fil-waqt li fih, fost in-niket u t-turmenti tas-salib, fost in-nuqqas ta’ fehim u l-ħalf ta’ dawk preżenti, jagonizza ruħu u jmut. Tassew, regalità singolari din tiegħu, tali li l-għajn tal-fidi biss tistà tagħrafha: “Regnavit a ligno Deus”!

3. Ir-regalità ta’ Kristu, li tiġi mill-mewt fuq il-Kalvarju u tilħaq il-quċċata tagħha bil-ġrajja minnha nseparabbli tal-qawmien mill-imwiet, issejħilna għal dik iċ-ċentralità, li magħha tikkompeti  minħabba dak li hu u dak li għamel. Verb ta’ Alla u Bin Alla, qabel kollox u fuq kollox, “permezz ta’ min – kif minn hawn u ftit ieħor intennu fil-“kredu” – inħolqu l-ħwejjeġ kollha, huwa għandu primat intrinsiku, essenzjali u fundamentali fl-ordni tal-ħolqien, imqabbel ma’dik li  hija l-kawża eżemplari suprema. U wara li “il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw 1,14), ukoll bħala bniedem u bin il-bniedem, huwa kiseb tieni titlu fl-ordni tar-redenzjoni, permezz tal-ubbidjenza għall-pjan tal-Missier, permezz tat-tbatija tal-mewt u t-trijonf segwenti tal-qawmien mill-imwiet.

Billi laqqà fih dan il-primat doppju, aħna għandna, mela, mhux biss id-dritt u d-dmir, imma wkoll is-sodisfazzjon u l-unur li nistqarru s-sinjorija  eċċellenti tagħha fuq il-ħwejjeġ u fuq il-bnedmin, li b’terminu li ċertament mhuwiex inkorrett u linqas metaforiku tistà tkun imsejħa regalità: “Umilja ruħu, billi għamel lilu nnifsu ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt tas-salib” Minħabba f’hekk Alla għollieħ u tah isem li hu fuq kull isem; sabiex fl-isem ta’ Ġesù kull irkobba tmil fis-smewwiet, fl-art u taħt l-art: u kull ilsien ixandar li Ġesù Kristu huwa l-Mulej” (Fil 2,8-11).

Hawn hu l-isem li dwaru jitkellem l-Appostlu: huwa l-isem ta’ Mulej u jgħodd biex jippjana d-dinjità impareġġabbli, li tmiss lilu biss u tqiegħed lilu biss – bħal ma ktibt, fil-bidu tal-ewwel enċiklika tiegħi – fiċ-ċentru, anzi fil-quċċata tal-kożmu u tal-istorja. “Ave Dominus noster! Ave rex noster”!

4. Imma waqt li rridu nikkunsidraw, minbarra t-titli u r-raġunijiet, ukoll in-natura u  l-iskop tar-regalità ta’ Kristu Sidna, aħna ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma nerġgħu lura għal dik il-protesta li huwa stess, fil-punt tat-tluq minn din id-dinja, iddefinixxa totali u universali, billi qiegħda bħala bażi tal-missjoni tiegħu afdata lill-Appostli: “Ingħatali kull poter fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, għammduhom fl-sem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li amartilkom,” (Mt 28,18-20). F’dan il-kliem mhremmx biss – kif inhu evidenti – ir-rivendikazzjoni espliċita ta’ awtorità sovrana, imma wkoll hija ndikata, fl-att innifsu li fih hija tiġi mgħoddija lill-Appostli, ratifikazzjoni tiegħu f’funzjonijiet spiritwali distinti, ukoll jekk koordinati.Infatti, jekk Kristu rxoxt jgħid lil tiegħu biex imorru u jfakkar dak li diġa kkmandahom, jekk jagħtihom l-inkarigu kemm li jgħallmu kif ukoll li jgħammdu, dan jispjega għaliex huwa nnifsu, propju bis-saħħa  tal-ogħla awtorità ljippossiedi fil-milja tal-drittijiet u huwa kkwalifikat biex jeżerċita tali funzjonijiet, bħala sultan, mgħallem u saċerdot.

Bla dubju mhuwiex il-każ li nistaqsu lilna nfusna liema hu l-ewwel fost dawn it-tliet titoli. Għaliex fil-kuntest ġenerali tal-missjoni feddejja li Kristu rċieva mingħand il-Missier, lil kull wieħed minnhom jikkorrispondu funzjonijiet ugwalment meħtieġa u mportanti. Madankollu, ukoll biex inżommu ruħna mħeġġa mal-kontenut tal-liturġija tallum, huwa suppost li ninsistu fuq il-funzjoni regali u nikkonċentraw ħarsitna, imdawla mill-fidi, fuq il-figura ta’ Kristu bħala sultan u mulej.

F’dan ir-rigward, tidher ovvja l-esklużjoni ta’ kwalunkwè riferenza ta’ natura politika u temporalistika.

Għad-domanda formali magħmula lilu minn Pilatu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”  (Ġw 18,33), Ġesù jwieġeb b’mod espliċitu li s-saltna tiegħu mhijiex ta’ din id-dinja u quddiem l-insistenza tal-prokuratur Ruman, jiddikjara: “Inti qiegħed tgħid: Jiena sultan”, waqt li minnufih żied: “Għal dan jien ġejt fid-dinja: biex nagħti xħieda għall-verità” (Ġw 18,37). B’dan il-mod huwa jiddikjara liema hija d-dimensjoni eżatta tar-regalità tiegħu u l-isfera li fiha huwa jeżerċita: hija d-dimensjoni spiritwali li tiġbor fiha fl-ewwel post, il-verità li għandu jxandar u jaqdi. Is-saltna tiegħu, ukoll jekk tibda hawn isfel fuq l-art, m’għandha xejn li hu t’hawn u tittraxxendi kull limitazzjoni umana, imferrxa kif inhi lejn il-konsumazzjoni tagħha ‘il hemm miż-żmien, fl-infinit tal-etern.

5.Huwa għal din is-saltna li Kristu Sidna sejħilna, waqt li għamilna don ta’ vokazzjoni li hija sehem f’dawk il-poteri li diġa fakkart. Aħna lkoll ninsabu għas-servizz tas-saltna u, fl-istess ħin, bis-saħħa tal-konsagrazzjoni tal-magħmudija, aħna mlibbsa b’dinjità u b’uffiċċju rjali, saċerdotali u profetiku, bil-għan li nkunu nistgħu nikkollaboraw b’mod effiċjenti għall-kobor u għat-tixrid tagħha. Din it-tematika, li fuqha tant insista b’mod providenzjali l-Konċilju Vatikan II fil-kostituzzjoni dwar il-Knisja u fid-digriet dwar l-apostolat tal-lajċi (cf. Lumen Gentium, 31-36; Apostolicam Actuositatem, 2-3), li intom bla dubju familjari miegħu. Għeżież ħuti u wliedi tad-dijoċesi ta’ Ruma li qegħdin tisimgħuni. Imma llum, propju fiċ-ċirkustanza tal-festa ta’ Kristu sultan, nixtieq infakkarha mill-ġdid u nirrakkomandaha b’mod ħaj lill-attenzjoni u s-sensibiltà tagħkom.

Intom, infatti, ġejtu għal din l-assemblea sagra, bħala rappreżentanti u responsabbli ewlenin tal-lajkat Ruman, li b’mod iktar dirett huwa mpenjat fl-azzjoni apostolika. Min iktar u aħjar minnkom, ukoll għad-dmir tal-eżamplarità li tagħfas fuq l-insara tal-belt, f’okkażjoni hekk sinifikattiva huwa mħeġġeġ biex jirrifletti dwar il-mod ta’ konċepiment u ta’ żvolġiment ta’ tali xogħol? Dan huwa realment servizz tas-saltna, u propju dan huwa l-mottiv li għalih illum sejjaħtilkom fil-Bażilika Vatikana, biex ninkuraġixxi lill-erwieħ tagħkom biex tipprovdu servizz dejjem viġilanti, konkret u ġeneruż lis-saltna ta’ Kristu.

Naf li, in konsiderazzjoni tas-sena pastorali l-ġdida, qegħdin tistudjaw t-tema “komunità u komunjoni”, u qegħdtu fil-bażi tar-riflessjonijiet tagħkom il-kliem magħruf indirizzati mill-Appostlu Ġwanni lill-ewwel imgħammndin, li jistà jitqies bħala l-programm dinamiku ta’ kull komunità nisranija: “Dak li aħna rajna b’għajnejna, dak li aħna kkuntemplajna u dak li jdejna messu, jiġifieri il-Verb tal-ħajja… aħna nxandruh lilkom ukoll, sabiex intom ukoll tkunu f’komunjoni magħna” (1Ġw 1,1.3).

Hawn hi mistqarra, għeżież, l-iskema tagħkom tal-ħajja u tax-xogħol: intom, kredenti u nsara, lajċi u saċerdoti impenjati, waqt li tiġbru x-xhieda tal-Appostli, diġa rajtu lil Kristu redentur u sultan, intom iltqajtu miegħu fir-realtà tal-preżenza tiegħu umana u divina, storika traxxendenti, intom dħaltu f’komunikazzjoni miegħu, bil-grazzja tiegħu, bil-verità u bis-salvazzjoni minnu miġjuba, u issa, a bażi ta’ din l-esperjenza qawwija feħsiebkom ixxandruh lill-belt ta’ Ruma, lill-persuni, lill-familji, lill-komunitajiet fejn tgħammru. Dan huwa dmir kbir, unur għoli, don li ma jitwemminx: taqdi lil Kristu sultan u timpenja l- ħin, it-tbatija, l-intelliġenza u ż-żelu biex tgħarrfu, tħobbu, issegwih, fiċ-ċertezza li fi Kristu biss – it-triq, il-verità u l-ħajja (Ġw 14,6) – is-soċjetà u l-individwu jistgħu jsibu l-veru sinifikat tal-eżistenza, il-kodiċi tal-valuri awtentiċi, il-linja morali ġusta, il-qawwa meħtieġa fl-avversità, id-dawl u t-tama dwar ir-realtajiet metaforiċi. Ladarba kbira hija d-dinjità tagħkom u tal-għaġeb hija l-missjoni tagħkom, kunu dejjem pronti u kuntenti fis-servizz ta Kristu sultan f’kull post, f’kull waqt, f’kull ambjent.

Naf sewwa d-diffikultajiet gravi li jinsabu fis-soċjetà moderna u, b’mod speċjali, fil-bliet popolati u febbrili, bħal ma hi Ruma tallum. Minkejja ċerti sitwazzjonijiet kumplikati u kultant ostili, jiena nħeġġiġkom biex qatt ma titilfu l-kuraġġ. “Kuraġġ! Aħdmu b’żelu fil-qasam tad-dijoċesi kollha u tal-parroċċi u l-komunitajiet individwali, billi twassu kullimkien l-entużjażmu tal-fidi tagħkom u tal-imħabba tagħkom għal servizz puntwali u fidil lil Kristu Sidna. Hekk ikun.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb