Il-Papa ser jiltaqa’ mal-mexxejja Nsara mil-Libanu

Il-Papa Franġisku ħabbar li ser jiltaqa’ mal-mexxejja Nsara mil-Libanu u fakkar ukoll fi tliet nisa lajċi beatifikati nhar is-Sibt fi Spanja

Ilbieraħ, wara r-reċita tal-Anġelus, il-Papa Franġisku ftakar fil-Libanu u l-poplu tiegħu. Waqt l-indirizz tiegħu lill-fidili, li kienu preżenti fi Pjazza San Pietru, l-Qdusija Tiegħu qal li fl-1 ta’ Lulju, fil-Vatikan, se jkun qed jiltaqa’ mal-mexxejja prinċipali tal-Komunitajiet Insara preżenti fil-Libanu, “għal ġurnata ta’ riflessjoni dwar is-sitwazzjoni nkwetanti fil-pajjiż u biex jitolbu flimkien għal-paċi u l-istabbiltà.”

“Jiena nafda din l-intenzjoni għall-interċessjoni ta’ Omm Alla, hekk meqjuma fis-Santwarju ta’ Harissa, u minn dan il-mument nitlobkom biex takkumpanjaw il-preparazzjoni ta’ dan l-avveniment b’solidarjetà bit-talb, biex għal dak il-pajjiż maħbub ikun hemm futur aktar seren,” hu qal.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Komunità Ewropea (COMECE) appellat lill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja lin-nies tal-Libanu li qed jiffaċċjaw kriżi politika u ekonomika. L-appell ta’ COMECE lill-Unjoni Ewropea sar wara li l-Knisja Libaniża esprimiet il-biżgħat tagħha f’ittra mibgħuta lill-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea.

Il-Papa Franġisku kompla billi fakkar fil-Beatifikazzjoni tas-Sibt li għadda f’Astorga, Spanja, ta’ María Pilar Gullón Yturriaga, Octavia Iglesias Blanco u Olga Pérez-Monteserín Núñez. “Dawn it-tliet nisa lajċi kuraġġużi,” qal, “iddedikaw ruħhom biex jieħdu ħsieb il-midruba fil-gwerra mingħajr ma abbandunawhom fil-mument ta’ periklu tagħhom, ħadu r-riskji u nqatlu fil-mibegħda tal-fidi tagħhom. Infaħħru lill-Mulej għax-xhieda evanġelika tagħhom. Ejjew infaħħru lill-Beati l-ġodda.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-francis-to-meet-with-christian-leaders-from-lebanon.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.