Ittra tal-Papa Franġisku lil Enzo Bianchi

Il-Vatikan, 9 ta’ Frar 2021

“Għażiż ħija,

Irċivejt l-ittra tiegħek tal-20 ta’ Jannar li għadda. Nirringrazzjak ħafna tal-fiduċja u t-trasparenza li bihom ktibtli.

Qrajt u rġajt qrajt l-ittra, u żidt ninforma ruħi fuq il-biċċa. Imma fuq kollox ħsibt fik, ħabib tax-xjuħija tiegħi, bl-uġigħ tal-età, li, għalik, miegħu żdiedet ukoll is-sitwazzjoni li nħolqot u qed iġġagħlek tbati, u, nistqarrlek, qed iġġagħal lili nbati wkoll.

Stajt spjegajt ħafna ħwejjeġ, anki jekk ħafna ma jistgħux jiġu spjegati, għax jidħlu fil-misteru tal-istorja ta’ kull wieħed. Naf li kien hemm nuqqas ta’ ftehim u ġrieħi. Naf li int għamilt u se tkompli tagħmel tant ġid lill-Knisja (anki lili personalment). Naf li l-Viżitaturi fittxew soluzzjoni għall-problemi ta’ nuqqas ta’ ftehim u ta’ firda fil-komunità, li wkoll qed tbati. Naf li għandek ħafna nies iħobbuk.

Imma l-aktar ħaġa importanti li naf, u li hi l-iżjed essenzjali, dak li bħala ħuk għandi ngħidlek, hi li inti tinsab fuq is-salib. U meta tkun imsallab l-ispjegazzjonijiet ma jiswew għal xejn, ikun hemm biss id-dlam, it-talba ta’ wġigħ il-qalb “Missier, jekk jista’ jkun, warrab minni dan il-kalċi” u dawk is-seba’ kelmiet li fuqhom mibnija l-Knisja. Meta nkunu fuq is-salib dawk li ma jridulniex ġid ikunu kuntenti, ħafna ħbieb jaħarbu u jgħibu, jibqa’ biss xi tlieta jew erbat iħbieb l-iżjed fidili, li ma jistgħu jagħmlu xejn biex isalvawna, imma jibqgħu magħna. Tibqa’ biss l-ubbidjenza, bħal Ġesù.

Għażiż Enzo, dan hu l-essenzjal tal-ħajja tiegħek bħalissa: tinsab fuq is-salib, bħal Ġesù. Dan hu ż-żmien tiegħek ta’ taqbida, ta’ dlam, ta’ solitudni, wiċċ imb wiċċ mar-rieda tal-Missier.

Qed narak hekk u rrid inkun qrib tiegħek. Nitlob miegħek. U tiġini f’moħħi wkoll il-figura tal-kbir Għeljażar: ħafna żgħażagħ qed iħarsu lejk.

Ninsab qrib tiegħek bi mħabba ta’ ħuk, ta’ “iben spiritwali” u ta’ missier fil-fidi. Għażiż ħija Enzo, la tinżilx mis-salib. Ħa jkun il-Mulej li jfejjaq is-sitwazzjoni.

Tiegħek, bi mħabba,

Franġisku.”

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.