Ġesù talab għal kull wieħed u waħda minna

Papa fl-Udjenza: Fuq is-Salib, Ġesù talab għal kull wieħed u waħda minna

Hekk kif ikkonkluda ċ-ċiklu kateketiku tiegħu dwar it-talb – li beda aktar minn sena ilu, f’Mejju 2020 – il-Papa Franġisku qal “l-isbaħ ħaġa li tiftakar” hija “l-grazzja li aħna mhux biss nitolbu, imma li, biex ngħidu hekk, aħna ‘tlabna għalih,’ diġà ġejna milqugħa fid-djalogu ta’ Ġesù mal-Missier, f’komunjoni mal-Ispirtu s-Santu.”

It-talb, qal il-Papa, “huwa wieħed mill-aktar fatturi evidenti fil-ħajja ta’ Ġesù … għax id-djalogu mal-Missier kien il-qalba mkebbsa tal-ħajja tiegħu.” Għalkemm Ġesù talab matul il-ħajja tiegħu fuq l-art, qal il-Papa, t-talba tiegħu saret saħansitra iktar intensa fil-jiem u s-sigħat li wasslu għall-Passjoni u l-Mewt Tiegħu, l-“qalba ċentrali” tal-proklamazzjoni Nisranija, li tefgħet dawl fuq il-ħajja kollha ta’ Ġesù .

Ġesù “ma kienx filantropu li ħa ħsieb it-tbatija u l-mard tal-bniedem: Kien u huwa ħafna iktar,” qal il-Papa. Ġesù joffrilna “salvazzjoni totali, salvazzjoni messjanika, li tagħti tama fir-rebħa definittiva tal-ħajja fuq il-mewt.” U allura, żied il-Papa Franġisku, “fl-aħħar jiem tal-aħħar Għid Tiegħu, nsibu lil Ġesù mdawwar bis-sħiħ fit-talb”: Fl-agunija fil-Ġnien tal-Ġetsemani, fejn b’fiduċja ndirizza lil Alla bħala ‘Abba,’ Missier, kelma li tesprimi l-intimità u l-fiduċja, u fuq is-Salib, “mgħotti sewwa fis-skiet t’Alla,” fejn għal darb’oħra Hu jsejjaħ lil Alla l-Missier.

Fuq is-Salib, qal il-Papa Franġisku, id-don tal-Missier jitwettaq – min joffri l-imħabba. Jiġifieri, s-salvazzjoni tagħna titwettaq. Meta Ġesù għajjat ​​lil Alla fuq is-Salib u qal, “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi,” spjega l-Papa, Huwa offra “kollox”. Kollox huwa t-talb, fit-tliet sigħat tas-Salib.

It-talba ta’ Ġesù, qal il-Papa, “hija intensa; t-talba ta’ Ġesù hija unika u ssir ukoll il-mudell għat-talb tagħna.” Il-Papa Franġisku nsista,“Ġesù talab għal kulħadd, Huwa talab ukoll għalija, għal kull wieħed minnkom. Kull wieħed minna jista’ jgħid: ‘Ġesù talab għalija fuq is-Salib. Huwa talab. Ġesù jista’ jgħidilna lil kull wieħed u waħda minna: ‘Tlabt għalik, fl-Aħħar Ċena, u fuq l-għuda tas-Salib.’”

Il-Papa Franġisku qal li rridu “nżommu dan f’qalbna, ma rridu ninsew qatt” li Ġesù talab għal kull wieħed minna personalment. “Ġejna mixtieqa minn Ġesu Kristu, u anke fil-passjoni, l-Mewt u l-Qawmien Tiegħu, kollox ġie offrut għalina.”

Allura, temm jgħid il-Papa, “bit-talb u bil-ħajja, dak kollu li fadal għalina huwa li jkollna kuraġġ, tama, u b’dan il-kuraġġ u t-tama li nesperjenzaw bil-qawwa t-talb ta’ Ġesù u nimxu ‘l quddiem: sabiex ħajjitna tagħti glorja lil Alla fl-għarfien li Hu jitlob għalija lill-Missier, li Ġesù jitlob għalija.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-francis-on-the-cross-jesus-prayed-for-each-of-us.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.