Il-Laqgħa ta’ Pietru u Pawlu ma’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 29 ta’ Ġunju 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl. Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Qatt ġralek illi tagħmel il-ħila tiegħek kollha biex titlob lil Alla, biex tmur il-quddiesa l-Ħadd, biex tgħallem lil uliedek il-valuri Nsara, u tipprova timxi sew ma’ kulħadd, imbagħad tiġri xi ħaġa fil-ħajja tiegħek, u titlob lil Alla u tgħidlu: ‘Fejn int? M’intix tismagħni’? Qatt ippruvajt tagħmel f’ħajtek dak kollu li hu possibbli għal uliedek, taħdem u tistinka, mis-sebħ sa billejl; qatt ippruvajt tistudja, tirrifletti, titgħallem, biex dak li tagħmel kemm fuq ix-xogħol tiegħek, kemm fil-familja, tagħmlu mill-aħjar li tista’, b’mod perfett, u kellek ukoll is-sensazzjoni li kollox miexi b’mod perfett; sakemm imbagħad ġrat xi ħaġa u waqqgħetek fi kriżi? U bdejt taħseb: Imma jien veru rabbejthom sew lil uliedi? Imma jien veru għamilt xogħli sewwa? Għamilt dak kollu li hu possibbli biex nimxi b’mod tajjeb fir-relazzjoni? Kien mingħalija ma hawn ħadd fid-dinja li jħobb iktar milli nħobb jien, jew kif inħobb jien. Għaliex dik jew dawk ittradewni? Qatt għaddejna minn esperjenzi bħal dawn?

Intom tafu li dawn kienu l-esperjenzi ta’ Pietru u Pawlu? Intom tafu li dawn kienu l-esperjenzi li laqqgħu lil Pietru u lil Pawlu ma’ Ġesù Kristu? Intom tafu li l-esperjenza ta’ Pietru u ta’ Pawlu ngħixuha jien u int illum? Kemm inħobbuhom lil Pietru u Pawlu, kemm huma kbar! Kemm nifirħu fil-Festa, u bir-raġun, hekk għandu jkun! Kemm nagħmlulhom festa kbira, u hekk għandha tkun! Imma mbagħad allaħares jiġrilna xi ħaġa żgħira milli ġratilhom huma. Allaħares naħbat difri, allaħares xi ħadd jgħajjarni, allaħares xi ħadd jippersegwitani! Imma fl-inkonxju tagħna hawn xi ħaġa li tgħidilna: Isma’ t-triq tagħhom, dik hi t-Triq! Kif għamlu huma, hekk sewwa, mhux kif naħseb jien u kif niddeċiedi jien b’mod konxju: nevita kull tip ta’ tbatija, nipprova naħrab kull tip ta’ kritika, u kull tip ta’ negattività fil-ħajja. Hemm xi ħaġa fl-inkoxju li tgħidli: Għandhom raġun dawk. Għalhekk qegħdin hawn dalgħodu, għax fil-fond tal-fond tal-qalb tagħna, għalkemm ma naqblux mat-triq li mxew – ħadd minna ma jaqbel mat-tbatija li batew huma, ħadd minna ma jaqbel mal-persekuzzjoni li gawdew huma – imma qegħdin hawn. Għaliex? Għax fil-fond ta’ qalbna hemm xi ħaġa li tgħidilna: Dik hi t-triq, għandhom raġun!

Intom tafu li Alla lil Pietru u lil Pawlu kellimhom permezz ta’ kriżi, it-tnejn li huma? Intom tafu li l-kriżijiet tagħna, jekk neħduhom b’mod tajjeb, jistgħu jkunu t-tarġa, il-mezz, illi permezz tagħhom inkunu nistgħu niltaqgħu ma’ Alla aktar mill-qrib, u l-ħajja tagħna tagħmel iktar sens?

Ħa nibdew minn Pietru. Pietru kien bniedem reliġjuż, imur is-sinagoga, jemmen f’Alla. U kien jemmen f’Alla li ħafna drabi nemmen fih jien u li nemmnu fih aħna… tas-supermarket. Kien jemmen f’Alla li, jekk ikollok bżonn xi ħaġa, trid titolbu u ħażin għalih jekk ma jaqlagħlekx, jekk ma jagħtikx. Kien jemmen f’Alla li jekk tagħmilha miegħu, issir potenti. Ara taħsbu li Pietru ħalla l-mara, it-tfal, id-dgħajsa, ix-xogħol, għalxejn. Għalfejn ħalliehom dawn Pietru? Għax kien jaħseb li se jkun aħjar, imma aħjar bil-mod ta’ moħħu, bil-mod tiegħu. Iktar potenti… tagħmilha ma’ dak li se jeqred lill-Imperu Ruman, tagħmilha ma’ dak li minn hawn u ftit ieħor ser ikun hu li jmexxi d-dinja ta’ dak iż-żmien. Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla… tagħmilha ma’ dak. Imma bil-mod il-mod Pietru, bi kriżi waħda wara l-oħra, kellu jibda jitgħallem li kellu idea żbaljata ħafna ta’ Ġesù Kristu u ta’ Alla. U jista’ jkun li din l-idea żbaljata hija tiegħi u tiegħek ukoll.

U kif beda jinduna li dan Alla mhux Alla tal-poter, mhux dak li jista’ kollox, li kemm tfaqqa’ subgħajk hekk u jġiblek kollox kif trid int? Kemm kien kuntent meta kien ikun fid-dar tiegħu, f’Kafarnahum – li ma ninsewx li kienet saret id-dar ta’ Ġesù – u jara d-dar tiegħu mimlija bin-nies u Ġesù jagħmel il-mirakli! U żgur, min jaf kif kien iħossu Pietru! Min jaf kif inħossni jien meta qed nagħmilha ma’ dan il-bniedem Alla, Ġesù, illi għandu din is-setgħa kollha! Imma bil-mod il-mod Ġesù beda jżarmalu u jħottlu l-idea li kellu tiegħu. U kif?

L-ewwel waħda. Qallu: ‘Isma’, timliex rasek li jien sejjer Ġerusalemm, nirkeb fuq xi żiemel, nikkmanda, u kulħadd jinżel għarkupptejh quddiemi. Le, jien mhux għalhekk sejjer Ġerusalemm. Jien sejjer Ġerusalemm biex inlaqqat taptipa kbira. Jien sejjer Ġerusalemm biex lili l-kbarat, is-saċerdoti, ir-Rumani, il-Fariżej, dawk li jmexxu, jaħkmuni, joqtluni; imbagħad inqum’. Imma l-aħħar biċċa Pietru ma fehemhiex. Semagħha, imma ma fehemhiex. X’jgħidlu Pietru lil Ġesù? “Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” (Mt 16:22). Fi kliem ieħor, x’inhu jgħidlu lil Ġesù? ‘Dan ma jkun qatt li jgħaddi minn għalik, u lanqas minn għalija. Ara taħseb li jien ser niġi warajk jekk inti hekk! Ara taħseb li ser nibqa’ nagħmilha miegħek jekk tibda turi d-dgħufija, li m’intix potenti daqshekk’.

Imbagħad ikompli jżarmah iktar, u iktar malajr, fl-Aħħar Ċena. “Wieħed minnkom ser jittradini” (Mt 26:21). ‘Żgur li mhux jien, żgur li mhux jien’. “Qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet” (v. 34). ‘Jien, lest li niġi miegħek il-ħabs’. “Lest li mmut miegħek” (v. 35). Interessanti li Pietru jispiċċa jħossu d-difensur ta’ Ġesù. Għaliex? Għax ma jistax jippermetti li Ġesù jkun dgħajjef; għax f’moħħu immaġina li Ġesù hu tant b’saħħtu li ser jegħleb lil kulħadd, ser jikkmanda kollox, ser imexxi kollox, ser jgħix f’dinja tal-maġija, dinja tal-poter. U dik id-dinja ta’ poter u ta’ ħolm Pietru ma riedx joħroġ minnha. Kif jien u int, ħafna drabi, meta jkollna kollox taħt kontroll, meta minn għalina qed immexxu kollox aħna, allaħares xi ħadd ifettillu jmissilna dik il-bużżieqa. Hekk jagħmel Pietru.

U jkompli fil-Ġnien taż-Żebbuġ. X’jagħmel meta jara lill-Imgħallem tiegħu f’dipressjoni? Ġesù kien f’dipressjoni kbira fil-Ġnien taż-Żebbuġ. U żgur, kellu fuqu l-piż, it-toqol tad-dnub tal-umanità kollha. Mhux biss, imma kien qiegħed iħoss f’qalbu, hu li kien Alla u bniedem, id-distanza, il-kunflitt enormi bejn il-bnedmin u Alla. Din seta’ jħossha Ġesù biss: dan il-kunflitt enormi, dan il-bogħod enormi, li hemm bejni u bejn Alla, bejna u bejn Alla. U Pietru ma jiflaħx jarah f’dak l-istat lil Ġesù, u x’jagħmel? Jaħrab. Tista’ taħrab b’elf mod. Huwa raqad. Jaħrab mill-għarfien tiegħu, jaħrab b’moħħu. Ġesù jmur iqajmu: “Pietru, mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi?” (Mt 26:40). ‘Piet, jien għadni l-istess wieħed ta’ qabel’. X’jiġri? Jiġu biex jaqbdu lil Ġesù. Pietru jkompli fl-idea tiegħu ta’ ‘Superman’, li qed jagħmilha ma’ Ġesù, u allura lil Ġesù hemm bżonn iqajmu minn hemm, min-nagħsa tiegħu, għax Ġesù kapaċi, jaf li għandu s-setgħa, li jista’ jeqred lil dawk li ġew għalih. X’jagħmel? “Ħareġ idu u silet is-sejf” (v. 51), u beda jagħti bih. U Ġesù jerġa’ jaħsdu lil Pietru: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu, għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered” (v. 52). ‘Kieku rrid jien… imma ma rridx’. Dak il-ħin Pietru jitħawwad u jitgerfex… ‘Imma min hu Ġesù? Ġesù hu dak l-imperatur li jien kont nimmaġina Ġerusalemm? Min hu Alla tiegħi? Alla potenti, li jekk nitolbu jaqlagħli? Alla li, jekk infittxu, suppost qiegħed hemm lest għalija?’, kif ħafna drabi tkun l-idea f’moħħi u f’moħħna. Le, Alla tagħna mhux hekk. U din hi l-konverżjoni l-kbira ta’ min diġà jemmen, ta’ min diġà huwa reliġjuż. Din hi l-konverżjoni kbira li jitlob minna Ġesù permezz ta’ Pietru, imbagħad ukoll permezz ta’ Pawlu, li naraw iktar ’il quddiem.

Pietru bir-raġun jidħol fil-palazz ta’ Kajfa, wara d-dixxiplu l-ieħor, u jgħid: “Jien ma nafux lil dan il-bniedem!” (Mt 26:72). U bir-raġun kollu Pietru ma kienx jafu lil Ġesù. Ma kienx qed jigdeb Pietru meta jgħid: “Jien ma nafux” (v. 72). Lanqas naf lili nnifsi, lanqas naf min huma l-oħrajn. Kriżi papali – hux Pietru kien il-Papa! – kriżi sewda kellu dak il-ħin Pietru. “U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru” (Lq 22:61). U dak il-ħin Pietru jħoss xi ħaġa, tferfira kbira ma’ ġismu kollu, għax induna li dawk l-għajnejn qed iħarsu lejh bi mħabba, induna li ċaħdu lil Ġesù, induna li kellu jagħmel xi ħaġa li ma kellux jagħmilha, induna li ttradixxa l-ħbiberija li kellu ma’ Ġesù, induna li m’għadux jaf min hu Ġesù. Imma baqa’ jħobbu lil Ġesù. Dak il-ħin Pietru beda jibki, jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Luqa: “U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma” (v. 62). Għalfejn beda jibki Pietru? Għax qal: ‘Ara x’għamilt jien, ittradejt lill-Imgħallem tiegħi; ara x’għamilt jien, ara kemm m’iniex raġel’? Mhux għalhekk beda jibki Pietru, imma għax qal: ‘Dan ir-raġel lili kemm-il darba qalli li ser nilagħbu, li ser nittradih; kemm-il darba qalli li jien mhux ser inkun raġel miegħu. Kien jaf min jien; kien jaf li jien dgħajjef; kien jaf li ma jien xejn. U tliet snin ilu, minkejja dan kollu, lili għażilni biex inkun ħabib tiegħu, jew aħjar, biex inkun l-ikbar ħabib tiegħu’.

Pietru bil-mod il-mod jibda jifhem min hu Ġesù. Mela Ġesù jibbaża l-persuna tiegħu mhux fuq il-poter, mhux fuq il-qawwa, imma fuq l-imħabba gratwita. Pietru beda jifhem min hu Ġesù: ‘Mela Ġesù hu dak li jħobbni b’xejn lili. Mela Alla tiegħi mhux Alla setgħan, mhux Alla qiegħed hemm biex jien infittxu meta jkolli bżonn. Imma Alla tiegħi huwa Alla li kontinwament qiegħed miegħi, tliet snin iħobbni u jaf li ser nittradih. Kontinwament qiegħed miegħi dan Alla tiegħi, kontinwament iħobbni, mhux biss meta niftakar fih jien, mhux biss meta jien għandi bżonnu. Dan Alla tiegħi kontinwament iħobbni bi mħabba kbira’. U Pietru jifhem xi ħaġa iktar minn Ġesù. Jgħidilna l-Evanġelju: “U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma” (Lq 22:62).

Pietru jisparixxi mix-xena tal-Passjoni. U jerġa’ jitfaċċa wara, b’mod tassew sabiħ, bl-istess tislima tal-Aħħar Ċena. Id-dixxipli kienu qegħdin flimkien fuq l-Għadira tal-Galilija, jixwu l-ħut; fi kliem ieħor, kienu qed jagħmlu Ewkaristija. U Ġesù, l-ewwel darba li jaffaċċja direttament lil Pietru waħdu, wara l-Passjoni, wara li ttradieh, jgħidlu: ‘Isma’ ’l hawn’. Dak jgħidlek: ‘Ġejja tiegħi llum!’. Għax jekk inti għandek f’moħħok li Alla hu setgħan, potenti, jikkastiga lil min ħaqqu, inti x’taħseb meta jgħajjatlek dak li tkun ittradejtu tliet darbiet? X’timmaġina? Ġejja tiegħi! Ġesù nneħħielu t-titlu, il-blata, li kien tah fil-bidu tal-Evanġelju, u jmur direttament għall-persuna tiegħu. Jiġi fuqek jgħidlek: ‘Marija, Ġużeppi’; kieku lili jiġi jgħidli: ‘Toni, Toni’, mingħajr l-ebda titlu. U jgħidlu: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15). Il-kelma li juża Ġesù hija kelma tqila: “Agapas me”. ‘Tħobbni hekk li lest tagħti ħajtek għalija?’, jgħidlu lil Pietru. Tistgħu taħsbu kif kien Pietru! Jgħidlek: ‘Fakkarhieli dan’. Għaliex? Għax Pietru kien qallu: ‘Jien lest li nagħti ħajti għalik’; “jien lest li mmut miegħek” (Mt 26:35). “Agapas me” – il-kelma agape bil-Grieg tfisser imħabba, għotja; imħabba li lesta li tmut għal min tħobb. Pietru lil Ġesù jgħidlu: “Phileõ se”. ‘Jien inħobbok, imma mhux bl-imħabba li qed titkellem dwarha int, dik li lesta tagħti lilha nnifisha, le mhux dik; imma nħobbok bl-imħabba ta’ ħbieb, bl-imħabba philea’. Pietru issa sinċier, issa veru Pietru. Issa jneħħi l-muskoli Pietru, issa ma jħossux iktar potenti, li rebaħ id-dinja; imma ltaqa’ mal-limiti tiegħu, għamel l-esperjenza tal-kriżi; u fil-kriżi sewda li kellu, induna li kellu l-esperjenza tal-imħabba b’xejn, gratwita, li Ġesù kellu għalih. Allura jħossu liberu Pietru. Lil Ġesù jgħidlu: ‘Ma nħobbokx kif qed tgħidli inti, imma nħobbok bi mħabba iktar limitata’ – “Phileõ se”. Reġa’ Ġesù: “Agapas me” – ‘Tħobbni bi mħabba li lesta tagħti lilha nnifisha?’. Pietru jerġa’ jgħidlu: ‘Għaliex qed terġa’ tgħidli?’, “Phileõ se”; ‘Jiena nħobbok bi mħabba ta’ ħbieb’.

Imbagħad l-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna: “Għat-tielet darba staqsieh” (21:17). Din id-darba Ġesù ma jistaqsihx: “Agapas me”, imma jgħidlu: “Phileõ me”; ‘Lest li tħobbni bi mħabba ta’ ħbieb, bi mħabba li hija inqas minn dik ta’ qabel?’. L-Evanġelju jgħidilna: “Pietru ħass għafsa ta’ qalb” (v. 17) meta sema’ lil Ġesù jistaqsih għat-tielet darba, b’dan il-mod issa; mhux iktar “Agapas me”, imma “Phileõ me”. U żgur li jħoss għafsa ta’ qalb Pietru. Ġesù baxxielu t-tir, baxxielu l-mira, biex ikun jista’ jilħaq. U Pietru jgħidlu: ‘Inti taf, Mulej, inti taf li daqshekk nista’ nħobbok; li b’din tip ta’ mħabba nista’ nħobbok’. “Qallu Ġesù: ‘Irgħa n-nagħaġ tiegħi’” (v. 17). U hawnhekk Pietru jagħmel esperjenza ta’ min hu verament Ġesù. Din l-esperjenza jien u int ukoll imsejħin biex nagħmluha fil-kriżijiet tagħna. Imsejħin biex aħna wkoll, bil-mod il-mod, inbiddlu, nikkonvertu fl-idea tagħna li għandna ta’ Alla. Qatt ma jista’ jkollna idea ċara, mija fil-mija preċiża ta’ Alla; u allura għandna bżonn li nibqgħu nikbru f’dan l-għarfien, jew aħjar, inħallu lil Alla fil-ħajja tagħna jedukalna l-perċezzjoni, l-idea u l-emozzjonijiet tagħna dwaru. Għandna bżonnha din, inkella r-reliġjon m’għandniex bżonnha. M’għandniex bżonn ta’ prattiċi reliġjużi, m’għandniex bżonn ta’ ritwali u ritwaliżmu, jekk ma nħallux lil Alla jmiss iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjonijiet konkreti u prattiċi tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Kelma żgħira fuq Pawlu. Anki Pawlu jsir jaf lil Ġesù fi kriżi, u kriżi sewda. ’Il Pawlu nistgħu nxebbhuh ma’ dak il-bniedem li t-Taljani jgħidulu ‘tutto fare’, awtosuffiċjenti. Bniedem effiċjentissmu, kapaċissmu, intelliġentissmu. Bniedem li m’għandu bżonn ta’ ħadd. Fil-fatt ħafna psikologi lil Pawlu jagħtuh l-attitudni ta’ bniedem narċisista. Jien, jien, jien, imbagħad jien. Għax kien bniedem kapaċi. U nafu kemm kien bniedem kapaċi, u nafu wkoll li kien bniedem kuraġġjuż. Kont qiegħed nisma’ dokumentarju fuq San Pawl u qal li lanqas l-Amerikan medju tal-lum ma jivvjaġġa l-vjaġġi li Pawlu għamel fi żmienu. Mhux ċajta tafux!

Kien bniedem kuraġġjuż jew le? Kien bniedem kapaċi jew le? Kien bniedem kapaċi jikkomunika, għalkemm hu jgħid: “Jien ma ninqalax fil-kliem” (2 Kor 11:6), jew le? Kien kapaċi jikkomunika, u forsi żżejjed; tant li Pietru, fit-Tieni Ittra tiegħu jgħid: “Dawn l-ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex wieħed jifhimhom” (2 Piet 3:16); hekk jgħid Pietru fuq sieħbu Pawlu. Pawlu kien jibbaża kollox fuq il-kapaċitajiet tiegħu, kemm kien bniedem perfett. Tant kien perfett li kien iħoss li l-liġi ta’ Alla – in-nomos, il-liġi ta’ Alla – bħala Fariżew kien jobdiha, mhux mill-bidu sal-aħħar, imma minn tarf għall-ieħor, kollha kemm hi. Tant li kien jaħseb li hu ġust u li hu tajjeb, għax dak li hu jagħmel tajjeb, hu ġust u perfett. U kemm tiġrilna din fil-ħajja. Kemm inħoss jien: M’hawnx qassis ieħor tajjeb bħali! Kemm inħossha fil-fond ta’ qalbi! Kemm tħossha int fil-fond ta’ qalbek: M’hawnx ġenitur ieħor bħali! M’hawnx għalliem ieħor bħali! Imbagħad tiġri xi ħaġa u tispiċċa fid-dlam. Mingħalik li inti l-aħjar raġel li jista’ jeżisti fid-dinja, imbagħad issib il-mara qed taqlibhielek. Jaqagħlek kollox. Il-kastell li kont bnejt f’moħħok jaqa’ kollu. Minn fejn ser tibda?

Din hi l-kriżi li għex Pawlu. Dan hu d-dlam li hu ra fit-triq ta’ Damasku. Din kienet id-dalma li kien qed jgħix Pawlu. Induna fit-triq ta’ Damasku, għaraf li dik il-liġi li hu kien iħares u li kien jiġġieled għaliha, waqt li kien qed jobdiha, hu u jagħmilha, kien qed imur kontra tagħha. Għaliex il-liġi tgħid: “La toqtolx” (Eż 20:13), la tagħmilx inġustizzja; u hu fl-istess waqt kien qiegħed jagħmel inġustizzja, kien qiegħed joqtol. U allura dak li ħass li kien qed jibbaża fuqu, waqagħlu kollu. U jiltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù, li jgħidlu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Imma mhux biss. Lil Pawlu Ġesù jgħidlu: ‘Serraħ rasek, jekk inti bniedem tajjeb, dan mhux bl-għemil tiegħek’. ‘Jekk inti taħseb li inti ġenitur tajjeb, jew raġel tajjeb, jew mara tajba, dan mhux bil-qawwa tiegħek, imma bis-saħħa tiegħi, bl-għajnuna tiegħi, imma bil-qawwa li nista’ nagħtik jien, imma bl-għajnuna li nista’ nagħtik jien, jekk tagħmilha miegħi, jekk tkun miegħi’. U Pawlu nduna li l-ġustifikazzjoni, id-“dikaiosyne”, li nsibuha kemm-il darba fl-ittri tiegħu, ma tiddependix mit-tjubija personali, imma minn Ġesù msallab, minn Ġesù li miet għalih, minn Ġesù li jmut għalina.

U xi ġralu Pawlu? Jiddeċentra, fi kliem ieħor, iċ-ċentru tal-persuna tiegħu ma jibqax hu, imma jsir Ġesù. Kif Pietru ċ-ċentru tal-persuna tiegħu ma jibqax Alla potenti, imma jsir l-imħabba infinita u inkundizzjonata ta’ Alla, hekk Pawlu jagħraf li mhux l-għemil tiegħu, mhux il-volontariżmu tiegħu, mhux l-isforzi tiegħu, mhux il-kapaċitajiet tiegħu, imma hi l-grazzja ta’ Alla. Il-kelma “sarx” li hu juża tfisser il-ġisem – il-ġisem mhux fis-sens ta’ senswalità jew tas-sesswalità, imma l-ġisem b’mod ġenerali li għalih kien l-għajn tal-ħażen. U żgur! Biex tkun perfett trid tikkontrolla kollox. Kif jista’ jkun nikkontrollaw għalkollox lilna nfusna? X’ma taqax fl-iskrupli! X’ma tħallihiex il-fidi, jekk timmaġinaha b’dan il-mod. Regoli, regoli, regoli, kif kien jimmaġinaha Pawlu. Għax mingħalih li r-regoli ser jiġġustifikaw lill-persuna.

X’jagħmel Pawlu? Iħalli kollox f’idejn Alla, Alla li jsalvah. Għax iltaqa’ ma’ Ġesù, iltaqa’ ma’ Ġesù msallab. Jgħidilhom lill-Griegi: ‘Dak li għalikom hu għerf, għal Alla hu bluha’; u lil Lhud jgħidilhom: ‘Dak li għalikom hu bluha, għal Alla hija intelliġenza’. Għax is-salib ta’ Ġesù huwa l-milja tal-imħabba, hu l-qofol tal-imħabba ta’ Alla. Jekk aħna nagħmlu esperjenza ta’ Ġesù, kif iltaqa’ miegħu Pietru, kif iltaqa’ miegħu Pawlu, aħna nħossuna liberi, naċċettaw lilna nfusna bid-dgħufijiet tagħna. Ma nibqgħux nibżgħu minna nfusna, lanqas mill-agħar esperjenzi, jew mill-agħar ħsibijiet li jistgħu jiġuna, jew mill-agħar sentimenti li nistgħu nħossu. Jekk inti maħbub, jekk tħossok maħbub minn Ġesù msallab, li miet saħansitra għad-dnub tiegħek, għall-ħażen tiegħek, allura għandek il-permess li tħobb lilek innifsek b’mod san; li tħobb lill-oħrajn, lil ħutek, li għalihom miet Ġesù, bħalma miet għalik.

Ejjew nitolbu lil Pietru u lil Pawlu biex ma nibżgħux mill-kriżijiet tagħna. Ejjew nitolbuhom, aħna lkoll kemm aħna, li llum jew għada, forsi llum stess, għaddejjin minn xi diffikultà, minn xi problema, minn xi kriżi. Aħna nimmaġinaw li Alla qiegħed hawn u l-kriżijiet qegħdin in-naħa l-oħra. Imma mhuwiex hekk. Aħna nimmaġinaw li fejn hemm il-kriżijiet m’hemmx Alla, anzi Alla nsieni. Mhux hekk! Alla qiegħed xi mkien ġol-kriżi, anzi, Alla qiegħed ikellimni permezz tal-kriżi. Il-problema mhix huwiex hemm jew le. Il-problema hi kif ser ninduna bih, fejn ser insibu, kif ser nagħrfu. Tinsewx li biex Pawlu għarfu fil-kriżi kellu jfittex lil Ħananija. Mhux hekk biss; mar għamel iktar minn sena “fid-deżert tal-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku”, jgħidilna fl-Ittra tiegħu lill-Galatin (1:17)… biex jifhem, biex jagħraf.

Aħna msejħin għal affarijiet sbieħ. Aħna msejħin biex saħansitra d-dgħufija tagħna, it-tbatija tagħna, isservina biex nindunaw kemm Alla jħobbna. Aħna msejħin għal dan, għal affarijiet sbieħ. Ejjew ma nirrassenjawx ruħna għal ftit. Ejjew ma nippruvawx nimlew il-qalb tagħna b’dak li jimla l-istonku, jew b’dak li jifga lill-għajnejn. Ikolli ħafna flus, jifgaw l-għajnejn; mela jien ħa nsib daqshekk u nkun kuntent. Le jaħasra! Niekol ikla tajba biex inkun kuntent. Anzi, wara juġgħek l-istonku! Tippruvax timla qalbek b’dak li jimla l-istonku. Tippruvax timla qalbek b’dak li jimla l-għajnejn. Aħna msejħin għal affarijiet isbaħ, għal affarijiet ikbar.

Ejjew nitolbu lil dawn iż-żewġ Appostli biex ikollna l-umiltà. Ara kemm huma kbar – għax kienu veru umli! Ikollna l-umiltà li ngħidu: F’din it-tbatija, f’din il-kriżi, Alla qiegħed hemm. Xi jrid jgħidli? Fejn hu qiegħed? Ibqgħu ċerti li ser insibuh, iħalli lilu nnifsu jidher fil-ħajja tagħna. U meta tiltaqa’ miegħu fid-diffikultà, meta tiltaqa’ miegħu fil-problema, ibqa’ ċert li ma tħallihx, ibqa’ ċert li jeħel miegħek, u teħel miegħu. Ibqa’ ċert li mbagħad b’xi mod, bil-mod il-mod, naslu wkoll biex ngħidu: ‘Iva, jiswa li tagħti ħajtek għal bniedem bħal dan, jiswa li tagħti ħajtek għal Ġesù’.

Leave a Reply