Lezzjoni II: San Gejtanu

Fl-istess jum 7 ta’ Awissu SAN GEJTANU, SAĊERDOT

TIFKIRA

San Gejtanu dei Conti di Thiene twieled f’Vicenza fl-1480. Beda karriera fil-professjoni legali u waqaf biex isir saċerdot. Ġie ordnat presbiteru fl-1516 u waqqaf f’Ruma s-soċjetà tal-Kjeriċi Regolari (Teatini)  jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola, li ħadmet ħafna għall-formazzjoni tal-kleru. Ma kienx jieqaf mit-talb u mill-opri ta’ karità mal-proxxmu. Fl-1543, kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis,” il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jissellfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli. Gejtanu miet f’Napli fl-1547.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ San Gejtanu, saċerdot

(Epist. ad Elisabeth Porto)

Kristu jgħammar fqalbna permezz tal-fidi

Jiena midneb u nqis ruħi bħax-xejn, iżda ndur lejn il-qaddejja tajba tal-Mulej biex jitolbu għalija lil Kristu l-imbierek u lil Ommu. B’danakollu tinsiex li anqas il-qaddisin kollha ma jistgħu jagħmluk għażiża quddiem Kristu daqskemm int tista’ tagħmel hekk lilek innifsek. Dan minnek għandu jiġi, u, jekk trid li Kristu jħobbok u jgħinek, ħobbu u fittex li togħġbu dejjem, u toqgħodx tibża’ li m’intix se ssibu dejjem miegħek kull meta tenħtieġ, mqar jekk il-qaddisin u l-ħlejjaq kollha jitilquk.

Żomm sewwa f’rasek li aħna pellegrini u vjaġġaturi fuq l-art: il-belt tagħna hija fis-sema; min jintefaħ bih innifsu, joħroġ barra mit-triq u malajr isib ruħu fil-mewt. Sakemm għadna hawn jenħtieġ naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem; bil-ħila tagħna weħidna ma naslu fiha qatt, għax aħna tlifnieha bi dnubietna, imma Ġesù

Kristu kisibhielna mill-ġdid. Għalhekk għandna nroddulu ħajr dejjem, inħobbuh, nisimgħu minnu, u nibqgħu kemm jista’ jkun dejjem miegħu.

Hu tana lilu nnifsu bħala ikel: ta’ min jitħassru dak il-bniedem li ma jafx b’dan id-don; Alla tana l-grazzja li nistgħu nirċievu lil Kristu, Bin Marija Verġni, u aħna ma rridux; ħażin għalih min ma jfittixx li jirċevih. Binti, il-ġid li nixtieq għalija nixtiequ għalik ukoll, imma biex tieħu dan il-ġid ma hemmx triq oħra ħlief li titlob sikwit lil Marija Verġni biex tiġi żżurek ma’ Binha l-għażiż, anzi tagħmel il-qalb u titlobha tagħtik lil Binha, li hu tassew l-ikel spiritwali tiegħek fis-sagrament imqaddes ta’ l-artal. Hi tagħtihulek bil-ferħ, u hu jiġi għandek b’ferħ akbar biex iwettqek, biex tista’ tibqa’ għaddejja bla biża’ minn din il-foresta mudlama. Hawnhekk l-għedewwa tagħna jonsbulna ħafna nases, imma jibqgħu ’l bogħod minna jekk jaraw li għandna din l-għajnuna magħna.

Binti, tirċevix lil Ġesu Kristu bil-ħsieb li tinqeda bih kif jidhirlek int, imma rridek tagħtih lilek innifsek u tħallih jirċevik, biex hu, Alla s-salvatur tiegħek, jagħmel kull ma jogħġbu bik u fik. Dan hu li nixtieq u nitlob minnek, u rridek b’kemm għandi ħila li ġġib ruħek hekk.

RESPONSORJU                                                                                            ara Fil 1:21

1.Tifħir qaddis jistħoqqlu dan ir-raġel hieni, li l-imħabba u l-għożża tiegħu kienu bla qjies! * Huwa maqdar id-dinja bil-frugħa tagħha, u kiseb il-ħajja ta’ dejjem.

2 Għalih il-ħajja kienet Kristu, u l-mewt kienet qligħ. * Huwa maqdar id-dinja bil-frugħa tagħha, u kiseb il-ħajja ta ’ dejjem.

Talba

O Alla, int tajt lis-saċerdot San Gejtanu l-grazzja li jgħix ħajja bħal tal-Appostli: agħmel li aħna, bl-eżempju u t-talb tiegħu, inqiegħdu dejjem fik it-tama tagħna u qatt ma nieqfu nfittxu s-saltna tiegħek.

B’Ibnek.