Lezzjoni II: Santu Sistu II

7 ta’ Awwissu SAN SISTU II, PAPA, U SĦABU, MARTRI

TIFKIRA

San Sistu sar Papa fis-sena 257; is-sena ta’ wara, huwa u jiċċelebra l-liturġija mqaddsa f’wieħed mill-katakombi ta’ Ruma, is-suldati, bl-ordni tal-imperatur Valerjanu, arrestawh flimkien ma’ sitt djakni Rumani u minnufih qatluhom. Kien is-6 ta’ Awissu. Difnuh fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittra ta’ San Ċiprijanu, isqof u martri

(Epist. 80)

Għas-suldati ta’ Kristu ma hemmx qerda imma kuruna

Għażiż ħija, ma stajtx niktiblek minnufih, għaliex il-kleru kollu sab ruħu fit-tiġrib tal-persekuzzjoni, u ħadd ma seta’ jwarrab, imma lkoll ħejjew ruħhom b’ħeġġa ta’ qalb liema bħalha biex jiksbu l-glorja tas-sema ma’ Alla.

Nixtieqkom tkunu tafu li ġew lura dawk li jien kont bgħatt Ruma biex jaraw x’kien hemm imħejji għalina u jgħarrfuna bil-verità kollha, għaliex hawn fostna hawn

ħafna diċeriji u fehmiet kontra xulxin.

Il-verità hi din: Valerjanu, b’reskritt lis-Senat, ordna li l-isqfijiet, il-qassisin u d-djakni jingħataw minnufih għall-mewt; li s-senaturi, in-nies magħrufa u l-kavallieri Rumani jitilfu ġidhom u l-privileġġi kollha tagħhom, u jekk jibqgħu jgħidu li huma nsara, wara li jitilfu kulma għandhom, jaqtgħulhom rashom bis-sejf; li n-nisa nobbli jitilfu ġidhom kollu u jiġu eżiljati: li dawk imbagħad li jaħdmu u jgħixu fil-palazz tal-imperatur, kemm dawk li ġa stqarrew li huma nsara, u kemm dawk li jistqarru dan issa, jintrabtu bil-ktajjen u jintbagħtu jaħdmu fl-artijiet tal-imperatur.

Flimkien mar-reskritt l-imperatur Valerjanu bagħat kopja tal-ittri li ntbagħtu lill-gvernaturi tal-provinċji dwar l-insara. Aħna dejjem bit-tama li dawn l-ittri fl-aħħar jaslu għand il-gvernaturi, għaliex aħna sħaħ fil-fidi u lesti biex insofru l-martirju bit-tama li niksbu l-kuruna tal-ħajja ta’ dejjem, li l-Mulej jagħtina fil-ħniena tiegħu.

Nixtieqkom tkunu tafu li lil Sistu u lill-erba’ djakni tiegħu qatgħulhom rashom ħdejn iċ-ċimiteru fis-sitta ta’ Awissu. Il-prefetti tal-belt ta’ Ruma qegħdin juru kuljum ħeġġa li ma bħalha fil-persekuzzjoni tal-insara, u lil dawk kollha li jġibulhom quddiemhom jagħtuhom il-mewt u jeħdulhom ġidhom kollu għat-teżor tal-istat.

Nitlobkom twasslu dan kollu lil sħabna l-isqfijiet l-oħra kollha biex, f’kull imkien, il-kliem imħeġġeġ tagħhom isaħħu l-għaqda bejn l-aħwa ħalli kulħadd iħejji ruħu sewwa għal din il-ġlieda spiritwali. Jalla l-insara ħutna kollha jaħsbu aktar fil-ħajja ta’ dejjem milli fil-mewt, biex ikunu sħaħ fil-fidi u bil-qawwa kollha jifirħu li qegħdin joffru ħajjithom lil Alla, biex ma jibżgħux jistqarru l-fidi tagħhom. Bi stqarrija bħal din is-suldati ta’ Kristu ma jinqerdux imma jirċievu l-kuruna tar-rebħa.

Għażiż ħija, nixtieqlek kull ġid u qawwa fil-Mulej.

RESPONSORJU                                            2 Kor 4:11; Salm 43(44):23

1. Ninsabu mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesu, * Biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesù tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut.

2. Minħabba fik, Mulej, joqtluna l-ħin kollu, jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla. * Biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesù tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut.

Talba

O Alla li tista’ kollox, int waqaft mal-papa San Sistuu sħabu biex jagħtu ħajjithom għall-kelma tiegħeku x-xhieda ta’ Ġesù: agħmel li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, inkunu dejjem imħejjija tajjeb biex nemmnu u kollna ħila nistqarru l-fidi tagħna. B’Ibnek.