Ix-xahar ta’ Lulju x-xahar iddedikat lid-Demm ta’ Ġesù Kristu Sidna

Print Friendly, PDF & Email

Kif is-sħana tibda’ tiela’ sewwa mill-ewwel jiġi quddiem wiċċna x-xahar ta’ Lulju. L-għaraq jibda’ nieżel għax xi ħaġa naturali li l-ġisem bilfors li jkollu jagħmel biex iżomm lilu nnifsu frisk minn dik is-sħana kollha li tkun nieżlha fuqu!

Fil-fidi, ix-xahar ta’ Lulju hu wieħed speċjali ħafna. Dan l-għaliex hu x-xahar iddedikat lid-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Ġesù Kristu Sidna. Il-mistoqsija tqum bla ma trid ħbieb: Għalfejn dan ix-xahar hu iddedikat lid-Demm ta’ Kristu? X’wassal biex dan iseħħ? Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija jeħtieġilna inqallbu ftit il-kotba tal-istorja tal-Knisja. Dawk il-kotba mbierka li, aktar ma tqallibhom, aktar tibda’ tapprezza l-fatt kemm nagħmlu sewwa meta, wara li ssir il-Barka Ewkaristika, infaħħru lil Ġesù b’dan il-kliem: Imbierek Ġesù Kristu veru Alla u veru bniedem! Aktar ma nqallbu l-istorja mħawra tal-Knisja tiegħu aktar għandna nfaħħru bil-kbir il-misteru tal-inkarnazzjoni tiegħu, li minn Alla sar bniedem bħalna!

Mill-att teoloġiku, id-devozzjoni lejn id-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Ġesù Kristu turi mħabbet il-Knisja lejn din it-turija mill-aktar tal-għaġeb ta’ mħabba li għamel l-Iben t’Alla magħmul bniedem għalina biex jifdina. Imħabbet il-Knisja hi l-għarfien tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù meta xerred demmu għalina u kif dan id-demm ġie mxerred għas-salvazzjoni tiegħi u tiegħek, midinbin. Barra minhekk, dan id-Demm hu magħmul preżenti għalina fl-Ewkaristija Mqaddsa meta jiġi ikkunsmat b’tant imħabba u devozzjoni flimkien mal-ġisem ta’ Kristu taħt ix-xbieha tal-ħobż u tal-inbid.

Lura għall-istorja. Matul iż-żminijiet il-Knisja żviluppat għadd ta’ festi li kienu ikkonċentrati fuq id-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu. Biss, kien eżattament fis-seklu 19 meta l-Knisja waqqfet festa universali apposta tad-Demm ta’ Kristu. Il-kuntest storiku għal din il-festa kien l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, fl-Italja kien għaddej il-moviment qawwi kontra l-ħelsien mill-ħakkiema barranin f’dan il-pajjiż. Kienet is-sena 1849 meta l-Beatu Papa Piju IX kellu jeżilja ruħu f’Gaeta. Huwa seħħlu jmur f’din il-belt flimkien ma’ Don Giovanni Merlini, li kien it-tielet superjur ġenerali tal-Patrijiet tad-Demm l-Aktar Prezzjuż.

Waqt li l-gwerra kienet għaddejja ġmielha u iżżid kemm tiflaħ fil-qilla tagħha, Merlini issuġġerixxa lill-Beatu Piju IX iwaqqaf festa universali tad-Demm Prezzjuż ta’ Kristu. L-għan aħħari wara dan is-suġġeriment kien biex isir talb lill-Mulej ħalli l-gwerra tieqaf u l-paċi terġa’ issaltan fil-belt eterna, Ruma. Jidher ċar li s-suġġeriment għaqli u f’postu ta’ Don Giovanni Merlini nieżel għasel mal-Beatu Piju IX. Tant hu hekk li nhar it-30 ta’ Ġunju 1849 il-Papa ħareġ stqarrija li fiha qal li kellu l-intenzjoni li jwaqqaf festa f’ġieħ id-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu. Ħaġa tal-għaġeb, il-gwerra li kienet għaddejja u li kienet qed tiġi missielta b’tant ħruxija mill-ewwel waqfet tant li l-Beatu Piju IX seta’ jerħilha lejn Ruma ftit żmien wara.

Il-Beatu Papa Piju IX żamm kelmtu. Fil-fatt, nhar il-10 t’Awwissu 1849 il-Beatu Piju IX kien uffiċjalment ħabbar li l-ewwel Ħadd ta’ Lulju kien se jkun iddedikat lid-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu. Aktar tard, San Papa Piju X kien għażel l-1 ta’ Lulju bħala l-jum magħżul biex isseħħ il-festa lid-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni l-festa kienet imneħħija mill-kalendarju. Minflokha l-liturġija ippermettiet li tiġi iċċelebrata l-Quddiesa votiva biex tonora lid-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu. Fil-fatt, din il-Quddiesa setgħet tiġi iċċelebrata fix-xahar ta’ Lulju u kif ukoll f’ħafna xhur matul is-sena.

Ħa naraw ftit x’għandha x’tgħidilna t-talba tal-ftuħ ta’ din il-Quddiesa votiva u kif ukoll xi talb ieħor li jista’ jiġi użat bħala għajnuna għall-meditazzjoni personali tagħna jew anki bħala talb matul ix-xahar ta’ Lulju:

O Alla, li bid-Demm Prezzjuż ta’ l-Iben il-Waħdieni tiegħek int fdejt id-dinja kollha, żommna sħaħ fix-xogħol tal-ħniena tiegħek ħalli, kull darba li nonoraw il-misteru tas-salvazzjoni tagħna, jkun jistħoqqilna niksbu l-frott tiegħu. Dan nitolbuh permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, Ibnek, li jgħix u jsaltan miegħek, fl-għaqda tal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Amen. Mistiedna għall-mejda mqaddsa tiegħek, O Mulej, aħna b’ferħ ħadna l-ilma mill-għejjun tas-Salvatur: Ħalli demmu, nitolbuk, isir fina għajn ta’ ilma li jwassal għall-għejjun tal-ħajja ta’ dejjem.

Ma rridx ninsa’ wkoll il-magħrufa litanija tad-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu li nitolbu f’dan ix-xahar ta’ Lulju. Fil-fatt, din il-litanija tfakkar, b’mod mill-aktar qawwi, id-demm li l-Mulej tagħna xerred għalina fil-Passjoni tiegħu u li joffrilna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għas-salvazzjoni tagħna. Hu importanti li wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-ħobż li nieklu fil-Quddiesa hu, tabilħaqq, il-ġisem, id-demm, ir-ruħ u d-divinità ta’ Ġesù Kristu Sidna. Għalkemm l-inbid fit-tqarbin huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna (Mark 14:24) l-ostja, bħala l-ġisem ta’ Kristu, għandha fiha d-demm tal-Mulej tagħna ukoll.

Il-Litanija tad-Demm L-Aktar Prezzjuż kienet approvata għall-użu pubbliku fl-1960 minn San Papa Ġwanni XXIII, għalkemm id-devozzjoni lejn id-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu tmur lura għal ħafna sekli. Fil-fatt, bħalma kien kiteb Dun Faber, qassis Ingliż magħruf għall-innijiet, fl-1860: “Il-ħajjiet tal-qaddisin huma miżgħuda bid-devozzjoni lejn id-demm prezzjuż”.

Il-Litanija tad-Demm L-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu tfakkarna, b’mod mill-aktar qawwi, mhux biss li d-Demm ta’ Kristu hu ħaġa waħda mal-Passjoni ħarxa li bata’ minħabba fina imma wkoll tal-ġid kbir li dan id-Demm qaddis jista’ jwettaq għalina bħala x-xorb Ewkaristiku u l-qawmien mill-ġdid ta’ ruħna.

San Pietru jfakkarna fl-importanza ta’ dan id-demm imqaddes meta jiktbilna hekk: Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa (1 Pt 1:18-19). Bħalma qalilna l-Mulej tagħna, Demmu se jixxerred għall-maħfra tad-dnubiet (Mt 26:28).

Jalla din il-litanija tad-Demm L-Aktar Prezzjuż tispirana ilkoll biex nirċevuh kif jixraq fis-Sagrament tal-Ewkaristija, is-Sagrament tal-imħabba u li jsaħħaħna fl-isforzi tagħna biex naqduH fl-oħrajn fil-mixja tagħna lejn Ġerusalemm tas-Sema. Il-Litanija tad-Demm l-Aktar Prezzjuż ta’ Kristu tinstab f’numru 58 f’dan il-link: http://www.laikos.org/Talb_Sacerdoti_J.htm Nagħmlu tajjeb li nitolbuha mhux biss kuljum matul dan ix-xahar ta’ Lulju imma ta’ spiss f’ħajjitna. Hu d-Demm ta’ Kristu li joħroġna rebbieħa fuq l-għadu tagħna, ix-xitan.

Patri Mario Attard OFM Cap