Il-Gvern Franċiż attakka stazzjon tat-TV għal film favur il-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

Il-gvern Franċiż ħadha b’qawwa kontra stazzjon tat-televiżjoni li fis-16 ta’ Awwissu wera għall-ewwel darba l-film UNPLANNED. Il-gvern Franċiż qal li l-film hu ta’ stmerrija u għodda kontra l-abort.

Id-Delegat Ministru tal-Ugwaljanza tal-Ġeneru, Élisabeth Moreno, ikkundannat il-film bħala fiction ta’ propaganda li skont hi jmur kontra l-valuri tal-istat Franċiż. Il-ministru sostniet li l-abort hu progress għas-soċjetaà u hu dritt fundamentali u inaljenabbli għan-nisa kollha. Hi rrepetiet is-slogan tal-abortisti: “Il-persuna tiegħi, l-għażla tiegħi”. Il-ministru qalet li Franza tiġġieled lil dawk kollha li jippruvaw ma jħallux lin-nisa milli jkollhom kontroll fuq il-persuna tagħhom.

Il-gvern Franċiż qal li l-film hu ta’ stmerrija u għodda kontra l-abort.

Il-film UNPLANNED hu dwar il-ħajja ta’ Abby Johnson, li qabel kienet direttriċi ta’ ċentru tal-Planned Parenthood f’Texas u li mbaghadl saret attivista ħabrieka favur il-ħajja. L-għan tal-film UNPLANNED hu li jitfa’ dawl fuq ir-realtà tal-abort billi jikxef il-kummerċ dinji li hemm wara l-abort u t-traġedja reali li l-abort ifisser għal għadd kbir ta’ nisa. Il-film intwera fl-aħjar ħin li fih il-pubbliku jara t-televiżjoni.

Il-liġi tal-abort tal-2017 tqis bħala reat min ma jħallix jew jipprova biex ma jkunx hemm aċċess għall-abort. Il-liġi timponi piena għal min b’xi mod ixerred informazzjoni kontra tmiem voluntarju ta’ tqala, inkluż li b’mod elettroniku jew online ixxerred jew jitrasmetti allegazzjonijiet jew informazzjoni ta’ natura tali li b’intenzjoni tisgwida jew tipperswadi dwar il-karatteristiċi jew il-konsegwenzi mediċi kawża ta’ tmiem volontarju ta’ tqala.

Madankollu l-argument legali li qajmet il-ministru ġie kuntrastat mill-avukatessa Adeline Le Gouvello, li qalet li l-akkużi huma bla bażi għaliex il-film UNPLANNED hu addattat minn storja vera ta’ esperjenza ta’ persuna. Adeline Le Gouvello qalet il-fatt li tqiegħed esperjenza f’immaġni hi ħaġa ta’ libertà artistika ta’ espressjoni. Min imur kontra dan ikun ħati ta’ trażżin tal-opinjoni. L-avukatessa kkjarifikat ukoll li legalment l-abort qatt ma kien meqjus bħala dritt fundamentali imma bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rispett lejn il-ħajja, li jiftaħ possibbilta lin-nisa li jridu jirrikorru għalih.

https://www.ncregister.com/blog/uproar-in-france-over-unplanned-movie

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: