Is-Sibt, 28 ta’ Awwissu 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ Santu Wistin. Knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Naħseb li bħali tisimgħu ħafna ommijiet li kultant jilmentaw dwar uliedhom: jgħidu li m’għadhomx imorru Knisja, li m’għadhomx jemmnu, m’għadhomx iridu jitolbu. Huwa lment li nisimgħu sikwit. Kultant mhux nisimgħuh biss, imma ngħixuh bl-esperjenza tal-familja tagħna stess. Is-sitwazzjoni tagħna llum hija simili ħafna għas-sitwazzjoni li fiha għexu Santu Wistin u l-familja tiegħu.
Kif tafu intom, is-sitwazzjoni soċjali tagħna llum m’għadhiex Nisranija kif kienet sa ftit ilu. Imma hekk ukoll kienet is-sitwazzjoni fi żmien Santu Wistin fl-Afrika, fl-Alġier fejn twieled, f’Tagaste ta’ żmienu. Kien hemm dak li jgħidulu sinkretiżmu reliġjuż, jiġifieri diversi reliġjonijiet imħalltin flimkien, diversi ideat reliġjużi ta’ qima li kienu jitħawdu u jintgħaġnu flimkien, u kulħadd kważi kien jemmen dak li jaqbillu. U f’din is-sitwazzjoni kien hemm ħafna nies li spiċċaw ma jemmnu f’xejn. Mhix simili għas-sitwazzjoni tagħna din li kien jgħix fiha Wistin fir-raba’ seklu wara Kristu?
Imma mhux biss. Anki s-sitwazzjoni tal-familja tiegħu ma kinitx waħda minn dawk is-sbieħ. L-istoriċi jgħidulna li għalkemm missieru Patrizju kien iħobb lil ommu Monika, ma kienx isibha bi tqila biex ikun infidil lejha u jaqlibhielha. Allura, f’dan il-kuntest familjari inċert u instabbli, li Wistin kien jixrob ukoll minnu, kuntest illi huwa simili ħafna għall-kuntesti tagħna, fejn il-familja tilfet kull ċertezza u kull stabbiltà li għandha, toħroġ il-figura ta’ dan il-bniedem, joħroġ il-kobor ta’ dan il-bniedem li jfittex, l-ewwel u qabel kollox, b’moħħu, bl-intelliġenza tiegħu, il-verità, ftit stabbiltà, ftit serħan, ftit paċi.
Allura mhux biss is-sitwazzjoni soċjali ta’ Santu Wistin hi simili għal tagħna, mhux biss is-sitwazzjoni familjari tiegħu hija simili għal tagħna, imma saħansitra s-sitwazzjoni personali tiegħu hi simili ħafna għal tagħna. Allura nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li Santu Wistin hu bniedem ta’ żmienna. Imma x’jagħmel Santu Wistin f’din is-sitwazzjoni soċjali, familjari u individwali tiegħu? Jagħmel xi ħaġa tassew sabiħa, tassew umana, tassew vera, tassew kbira: ma jibżax mill-mistoqsijiet.
Il-bniedem ħafna drabi jwarrab il-mistoqsija hekk kif tiġih, għas-sempliċi raġuni li ma jridx jidħol f’inċertezzi u f’instabbiltà. Imma jekk il-fidi tagħna ma tgħaddix mill-għarbiel tal-mistoqsijiet – b’mod speċjali mill-għarbiel tal-mistoqsijiet eżistenzjali, dawk li jregħduna fl-eżistenza tagħna, dawk li kultant iwaqqgħuna fi kriżi, bħalma hi t-tbatija, id-diffikultà fir-relazzjonijiet, il-problemi tal-mard, tal-inġustizzji li naraw madwarna – jekk dan kollu ma nħalluhx jistaqsina, jinterpellana, il-fidi tagħna tibqa’ xi ħaġa wisq superfiċjali, u tispiċċa sempliċement libsa li nilbsu u ninżgħu meta u kif jaqblilna.
Santu Wistin dan ma kienx jissaportih. Għalih il-fidi kienet xi ħaġa illi jew tolqtu fil-qalb dejjem u l-ħin kollu, jew tiffurmalu l-moħħ tiegħu dejjem u l-ħin kollu, jew inkella jitbiegħed minnha. Allura nsibu d-diversi fażijiet fil-ħajja ta’ Sant Wistin. Jgħaddi mill-istudji xjentifiċi ta’ dakinhar, għas-setet ta’ żmienu, għall-iskejjel filosofiċi ta’ żmienu, sakemm fl-aħħar jasal biex jilqa’ u jaċċetta l-fidi Nisranija.
Jien hawnhekk nixtieq li jkollna dan is-sens kbir ta’ tiftix li kellu Sant Wistin, dan il-kuraġġ li jagħmel il-mistoqsijiet li kultant aħna nibżgħu nagħmlu. Jien niftakar id-dar, lil ommi, kull meta missieri kien jagħmel xi mistoqsija. Missieri kien bniedem li jindaga u jistaqsi. Ma kienx wieħed minn dawk li jibilgħu l-affarijiet jew jaċċettaw l-affarijiet kif jgħiduhomlu. Allura kien jistaqsi: ‘Min qatt mar u reġa’ ġie? Min jirrakkontali li fil-ħobż hemm veru l-Ewkaristija? Min jgħidili din?’. Niftakar lil ommi min-naħa l-oħra, kważi kważi taqa’ fi kriżi għax missieri qed jaqa’ f’ereżija.
Imma jiena naħseb illi jekk aħna ma nistaqsux, jekk aħna d-domandi tagħna ma nirrispettawhomx, jiġrilna li ma jkollniex ċertezzi. Jekk int ma tistaqsix, int ma jkollokx risposti ta’ veru, imma sempliċement tirrepeti dak li qallek ħaddieħor. Dan huwa wieħed mir-riskji tagħna l-Insara. Allura mbagħad bil-mod il-mod jibda dak li nsejħulu d-‘diżaffett’: ma nibqgħux marbutin mal-fidi tagħna, ma nibqgħux inħobbu dak li aħna nemmnu. Araw ftit x’ġara jew x’inhu jiġri fil-Covid. Bil-mod il-mod nibdew nitbiegħdu, lanqas nindunaw kif. Għax xi ħaġa li ma tħobbhiex, xi ħaġa li mhix tiegħek, tibda titbiegħed minnha, ma tibqax importanti għalik fil-ħajja tiegħek.
Imma minbarra din il-kwalità importanti li kellu Sant Wistin, kellu kwalità oħra, u anki hawn inħoss li jista’ jgħallimna ħafna: il-kwalità tal-flessibbiltà tiegħu, il-kapaċità li jgħaddi minn tagħlim għall-ieħor, li jinduna illi t-tagħlim ta’ qabel ma kienx tajjeb daqs it-tagħlim li għandu issa; it-tagħlim li tgħallem wara kien aħjar minn dak ta’ qabel. Din hi l-kapaċità li jbaxxi rasu għall-verità kull darba li jifhimha iżjed, din il-kapaċità li kellu Sant Wistin li jkun flessibbli f’qalbu u f’moħħu, li ma jkunx riġidu u jkun kapaċi jilqa’ l-verità tiġi minn fejn tiġi.
Din hija kwalità oħra importanti għalina l-bnedmin u għalina l-Insara. Għax jekk aħna ma nkunux flessibbli, jekk aħna ma nkunux kapaċi ngħawġu l-moħħ u l-qalb tagħna għat-tagħlim illi kontinwament niskopru anki fl-istess fidi Nisranija, jiġrilna li nibqgħu bit-tagħlim tal-Katekiżmu. Jiġrilna illi nibqgħu Insara nostalġiċi, ta’ qabel is-sagramenti, ta’ qabel it-Tqarbina u ta’ qabel il-Griżma. Nibqgħu bl-ideat staġnati fis-sensi riġidi ta’ moħħna. U kulma jiġi u jkun differenti, narawh libertà żejda, narawh modern iżżejjed, narawh illi ma jaqbilx ma’ dak li tgħallimna aħna. Imma fil-fatt inkunu qegħdin niddefendu ruħna mill-inċertezzi li joħolqilna l-ġdid li qegħdin nitgħallmu.
Ejjew nitolbuh lil Santu Wistin, hu li kien bniedem tassew kbir, hu li għadda minn diversi esperjenzi f’ħajtu, biex jagħtina dan id-don l-ieħor importanti, tal-flessibbiltà fil-qalb, il-flessibbiltà intellettwali u emottiva.
Imma hemm kwalità oħra f’Santu Wistin illi ma nistax nieqaf minn din ir-riflessjoni qabel ma nsemmiha. Hija d-doċilità tiegħu quddiem il-Kelma ta’ Alla: kemm kien kapaċi jħalli l-Kelma ta’ Alla li jisma’ tinfluwenzalu lil ħajtu, tikkundizzjonalu lil ħajtu, jew aħjar, tifformalu lil ħajtu.
Kemm nisma’ l-Kelma ta’ Alla jien! Dalgħodu stess: il-Brevjar, il-Qari, il-quddies li nqaddes… Kemm nisma’ l-Kelma ta’ Alla! Imma kemm inħalli l-Kelma ta’ Alla tiffurmali lil moħħi, lil qalbi u fuq kollox l-għażliet tiegħi?
Santu Wistin hawnhekk kien verament kopja ta’ Sant’Anton Abbati. Santu Wistin kien iħalli l-Kelma ta’ Alla tinfluwenzalu ħajtu. L-Ittri ta’ San Pawl, hu u jaqrahom, kienu jbiddlulu mhux biss l-intelliġenza tiegħu, mhux biss l-iskeda mentali tiegħu, imma wkoll l-affettività u l-għażliet tiegħu, id-deċiżjonijiet tiegħu. Hu qraha b’tant dettall l-istess ħajja ta’ Sant’Anton Abbati, li kien jgħix biss ftit żmien qablu; miet proprju meta Santu Wistin kien għadu żgħir.
Anki din l-istorja kienet tinfluwenzah tant u kien jagħmel din il-mistoqsija: kif Sant’Anton ħalla l-qari ta’ vanġelu wieħed jibdillu ħajtu? Kemm għamel eseġesi, kemm għamel studju profond tal-Kelma ta’ Alla Santu Wistin! Kemm kien jafha bl-amment il-Kelma ta’ Alla! Kemm kien jgħidha l-Kelma ta’ Alla waqt li jitkellem, mhux biss fil-prietki, imma waqt li jitkellem fil-komunikazzjoni ordinarja tiegħu, għax kienet saret ħaġa waħda miegħu, ħaġa waħda fih, ħaġa waħda ma’ qalbu, ħaġa waħda ma’ lsienu!
Ejjew nitolbuh lill-Mulej dawn it-tliet doni llum bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis kbir: il-kapaċità li nfittxu, id-don illi nistaqsu, id-don li ma nibżgħux mill-inċertezzi li joħolqulna l-kriżijiet tal-fidi, għax huma dawn id-dubji tal-fidi li jagħtuna ċ-ċertezza. Ejjew nitolbuh id-don l-ieħor tal-flessibbilità, illi nħallu t-tagħlim il-ġdid tal-fidi Nisranija li niskopru fil-ħajja tagħna jinfluwenzana tassew f’ħajjitna. Ejjew nitolbuh fuq kollox id-don tad-doċilità, il-kapaċità li nitgħallmu mhux biss b’moħħna imma bil-persuna sħiħa tagħna, kif kien jisma’ l-Kelma ta’ Alla Santu Wistin, mhux biss jgħidha, mhux biss jikkomunikaha, imma fuq kollox jgħixha.
