New York. Lejn il-ftuħ tal-iskejjel tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

L-Arċidjoċesi ta’ New York, fl-Istati Uniti, hi bil-ħsieb li l-istudenti jerġgħu lura fl-iskejjel tal-Knisja bi programm akkademiku b’saħħtu, għalkemm mhumiex nieqsin il-kontroversji dwar l-ilbies tal-maskri u t-tilqim obbligatorju.

Fis-sajf, l-iskejjel Kattoliċi fl-Arċidjoċesi ħejjew ruħhom għal ftuħ bla periklu f’Settembru u kellhom laqgħat mal-awtoritajiet tas-saħħa tal-istat, speċjalment dwar il-varjant Delta. F’Awwissu l-Arċidjoċesi qassmet manwal bil-proċeduri aġġornati bħal kemm għandha tkun id-distanza soċjali fil-klassijiet, l-indafa tal-idejn, it-teħid mandatorju tat-temperatura, kwestjonarju għall-ġenituri u maskri għal kulmin jidħol fl-iskola. Dan għax il-varjant Delta għolla r-rata tal-mard.

Id-dilemma li hemm issa għall-iskejjel hi li t-tfal ġew lura minn sajf tajjeb ħafna. It-tfal ma kinux ‘carriers’ għall-varjanti li kien hemm qabel tal-COVID imma huma ‘carriers’ għat-trasmissjoni tal-varjant Delta. Xi skejjel kellhom iktar tfal li ħadu l-varjant Delta f’din l-aħħar ġimgħa milli fissena skolastika li għaddiet.

Xi Isqfijiet tal-Arċidjoċesi jemmnu li kulħadd għandu jieħu t-tilqima. Ma jridux li l-Knisja tkun b’xi mod involuta f’eżenzjonijiet li jwasslu biex il-Knisja tkun ħatja ta’ ħsara lill-komunità. Imma min għandu xi biżgħa għal saħħtu jew għandu objezzjoni morali dwar it-tilqima, m’għandux ikun imġiegħel jieħu t-tilqima. S’issa t-tilqim għall-Covid-19 fi New York għadu mhux obbligatorju għal tfal sa 12-il-sena.

Kelliem għall-Arċidjoċesi ta’ New York qal li l-pandemija żiedet id-dgħufija tagħna, imma għenet ukoll biex toħroġ is-saħħa tagħna, meta wieħed jirrifletti dwar il-kuraġġ u l-qawwa ta’ għalliema Kattoliċi li żammew l-iskejjel miftuħin u qiegħdu l-ewwel il-bħżonnijiet tat-tfal.

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.