Il-Panariello

Print Friendly, PDF & Email

 Il-pandemija tal-Coronavirus kixfet il-ħafna tajjeb li hemm fil-bniedem.

F’dan iż-żmien ta’ diffikulta’ sirna nafu bil-ħidma ta’ fraternità li dehret fil-mejda tal-ikel li fost oħrajn jagħmlu l-Franġiskani għal min ikun fil-bżonn. Ibda mill-Franġiskani ta’ Assisi sal-patrijiet tal-Belt Valletta.

Għax il-pandemija tal-Coronavirus kixfet il-ħafna tajjeb li hemm fil-bniedem. Allura f’dan iż-żmien tal-Coronavirus, reġa’ tfaċċa l-panariello. X’ikun dan?

Il-panariello hi dik il-qoffa li fiha jżommu n-numri tat-tombla li jużaw f’Napli. Wieħed mill-indovinelli (ħaġa moħġaġa) Naplitani jgħid: Tengo nu panariello chino é cunfettielle. ’A sera c’é metto e ’a matina nun c’é trovo. “Għandi qoffa żgħira, mimlija ħelu. Filgħaxija nqegħdihom fiha, u filgħodu ma nsibhomx.”

Matul din il-pandemija, rajna mad-dinja kollha, u anke f’Malta tagħna, għadd infinit ta’ atti ta’ ġenerożità: min ħejja l-ikel għat-tobba, għall-istaff mediku u paramediku, min beda jagħmel il-maskri protettivi, min ta flejjes kbar u żgħar għat-tmexxija talisptarijiet u ċentri tal-kura, min offra xi tip ta’ divertiment, min iddeċieda li jirritorna fl-isptarijiet meta kien diġà irtirat bil-pensjoni.

Il-Knisja f’Malta offriet is-Seminarju u l-Ġiżwiti offrew Mount St Joseph għall-health carers… impossibbli ssemmi kollox. Fl-Italja, l-awtoritajiet tas-sanità pubblika talbu għall-500 tabib u 300 infermier. Irrisposta kienet kommoventi: applikaw 8,000 tabib u 10,000 infermier. U skont studju li sar fid-Danimarka, kiber ħafna l-għatx għat-talb. Kif jgħid Renato Zero f’waħda mill-kanzunetti tiegħu, “Nessuna notte è infinita.” Iż-żmien tad-dlam u l-lejl mhumiex għal dejjem.

Minkejja kollox, irid ikollna t-tama li d-dawl għad ifeġġ ukoll. Għalina dan id-dawl huwa Ġesù Krisatu. Minn dan il-panariello daħlet drawwa antika fl-istess belt fejn, l-aktar fi żmien il-għaks, kienu jdendlu qoffa mill-gallarija biex min jista’ joffri u jħalli xi ħaġa u min ikollu bżonn, jieħu minn dak li jkun hemm. Matul il-ġimgħat ta’ pandemija dawn il-qfief reġgħu dehru f’xi toroq imwarrba ta’ Napli, u marbuta magħhom, kien hemm karta bil-kliem: Chi può, metta; chi non può, prenda – min jista’ jqiegħed; min ma jistax jieħu.

Kemm hi sabiħa l-fraternità, suġġett li l-Papa Franġisku ddedika enċiklika, ittra importanti bil-ħsieb li jkun hawn ħbiberija fraterna bejn il-bnedmin, ukoll meta ma naqblux bejnietna, bħas-Sammaritan it-tajjeb li l-Papa jistedinna biex insiru nixbhuh. Mhux li kien li d-dinja, nieqsa mit-taqsim ġust tal-ikel, nieqsa mit-trattament uman ta’ ħafna popli, u allura nieqsa mill-paċi, tisma’ mill-pariri tal-Papa.

(Addattata mill-ġurnalin tal-MUSEUM ‘Il-Paċi Magħkom)

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.