Mara li ġabet ħafna mħabba madwarha

Print Friendly, PDF & Email

Il-politiku ta’ l-Amerika ta’ Fuq Brigham Young darba qal hekk: Eduka raġel u teduka raġel. Eduka mara u teduka ġenerazzjoni.

Din il-kwotazzjoni mill-aktar sabiħa u profonda tfakkarni fil-mara straordinarja, għax kienet ordinarja u siekta għall-aħħar, l-għażiża Margaret Triganza, li marret tiltaqa’ mal-Mulej nhar il-31 ta’ Lulju 2021 fl-età ta’ 70 sena. Għalkemm lil Margaret ma kontx nafha personalment biss żewġha u ħabib tiegħi, Dione, tani profil mill-isbaħ fuq ħajjitha.

L-ewwel nett, Margaret kienet speċjali għax kienet mara iddedikata għall-familja tagħha. Żewġha Dione u uliedha, Duncan u Vanessa, dejjem sabuha hemm għalihom. Il-preżenza siekta u mimlija mħabba, smiegħ u ħlewwa tagħha, kienet bħall-blata li saħħet fuq li saħħet din il-familja sabiħa u armonjuża. Dan jistgħu jixhduh ukoll Charmaine, il-mara ta’ Duncan u Nicholas, il-partner ta’ Vanessa, li anki għalihom Margaret kellha mħabba kbira daqslikieku kienu uliedha stess.

Margaret kienet il-maħbuba ta’ żewġha Dione. Kemm kienet miftuħa għall-imħabba tiegħu! Mhux ta’ b’xejn li fis-santa tat-tifkira tagħha jiktbilha din l-istrofa f’poeżija li ddedikalha: Inħobbk Margaret, inħobbok,/ U lest li nagħmel kollox għalik/ lejl u nhar naħseb u nhewden/ lejl u nhar naħseb biss fik.

X’tagħlima Margaret tagħti għal min hu f’relazzjoni u jħalli lix-xogħol jisraq, naqra naqra, il-post ewlieni li għandu jkollha l-intimità tal-koppja! Importanti l-flus u xi kapriċċ ‘l hemm u ‘l hawn. Għax fil-ħajja kollox jrid ikun. Imma l-imħabba tal-koppja għandha tkun is-sinsla ta’ kull relazzjoni. U, biex dan iseħħ, irridu naħdmu fuq li naħdmu għaliha tabilħaqq. L-intimità tal-koppja ma taqax mis-sema. Irridu nkunu b’saħħitna ħa jkollna ħin ta’ kwalità tajba bejnietna bħala koppja. Il-koppja trid titgħallem titfissed u tirċievi l-kumplimenti tar-raġel u tal-mara mingħand xulxin. Il-koppja l-ewwel tilqa’ b’rigal lil xulxin u mbagħad, kull rigal ieħor li tilqa’ hu tfakkira tal-aqwa għotja lil xulxin tal-persuni nfushom.

Margaret kienet ħabiba tal-qalb ta’ Miriam Magro tant li kienet tqisha b’oħtha. Xi ġmiel meta ngħożżu d-don tal-ħbiberija! Il-kittieb u l-kummentatur tal-aħbarijiet ta’ l-Amerika ta’ Fuq, Walter Winchell, kien jgħid: Ħabib tassew hu dak li jidħol ġewwa meta l-bqija tad-dinja titlaq ‘il barra. Ħabib u ħabiba ta’ veru jingħarfu mill-FEDELTÀ tiegħu u tagħha għall-ħabib u l-ħabiba tiegħu u tagħha. Il-fedeltà twassalhom jħobbu u jirrispettaw lil xulxin fir-risq it-tajjeb u fil-ħażin fis-saħħa u fil-mard.

Xi ħaġa oħra sabiħa ħafna li kellha Margaret kienet li tikkuntenta ruħha b’affarijiet żgħar magħmulin lilha bi mħabba kbira. Kemm għandna bżonn niskopru dan id-don ferm importanti f’ħajjitna! Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tħobb tgħid: Mhux ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu ħwejjeġ kbar. Imma nistgħu nwettqu affarijiet żgħar bi mħabba kbira.

Imbagħad, Margaret kienet mara li taf tapprezza u tkun grata. Kemm kienet grata lejn binha Duncan u martu Charmaine għas-safar li wettqu flimkien ma’ żewġha Dione bħala familja! Kemm kienet grata lejn bintha Vanessa u l-partner Nicholas għall-mawriet f’Għawdex li għamlu flimkien ma’ żewġha Dione! Hu sabiħ tassew meta l-familja tkun taf tirrikreja ruħha flimkien l-għaliex b’hekk iseħħilha tikber u tissaħħaħ!

Il-fidi Nisranija għenet bis-sħiħ lil Margaret biex tikber f’dawn il-kwalitajiet sbieħ umani.  Is-smiegħ tal-quddies u t-tisħib tagħha fis-sagramenti mqaddsa, it-talb u, b’mod speċjali, fl-imħabba kbira tagħha lejn Ommna Marija Kewkba tal-Baħar, Stella Maris, għenuha tkun Nisranija konvinta mill-fidi tagħha. F’Ommna Marija Margaret sabet il-Kewkba li kienet tmexxieha fil-vjaġġ kemm ta’ ħajjitha u anki dak tal-familja tagħha.

F’dan il-waqt ma nistax ma nsemmix dak li kien kiteb San Bernard dwar il-fatt li Marija, jekk nitolbuha, għandha l-qawwa tikkalma l-maltempati f’ħajjitna. Hekk jikteb għaliha San Bernard: Jekk l-irwiefen tat-tentazzjoni jikbru, jekk int meħud fuq il-blat tal-inkwiet ħares lejn il-kewkba. Sejjaħ lil Marija. Jekk int mħabbat mill-imwieġ tas-suppervja, tal-ambizzjoni, tal-għira, tal-pika, ħares lejn il-kewkba. Sejjaħ lil Marija. Jekk ir-rabja, jew ix-xeħħa, jew il-pjaċir tal-ġisem jattakka bil-qawwa d-dgħajsa fraġli ta’ ruħek, ħares lejn il-kewkba. Sejjaħ lil Marija. Hemm mod isbaħ milli nistgħu nsejħu lil Marija mir-Rużarju mqaddes ta’ kuljum? Ħa nsejħulha mela bir-Rużarju, jum wara jum, ħa ngħixu fil-paċi bħalma kienet tagħmel oħtna Margaret!

Fl-aħħar nett hemm tagħlima oħra li din oħtna tgħallimna b’ħajjitha: naħfru! Mhux ta’ b’xejn li ċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjitha saret eżattament nhar it-2 ta’ Awwissu 2021, Festa tal-Maħfra t’Assisi. Meta żar il-Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli, il-Porzjunkola, nhar l-4 t’Awwissu 2016, fit-tmien ċentinarju tal-Maħfra t’Assisi, Papa Franġisku immedita hekk:

Ukoll, ma ninsewx: naħfru dejjem. Dejjem! Aħfer minn qalbek u, jekk tista’, ersaq viċin lejn l-ieħor. Aħfer. Għax jekk naħfru l-Mulej jaħfrilna. U aħna ilkoll fil-bżonn tal-maħfra … Hawn xi ħadd hawnhekk mhux fil-bżonn tal-maħfra? … Ogħllu jdejkom! … Ilkoll għandna bżonnha!

Margaret kien tħobb ħafna lill-kantant magħruf Taljan Albano. Fil-kanzunetta mill-isbaħ tiegħu u li kien kanta fi dwett ma’ martu Romina, Libertà, Albano jkantalha hekk lil libertà: Io vivrò per te! (Jien ngħix għalik!). Għal din il-libertà ta’ Kristu li Margaret għexet! Għaliha tat ħajjitha! U biha hi ġabet ħafna mħabba madwarha!

Għażiża Margaret, filwaqt li nibqgħu nitolbu għalik u int titlob għalina, niżżuk ħajr ta’ dak kollu li għamilt għalina! Ħa nibqgħu nfakkruk, fost l-oħrajn, bil-kanzunetta ferm ħelwa mill-grupp Ingliż pop Honeybus, li fl-1968 tana dan il-kliem wisq sabiħ minn Pete Dello, membru tal-grupp, I Can’t Let Maggie Go. Strieħ fil-paċi għażiża Maggie!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading