Il-quddies ħdejn dawk li jkunu fil-kju għall-ħajja ta’ dejjem

Print Friendly, PDF & Email

Waħda mill-aktar ħwejjeġ li tabilħaqq tolqotni bħala bniedem, nisrani, patri u pazjent tal-onkoloġija hi meta jkolli l-grazzja nqaddes il-quddies ħdejn persuni li jkunu fil-kju għall-ħajja ta’ dejjem. Nista’ ngħid li kull quddiesa hi storja fiha nnifisha.

Mal-medda tal-jiem, ix-xhur u, bil-mod il-mod, nazzarda ngħid ukoll is-snin, quddiesa ħdejn xi ħadd li jkun qed imut hi dejjem quddiesa speċjali. U dan hu hekk għal diversi raġunijiet. Jeżiżtu aspetti li lili jolqtuni. L-ewwel, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo m’hemmx xi sala partikulari fejn fiha ma jkollniex xi pazjenti li jħalluna. Anzi! Il-mewt, jew kif hawn min isejħilha ukoll bl-isem komuni tagħha Ċensa, m’għandhiex kwiet. Tiha tiġri mal-isptar kollu u tagħtiha xejn aktar. U, dejjem tara fejn se titfa’ riġlejha. Għalhekk, kulfejn ikun hemm ċans li ssir quddiesa ħdejn xi ħadd li qed imut, dejjem meta possibbli u bil-kunsens sħiħ tal-persuna u tal-familjari, dejjem tħalli l-frott.

It-tieni, il-quddiesa iġġib magħha serħan kbir. Meta fil-kamra tal-persuna li tkun qed tħalli din id-dinja jkun hemm iċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija innutajt li jkun hemm spirtu ta’ kalma kbira. Fiċ-Ċentru l-imwejjed bir-roti ta’ mas-sodod ta’ kull pazjent huma eċċellenti biex tista’ titqaddes il-quddiesa. Ma ninsewx li l-quddiesa, minnha nnifisha, hi ikla. U ikla intima ħafna. Hi ħafna u ħafna aktar minn sempliċiment ikla bejn il-ħbieb. Mill-esperjenza tiegħi mal-pazjenti, mal-familjari u mal-membri tal-istaff nista’ ngħid li hi l-ikla tal- u mal-Ħabib tal-ħbieb. Barra minhekk, il-mistiedna kollha tal-ikla huma speċjali. Mhux għax jistħoqqilhom tafux! L-għaliex, qabel nirċievu l-Ġisem u d-Demm tal-Ħabib tal-ħbieb, ilkoll nistqarru b’leħen sod: Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi iżda għid kelma u ruħi tkun imfejqa.

Li jagħmilna speċjali bħala l-mistednin għal din l-Ikla tal-Ħabib tal-ħbieb hu l-għaliex stedinna Hu. U meta xi ħaġa jagħmilha Hu għid li hi tajba żgur! Mija fil-mija! Anki jekk moħħi, għax midneb u jiġġudika, jgħid: Dan kif stieden lil dan? U lil din għal din l-ikla? Ħija, oħti, int qatt staqsejt, qabel xejn, lilek innifsek, din il-mistoqsija: Mulej, kif stidint lili biex nirċevik? Daqskemm naħseb li jien aħjar minn dak jew dik? Daqskemm nidher uffiċjalment matur u matura għax studjajt xi ħaġa? Jew għax fdawli naqra tar-responsabbiltà f’idejja aqta’ kif telgħetli għal rasi? Dan kif tagħżel lili li naħseb li jien aħjar minn kulħadd? Għax il-kriterji tiegħi dojoq issemmix għal min irrid u għal min ma nġerraħx pinġut u pinġuta imma għalija m’hemmx kriterji għax jien tajjeb u tajba? Jien l-intelliġenti?

It-tielet, meta issir quddiesa ħdejn xi ħadd li qiegħed u qiegħdha fil-kju għall-ħajja ta’ dejjem nara l-grazzja li n-nies aktar jibdew jinfetħu. Aktar u aktar meta nagħmlu t-talb tal-ġemgħa. Kemm ġieli bqajt tassew immeraviljat bil-kawlità ta’ talb li joħroġ minn dawk li jkunu preżenti għall-quddiesa. Ġeneralment, it-talb dejjem ikun ikkonċentrat fuq il-morda. U tifhimha! Jekk ikollhom il-maħbubin tagħhom kważi jħarħru mhux bilfors li l-ewwel kategorija li tiġihom f’moħħhom huma dawn ħutna?

Minn dan il-fatt nasal ngħid li ċ-Ċentru tal-Onkoloġija, anki jekk hu post ta’ tbatija kbira kemm għall-pazjenti u anki għall-familjari u għall-istaff ukoll, iservi bħala edukazzjoni fl-attenzjoni u l-għożża ta’ ħutna l-morda u l-familjari tagħhom. Kemm irridu ninvestu fuq li ninvestu f’aktar ħin mal-pazjenti u l-għeżież tagħhom! It-tnejn li huma għandhom bżonn kbir li jiġu akkumpanjati. Għax it-tnejn qed iġorru piż kbir. Bl-istess mod jista’ jingħad għal ħutna l-membri tal-istaff li jaraw ħafna sitwazzjonijiet iebsa u li żgur li jħallulhom impatt f’ħajjithom.

U hawnhekk ma rridux lanqas ninsew aspett ieħor importanti fil-quddiesa, il-konsagrazzjoni. Kemm il-pazjenti u l-qraba jitfarrġu meta jkunu jafu li tpoġġew fuq il-mejda tas-sagrifiċċju, mal-ħobż u l-inbid. Hekk, malli dak il-ħobż jsir il-Ġisem u l-Inbid isir id-Demm ta’ Ġesù, huma jkunu minn tal-ewwel li jibbenefikaw mill-preżenza fejqana ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Mqaddsa.

Mument ieħor li narah li jħalli mpatt kbir fil-ħajja ta’ min ikun preżenti għall-Ewkaristija li titqaddes ħdejn persuni li jkunu bdew il-mixja tal-agunija tagħhom hu l-għoti tal-paċi. Anki jekk il-waqt tal-agunija hu iebes biss meta s-saċerdot jgħid: Agħtu l-paċi lil xulxin! kemm-il darba innutajt lill-familjari jagħtu l-paċi lil għażiż u l-għażiża tagħhom li jkunu wasslu f’tarf il-ħajja. Ħafna drabi jagħtuhom tgħanniqa u bewsa. Xi ġmiel! X’hemm isbaħ milli tingħata l-paċi permezz tat-tgħanniqa u l-bewsa li hi l-barka tal-familja! Għax Kristu, bħala Alla u bniedem, mhux f’familja jgħix għal dejjem? Jiġifieri, fil-familja Trinitarja tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu? Mhux f’familja ġie mnissel, trabba u għex fuq din l-art, dik ta’ Marija u Ġużeppi? U għex fostna mhux fil-familja mal-appostli tiegħu? Mhux familja kienu bejniethom?

U l-familja x’jgħaqqadha? L-imħabba! L-imħabba li, fl-Ewkaristija Mqaddsa, issir l-istess Ġisem u Demm ta’ Kristu l-Mulej! X’konfort għall-pazjenti u għall-familjari tagħhom meta jiġu mqarrbna b’dik il-biċċa ċkejkna tal-Ewkaristija! U, fiċ-ċirkustanzi tal-covid-19, biex żgur ma jinxteridx il-virus, x’sens kbir jagħmel li jkunu l-familjari stess li jqarrbnuhom minn id is-saċerdot! Hemm rigal aktar għażiż u kbir minn dan: li l-familjari stess jagħtuhom lil Ġesù, veru Alla u veru bniedem, fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajjithom?

Xi qdusija iġġib magħha l-quddiesa li titqaddes ħdejn dawk li jkunu fil-kju għall-ħajja ta’ dejjem!

Patri Mario Attard OFM Cap