Tagħlimiet mill-Għid 2021

Print Friendly, PDF & Email

L-Għid tal-2021 ġie u mar ukoll. Bħalma kull ħaġa f’ħajjitna isseħħ u tgħib qisha qatt ma tkun eżiżtiet.

Bħalma ħafna jafu, qattajt it-Tridu tal-Għid 2021 fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, li bir-raġun kollu nħobb insejħilha “t-tieni dar tiegħi”. Nista’ ngħid li dan l-Għid kien wieħed speċjali għalija. B’differenza mis-sena l-oħra, fejn konna għadna fil-bidu tal-pandemija u fejn, prattikament, kont ġdid fjamant f’dan il-post ta’ tant tbatija, din is-sena l-Ispirtu s-Santu donnu aktar ħejjieni għal dak li kellu jseħħ. Esperjenza ta’ sena tgħallem mhux ftit hux!

Veru! Dan l-Għid qattajnieh mingħajr il-grazzja li niċċelebrawh flimkien bħala familja ta’ fidi. U din kienet qasma ta’ qalb għalina ilkoll. Minħabba l-pandemija l-funzjonijiet liturġiċi saru fil-magħluq. U allura n-nuqqas ta’ dak is-sens ta’ komunità maqgħuda li tiċċelebra flimkien rejaltà daqshekk qawwija ħassejnieh ilkoll. Bħalma ħassejtu jien fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija li, għal sena oħra, għadni ma nafx xi tfisser li tiċċelebra l-Għid fil-Kappella bħala komunità ospitaliera.

Madankollu, f’dan l-Għid partikulari, il-Mulej xorta waħda għallimni għadd ta’ tagħlimiet li pastoralment huma importantissmi. L-ewwel, għalkemm l-Ewkaristija ma saritx man-nies iżda xorta kelli l-grazzja li nżur lill-persuni li qed ibatu. Tiskanta kemm meta iżżur persuna li tkun għaddejja minn ħafna tbatija dik l-istess viżta tkun l-aqwa talba fiha nnifisha! Għax il-preżenza tal-kappillan tkun qed tfakkar lill-persuna li anki fis-sitwazzjoni tagħha, imwegħra kemm hi mwergħra, u iebsa kemm hi iebsa, il-Mulej għadu qed iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li jżur u jifdi l-poplu tiegħu (Lq 1:68). U dan jagħmlu l-għaliex jimpurtah minn uliedu! Qalbu toħroġ għalihom! Għax dan il-Missier jekk ibnu jitolbu ħuta kif minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun (Lq 11:11-12)? Jista’ jagħmilha ħaġa bħal din? Mhux ovvja li dan il-Missier, li hu l-Missier tal-missirijiet, mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu (Lq 11:13)?

U xi spirtu hu li jagħtihom lill-uliedu muġugħa, morda u għaddejjin minn ħallel u mwieġ daqshekk kbar ta’ tbatija mill-eħrex għalkemm siekta? Ħa nħallu lill-Appostlu jfakkarna hu u jagħtina aktar ħjiel dwar min hu dan l-Ispirtu u x’kapaċi jagħmel f’min jiftaħlu qalbu u qalbha! Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu, joktor fina l-faraġ. In-niket tagħna jservi għall-faraġ u s-salvazzjoni tagħkom; u jekk nitfarrġu, dan iservi għall-faraġ tagħkom, li jaħdem fikom biex ikollkom il-qawwa tissaportu s-sofferenzi li nissaportu aħna wkoll. B’hekk, it-tama tagħna fikom hi dejjem qawwija, għax aħna nafu li, kif intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu l-faraġ tagħna (2 Kor 1:3-7).

Il-faraġ tal-Missier għalina m’huwa ħadd għajr l-Ispirtu s-Santu innifsu! Fuq il-kelma ta’ Ġesù stess li qalilna: U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem (Ġw 14:16). U veru li dan id-Difensur hu l-Konsolatur! L-għaliex meta jiġi msejjaħ fit-talb tabilħaqq li jagħmel xogħlu! U jagħmlu sewwa bl-għeruq u x-xniexel! L-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu tal-faraġ u tal-fidi. Meta ninfetħu għalih għandu l-qawwa li jwessa’ lil qalbna, jgħinna nidħlu fiż-żarbuna ta’ ħaddieħor u nibdew inħossu mal-persuna nnifisha. Għalhekk, dan l-Ispirtu, li kapaċi jfarraġ, għandu l-ħila wkoll li jgħaqqad flimkien lil dawk li jkunu qed ibatu. Tant li, it-tnejn li huma, mill-faraġ solidali li jagħtihom l-istess Spirtu jseħħlu jġibhom familja waħda!

Kemm isir ġid meta qalb tinfetaħ għall-oħra! Int ħu t-Trinità fiha innifsha? X’għandek jekk mhux Tlett iqlub f’Qalb waħda? It-Tlett iqlub tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma eternament miftuħa għal xulxin, fil-grad mingħajr grad ta’ faraġ solidali. U, dawn it-Tlett iqlub mhumiex aktar qlub li jfendu għal rashom. Imma l-istess faraġ mimli mħabba ġabhom Qalb waħda tħabbat bl-imħabba u l-ħniena li la għandha bidu u lanqas tmiem. Jeżiżti faraġ isbaħ minn dan? Żgur li le!

U dan il-faraġ li bdejna nduqu fiċ-Ċentru, hekk kif il-Mulej ħadni fis-swali kollha tiegħu, seħħlu jqabbad il-fjamma tas-sejħan tal-Isem il-Qaddis, Isem il-Mulej. L-Isem li hu fuq kull Isem. B’rispett assolut għar-regoli tal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-Knisja għal dawn iż-żminijiet partikulari ta’ pandemija kemm sar talb! U, aktar ma ntalab dan it-talb aktar il-fjamma tat-tama issuktat tixgħel ħa tagħmlilna kuraġġ biex nissuktaw il-mixja tagħna. Is-sabiħa hi li ħadd ma beda jippostponi l-ferħ għal meta l-affarijiet, xi darba, jiġu lura għan-normal. Rajna li ħaġa bħal din hi bluha fil-veru sens tal-kelma. Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija jgħallmek li l-ħajja hi ISSA! Quddiemek! Mela, għixha! Tagħtihiex bis-sieq! Għax lilha għandek! U jekk titlef lilha x’ħa jibqagħlek?

Għalhekk fraħna u iċċelebrajna mingħajr ċelebrazzjonijiet. Imma kif inhu possibli dan? Possibbli għax meta nersqu lejn l-Imħabba, li hu Ġesù Kristu Sidna, bl-Ispirtu tiegħu jurina toroq li bihom nistgħu nkunu qrib xulxin fit-tlajjiet ta’ ħajjitna. Wara kollox x’tifsira għandha l-ħajja jekk mhux f’li tfakkarna li aħna barka għal xulxin għax nimxu wara Dak li qalilna: Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja (Ġw 8:12)?

U int x’tgħallimt mill-Għid 2021?

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading