Għid ieħor mhux bħal tas-soltu

Print Friendly, PDF & Email

Issa li tħabbru l-miżuri ta’ prekawzjonijiet minħabba l-pandemija tal-covid-19 qed nintebħu li dan l-Għid se jerġa’ ikun għal kollox differenti minn dawk li qattajna fis-snin l-imgħoddija. Dan l-Għid hu fula maqsuma u fotokopja ta’ dak li ċċelebrajna s-sena l-oħra.

Imma dan xi jfisser? Ifisser li fil-ħajja ħafna affarijiet, inklużi ċ-ċelebrazzjonijiet, jistgħu jinbidlu ġmielhom. Għax dik hi l-ħajja ħbieb! Filli nkunu għaddejjin b’rittmu u filli nispiċċaw f’rittmu ieħor. U ma tagħti tort lil ħadd! Fejn tidħol is-saħħa pubblika u individwali għandhom jidħlu, inkiss inkiss, interessi oħra? Is-sens komun u l-fidi tiegħi jgħiduli LE! Nifhem li kulħadd ikollu s-sensittivitajiet tiegħu imma fejn tidħol is-saħħa ilkoll irridu nkunu umli biżżejjed, jien l-ewwel wieħed, u ngħidu, b’umiltà u sottomissjoni: S’hawn! Il-linja trid tkun! Inkella fejn se nsibu ruħna?

Bħala kien qal tajjeb l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija li kien għamel nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu fil-Bażilika tat-Twelid ta’ Sidtna Marija fl-Isla, fejn ħeġġeġ li għandna nimxu mar-restrizzjonijiet biex il-covid-19 tiġi eliminata minn fostna. Dan hu att ta’ mħabba kbira. Għax l-imħabba, anki fil-limiti, taf turi ruħha! U hawnhekk ħalluni naqsam magħkom vers li l-Mulej tani grazzja li fih jgħaddili messaġġ mill-aqwa u li hu meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin: Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix [f’ħija] Kristu (Gal 2:20).Inħoss li dan il-vers, kif lagħbuli Hu, waqt li kont qed nitħaddem ma’ raġel interessantissmu li jaqra fuq li jaqra fuq it-teoloġija, għandna npoġġuh fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet tagħna dwar il-miżuri ta’ restrizzjonijiet minħabba l-covid-19. Kieku nifhem ftit li mhux jien ngħix imma Kristu, bħalma jgħix fija, jgħix f’ħija ukoll, kieku ma nirraġunax kif qed nirraġuna. Kieku nħallih jgħinni nara l-istorja kollha.

Għalhekk, dan l-Għid, li se jitfagħna ġewwa, se jkun Għid tabilħaqq speċjali. Dan l-għaliex se jkun Għid kif suppost għandu jkun: jiġifieri Għid fejn jien nidħol daħla fija nnifsi ħa nara fejn qiegħed fir-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù f’ħuti. Ibda’ minn dawk li nieħu gost fil-kumpanija tagħhom u spiċċa f’dawk li, imqar meta nara dellhom, mill-ewwel nitlob ma’ Żakkarija fil-Kantiku tal-Benedictus: Biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna (Lq 1:71). Mhux l-għaliex il-Mulej ma jismagħhiex talba bħal din meta vera nkunu qed ninħaqru minn dawk ta’ madwarna imma li anki f’dawn l-aħwa f’dan il-Għid il-Mulej se jagħtini l-grazzja li nara lilu stess fihom.

F’dan ir-rigward baqa’ jidwi fija kumment mill-isbaħ li kien għamel l-Isqof Paul Nguyen Thai Hop, Isqof Dumnikan ta’ Vinh u President tal-Kummissjoni Paċi u Ġustizzja fi ħdan il-Konferenza Episkopali Vjetnamiża fuq ix-xogħol u l-ħajja tal-Kardinal Van Thuan. Jirrakkonta l-Isqof Thai Hop: “Kont niltaqa’ miegħu meta kont professur tal-Angelicum f’Ruma. Meta wieħed jiftakar il-jiem koroh meta kien miżmum, hu ma kellu ebda mibgħeda għall-għedewwa u l-prosekuturi tiegħu. Kellu biss kliem ta’ mħabba”. Kif tista’ ma titqanqalx meta tisma’ xhieda bħal din? Tgħid, dan il-Għid, se jgħinna biex nibdew naraw lil xulxin bħala aħwa maħbuba u mhux aktar bħala kelb u qattus jiġru wara xulxin?

Barra minhekk, dan il-Għid mhux tas-soltu ħa jurina x’jagħmel l-Għid Għid. Il-mewt għall-egoiżmu tiegħi biex il-ħajja ġeneruża ta’ Ġesù, li tfittex il-ġid komuni ta’ kulħadd, tieħu fija u f’ħuti ta’ madwari. Għalhekk, il-miżuri, għal min qed jarahom mhux sempliċiment bħala impożizzjoni imma bħala għajnuna biex nibdew nitgħallmu immutu għal xulxin ħalli l-ħajja ta’ Kristu Ġesù Imqajjem minn bejn l-Imwiet tiddi fina, huma ta’ barka! Kif kien qal tajjeb l-Arċisqof Scicluna f’dik l-omelija sabiħa li kien għamel fl-Isla nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu 2021:

Tant hemm qtiegħ il-qalb li huwa l-mument li aħna nieqfu u nkunu ta’ spalla għal xulxin. Dik l-ispalla li Ġesù ġarr fuqha s-salib aħrax li fuqu miet. Aħna mhux hekk inqimuh lir-Redentur? Iġorr is-salib li tajnieh aħna. Ħin minnhom hu qal: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16:24). Dan il-kliem nafu li mhux kliem fieragħ għax hu stess għexu, hu li kien daqs Alla, “ma qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, sar bniedem, obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (ara Fil 2:6-8). U għal min? Għalija u għalik. Tiċħad lilek innifsek ifisser li tinsa l-interessi personali tiegħek individwali u tibda taħseb iżjed fil-ġid komuni.

Ejjew, f’dan il-Għid mhux tas-soltu, nibdew napprezzawha ħafna aktar dik l-ispalla ta’ Ġesù u nħalluha tkellimna! Tgħallimna! U turina kif, aħna ukoll, kull wieħed u waħda minna skont is-sejħa u r-responsabbiltà li għandu u għandha fil-ħajja, fis-soċjetà u fil-Knisja, nibqgħu nkunu ta’ spalla għal xulxin. Nifhem! Dan hu diskors twil ħafna l-għaliex iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, tas-soċjetà u tal-Knisja dejjem jinbidlu. Online qegħdin! Imma ejjew ma naqtgħux qalbna għax meta nkunu ta’ spalla għal xulxin inkunu qed nagħmlu l-isbaħ u l-aqwa priedka. Hi l-imħabba fis-skiet li ġġib il-firdiet irmied! Hemm xi ħaġa isbaħ minnhekk? Mhux b’hekk Ġesù rebaħ fuq il-mewt: bis-skiet tal-imħabba? Inħallu l-eżempju ta’ Ġesù jissokta jibdilna u jsaħħaħna fih!

Il-lista ta’ tagħlimiet minn dan l-Għid ma tispiċċa qatt basta nisimgħu lill-Ispirtu li jkellimna u ifehmna biex jibdilna fih!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: