Nimxu flimkien bħala Knisja waħda fi vjaġġ wieħed

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 17 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa fil-ftuħ tal-mixja djoċesana għas-Sinodu tal-Isqfijiet. Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, Mellieħa.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Id-dixxipli ta’ Ġesù kienu bnedmin bħalna. Ħafna drabi ninsewha din għax għalina huma kollha qaddisin,  ħlief wieħed li spiċċa naqra ħażin, u nsejħulhom San Bert u Sant’Andrija u San Pietru. Imma l-qdusija tagħhom kienet mixja. L-Evanġelju tal-lum jitkellem propju f’mument fejn tnejn minnhom jixtiequ li jkollhom post importanti fis-saltna ta’ Ġesù. Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, jinsistu miegħu: “Dak li nitolbuk irriduk tagħmilulna”  (Mk 10:35). Imma għaliex kellhom din ix-xewqa li jkunu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug ta’ Ġesù fil-glorja tiegħu? (ara Mk 10:37).

Irridu nifhmu li San Mark ipoġġi dan l-inċident propju wara żewġ kapitli li jirrakonta l-esperjenza sabiħa ta’ Ġesù li jitbiddel fil-glorja tiegħu fuq it-Tabor. Fuq il-lemin u x-xellug ikollu lil Mosè u lil Elija u bħala xhieda tal-glorja tiegħu hemm tlieta mit-tnax: Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Allura nistgħu nifhmu għaliex lil dawn iż-żewġt aħwa wlied Żebedew, li kienu xhieda tal-glorja ta’ Ġesù, ġiethom din ix-xenqa li prattikamanet jieħdu post Mosè u Elija u jkunu ma’ Ġesù fil-glorja tiegħu.

Ġesù ma jirrispondix għad-domanda tagħhom imma jagħmlilhom sfida: intom lesti tgħaddu mit-tbatija li se ngħaddi minnha jien? Hu juża żewġ tixbihat: il-kalċi li se jixrob u l-magħmudija li biha se jitgħammed (ara Mk 10:38). Għal Ġesù l-kalċi u l-magħmudija huma dejjem riferiment għall-passjoni ħarxa li kellu jgħaddi minnha. Fil-fatt, fl-Evanġelju ta’ San Mark, Ġesù nsibuh jispjegalhom tliet darbiet minn xiex kellu jgħaddi imma din id-darba jistaqsihom jekk humiex lesti jgħaddu mill-istess proċess tiegħu. Għax il-glorja mhijiex irħisa. Il-glorja mhijiex tfaqqa’ subgħajk u tasal fil-glorja. Huma jgħidulu: “Iva, għandna din il-ħila”. Naħseb hemmhekk ma kinux jafu x’inhuma jgħidu. Imma Ġesù lanqas hemmhekk ma jlumhom. “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija” (Mk 10:39-40).

Aħna ħafna drabi rridu nindaħlulu wisq lil Alla imma hemm xi ħaġa li jgħidha lil kulħadd. Wara kollox, l-għaxra l-oħra, inkluż Ġuda l-Iskarjota, kollha ngħiru xi ftit. “Mela sewwa, lil dawn qalilhom li se jkollhom post, u aħna le? Huwa sewwa li jeħdulna postna?” Min jaf kemm nagħmlu hekk aħna fil-Knisja! Kultant anke meta nara xi piki żgħar bejn il-parroċċi ngħid: “Ara naqra kemm aħna boloh!” Imma din hija xi ħaġa antika, forsi qiegħda fin-natura tagħna l-bnedmin.

Ġesù jgħidilhom: ‘Ħa ngħidilkom, l-aħwa, fil-komunità tiegħi,” għax wara kollox id-dixxipli huma aħna, il-komunità ta’ Ġesù, il-familja ta’ Ġesù, “ma rridux noqgħodu nħarsu lejn l-lmperatur”. Ġesù ma jsemmix l-imperatur b’ismu iżda jgħid “il-kapijiet tal-pagani”. Għal-Lhud il-pagani kienu r-Rumani li dak iż-żmien kienu qed jaħkmu l-Palestina. Allura qed jgħidilhom: “Toqgħodux tħarsu lejn il-qorti tal-imperatur, lejn il-qawwiet ta’ din id-dinja biex tifhmu kif irridu ngħixu flimkien”. Hu ma joqgħodx jgħidilhom x’għandhom jagħmlu, iżda: “Hekk ukoll Bin il-Bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45). Din xi ħaġa li aħna niftakruha wkoll fl-Ewkaristija, kull darba li nikkonsagraw il-ħobż u l-inbid u jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù mxerred għalina. Għaliex l-Ewkaristija hija propju l-ħajja ta’ Ġesù li tagħti l-qawwa li aħna wkoll ngħixu bħalu.

Knisja waħda, vjaġġ wieħed

Fil-Knisja huwa veru li għandna l-episkopat, u fil-fatt f’dan is-santwarju nsibu pittura b’ħafna isqfijiet lebsin il-mitra. Għandna wkoll ħafna saċerdoti, bħalma hu l-arċipriet Dun Joe Caruana, jiena bħala isqof, u l-Isqof Joe, u l-Isqof Anton fid-djoċesi ta’ Għawdex, imma l-Knisja hija lkoll kemm aħna, il-lajċi b’mod speċjali. Għaliex? Il-Papa jisħaq ħafna fuq dan it-tagħlim li ħareġ mill-Konċilju Vatikan II; laqgħa oħra kbira tal-isqfijiet li saret 60 sena ilu fil-Vatikan u kienu ltaqgħu kważi 4,000 isqof li tawna tagħlim sabiħ fuq il-Knisja. L-iżjed ħaġa importanti hija l-magħmudija: li aħna wlied il-Missier, aħwa ta’ Ġesù Kristu, tal-Iben ta’ Alla, u kkonfermati bis-siġill tal-Ispirtu s-Santu.

… imma l-Knisja hija lkoll kemm aħna, il-lajċi b’mod speċjali.

Il-Papa jixtieq li fid-djoċesijiet kollha madwar id-dinja jkun hemm dan il-proċess ta’ smigħ ta’ xulxin, ta’ laqgħa bejnietna. Qed jipprova jkompli dan it-tagħlim ta’ Ġesù. Mhijiex kwistjoni ta’ min hu fuq u min hu isfel, għaliex aħna qed nimxu flimkien. Ir-ragħaj irid ikun quddiem il-merħla biex jagħtiha direzzjoni, irid ikun fost il-merħla biex jisma’ t-taħbit ta’qalbha u jrid ikun wara l-merħla mhux biss biex jgħin lil min qed jogħtor, ma jintilef ħadd, imma anke għaliex il-Papa jgħid li kultant il-merħla jkollha ix-xamma tajba ta’ fejn irridu mmorru.

Għalhekk, hu importanti li r-ragħaj jisma’ wkoll il-merħla u mhux biss jgħidilha tagħmel dak li jrid hu. Meta tkun isqof jew kappillan, inkunu verament boloh jekk naħsbu li dik hi l-aħjar triq. Huwa veru li jekk ineħħuna minn fejn inkunu trid terfa’ r-responsabbiltà. Kif jgħidu bl-Ingliż: it comes with the territory jew inkella bit-Taljan jgħidu: Hai voluto la bicicletta? Adesso pedala Trid rota? Mela aqdef, ħabib. Hekk ukoll l-isqof u l-arċipriet. U inti missier ta’ familja l-inkwiet li jiġi f’ħobbok, jiġi għax tkun applikajt għalih? Ħadd ma jmur fuq l-internet jgħid ħa napplika biex ikolli din il-marda.

Hekk ukoll il-ħajja flimkien. Kemm hi ħaġa sabiħa li nisimgħu lil xulxin. Ovvjament biex tisma’ jrid ikun hemm xi ħadd li jitkellem u inti wkoll titgħallem tiskot xi ftit. Jiena naħseb Ġesù qed jipprova jispjegalna dan anke fl-Evanġelju li smajna llum. Ma jirrabjax ma’ dawk id-dixxipli li jridu jilħqu, anzi, lil dawk li jridu jkunu l-ewwel jgħidilhom “min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10:43) u taraw kemm ma jkunx hemm min japplika. Meta tifhimha toqgħod lura, tipprova tinħeba. Imma mbagħad meta l-Mulej isejjaħlek tifhem li sejjaħlek biex tkun qaddej, biex timxi mal-poplu tiegħek, biex aħna nisimgħu ’l xulxin.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet, kif jixhed ismu, huwa laqgħa tal-isqfijiet imma l-Papa Franġisku jixtieq li biex nitħejjew għal din il-laqgħa ta’ sentejn oħra, aħna għandna nisimgħu l-Poplu ta’ Alla. Il-kelma ‘sinodu’ tfisser li ‘nimxu flimkien’. Bil-Grieg, hodos tfisser ‘triq’ u sinodos tfisser ‘triq flimkien’, mixja flimkien. Mela rridu nisimgħu ’l xulxin u mhux kulħadd għal rasu, kulħadd fin-niċċa tiegħu. Imma biex tisma’ trid tiskot u jrid ikun hemm xi ħadd min jitkellem.

… jekk ma nħallux l-ispirtu ta’ Ġesù jmexxina m’aħniex qed nagħmlu x-xogħol ta’ Ġesù imma x-xogħol tal-għadu tiegħu.

Aħna bħala Knisja lokali, kif għedt fil-bidu ta’ din il-quddiesa, nedejna dan il-proċess fl-2019 u għadu sejjer sal-lum. Minħabba l-COVID-19 ċertu laqgħat li xtaqt nagħmel ma stajniex nagħmluhom iżda għamilna diversi webinars. Jekk wieħed imur fuq il-website tal-Arċidjoċesi http://www.knisja.mt isib ukoll informazzjoni importanti ħafna fuq dan il-proċess li aħna bdejna kważi sentejn ilu. Jekk tiftakru sew kont inawgurajtu fil-grotta tal-Appostlu Missierna San Pawl fir-Rabat. Ilum ġejt għand l-Omm, għax hi l-omm li tiġbor il-familja, u trid tgħinna nkomplu. Imma tirrealizzaw ukoll, anke jekk tisimgħu dak li qed jgħid il-Papa, li aħna għall-grazzja ta’ Alla l-Mulej ispirana biex nantiċpaw ħafna mill-affarijiet sbieħ li qed jgħidilna u dak li jixtieq il-Papa. Allura nħeġġiġkom biex fil-parroċċi jkollna iktar smigħ, forsi minħabba l-COVID-19 ma stajniex nagħmlu assemblej parrokkjali fil-preżenza ta’ xulxin. Veru li fuq il-pjattaformi diġitali qed isiru diġà ħafna affarijiet imma tajjeb li nkomplu nisimgħu lil xulxin.

Xi ħaġa li nixtieq ngħid illum hi: ‘L-aħwa, ejjew infittxu ’l Ġesù Kristu’. Kultant, nibda minni nnifsi, ninħlew f’ħafna affarijiet li mhumiex Ġesù, li qed ibegħduna minn Ġesù u dawn isiru f’isem il-Knisja! Nilagħbu bil-Knisja, forsi hu kumment ftit qawwi. Imma nistaqsu lilna nfusna: kull ħaġa li ngħidu, li naħsbu u li nagħmlu, Ġesù fejn qiegħed? Għax jekk ma nħallux l-ispirtu ta’ Ġesù jmexxina m’aħniex qed nagħmlu x-xogħol ta’ Ġesù imma x-xogħol tal-għadu tiegħu. U dan huwa l-ikbar dixxerniment, l-ikbar għarfien li rridu nitolbu mill-ispirtu qaddis. Il-Papa Franġisku qal kelma qawwija: “Inutli npaċpċu u ngħidu li nisimgħu u nagħmlu ħafna laqgħat jekk ma jmexxiex l-Ispirtu s-Santu, l-ispirtu ta’ Ġesù.

Għalhekk, f’dan is-santwarju għażiż tal-Madonna tal-Mellieħa, nitlob din il-grazzja kbira mhux biss għalina f’Malta u Għawdex imma wkoll għall-Knisja kollha. Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija għall-Papa, għall-isqfijiet, għad-djoċesijiet kollha tad-dinja, il-Knisja kollha, biex dak li jrid minna l-Mulej nagħrfuh u nagħmluh.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 53:10-11
Salm: 32 (33), 4-5,18-19,20,22
Qari II: Lhud 4:14-16
Evanġelju: Mk 10:35-45

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: