Venezja … mis-sħab għall-ħajja ta’ kuljum …

Print Friendly, PDF & Email

Għat-8.30 pm inġbarna għall-ikel fir-refittorju spazjuż tal-kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Giudecca. Mad-daqqa t’għajn madwari stajt nosserva d-diversità sabiħa tal-Ordni Kapuċċin.

Fuq in-naħa tal-lemin kelli lil Anton, student mill-Belorussja. Jiena u nitħaddet miegħu stajt nifhem minn liema tbatija u inċertezza għaddejjin hu flimkien ma’ ħutu f’pajjiżu. Imbagħad, fuq in-naħa tax-xellug, kelli lil Mattia, student ieħor mill-Provinċja ta’ Milan. Faċċata tiegħi kelli erba’ studenti Kroati u, fuq in-naħa tiegħi aktar ‘il fuq, kien hemm Abramo, student Tork. Ħdejh kien hemm familja li ġiet apposta mit-Turkija biex iżżuru. Xi ħaġa tabilħaqq sabiħa u li tagħmel il-qalb! Faccata tiegħi kien hemm Francesco, Antonio, il-Vigarju tal-Provinċja Veneta u l-ħabib tiegħi Agostino. Dan Agostino hu Fra sempliċi imma għandu qalbu tad-deheb. It-tbissima siekta u ġenwina tiegħu tgħidli bosta ħwejjeġ. Ħadt gost inkellmu ftit anki jekk mistħi. It-tjubija tal-Mulej f’dan il-Fra mill-ewwel tintebaħ biha hekk kif tibda’ titħaddet miegħu. Ma rridx ninsa lanqas lil Fabio li, dik illejla, ħa f’idejh ix-xogħol li jħejji l-ikel hu għalina ilkoll.

Wara li kilna Francesco qalilna li f’dik illejla stajna, min irid, imur jagħmel passejn barra, max-xatt tal-Giudecca. X’ħin smajt b’dan aqta’ kemm ħadt pjaċir! Fl-aħħar kelli l-grazzja ngawdi Venezja, jew aħjar il-gżira ta’ Giudecca, billejl! Għalhekk, għal xi d-9.15 pm ħriġt nimxi, bil-mod il-mod, pass pass, max-xtajta. Kien hemm għadd ta’ nies li sellmuli għax rawni biċ-ċoqqa. Buona sera Padre! U jien, bħalhom, bdejt inpespsilhom ukoll: Buona Sera! Dio vi benedica! Matul il-mixja kelli xi waqfiet. Għax jien, meta noħroġ nimxi, ma noħroġx nagħmel it-taħriġ biex inkun b’saħħti u daqshekk. Fi ftit kliem, meta noħroġ għat-taħriġ ikolli taħriġ f’taħriġ. Nista’ jien, Patri, nibqa’ għaddej qisni ma rajt lil ħadd meta n-nies ikunu jridu jkellmuni? Għax jekk ngħaddas rasi u nibqa’ għaddej bħal bdabad x’Kapuċċin ikun fini? Xejn għajr qoxra tal-plastik li tarmieha għax ma tkun tajba għal xejn aktar! Issa dan mhux diskorsi tafux imma hu diskors Ġesù stess li jgħidli, bħalma jgħidlek: Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies (Mt 5:13).

Wara li għaddejt minn fuq pont żgħir żgħir imma veru ħelu, niġi ħdejn restorant. Barra kien hemm grupp żgħażagħ jitħaddtu bejniethom. Wieħed minnhom kien liebes t’isqof. X’ħin rajtu ma stajtx ma nidħakx. Kif? Żagħżugħ liebes t’isqof? Is-sabiħa hi li dan iż-żagħżugħ staqsieni jekk inix veru Patri? Dażgur ħabib li jien Patri! Ħa ngħix 28 sena oħra mal-Patrijiet biex ninduna li jien Patri, weġibtu għala San Ġilormu. Dħakna għax l-affari kienet tad-daħk. Imbagħad, bħalma jiġri dejjem, iż-żgħażagħ, meta jsibu min jagħtihom iċ-ċans li jitħaddtu se jferrgħu dak li jkollhom f’qalbhom. U, dawn iż-żgħażagħ mill-Italja ta’ Fuq aqta’ kemm bdew jitħaddtu! Ħadt gost nismagħhom. Għax huma nies maturi u li, fil-ħajja, jafu tabilħaqq jirriflettu. Tkellimna bil-miftuħ fuq ħafna affarijiet sakemm kien wasal għalija l-ħin li nissokta din l-imbierka mixjieti. Wieħed minnhom fetaħ il-kartiera u tani offerta żgħira. Qalli: Din għalik għax naf li se tużaha sewwa. Fraħt bil-kumment tiegħu. Mhux għalija tafux imma att ta’ fiduċja fis-saċerdozju u fil-ħajja ikkonsagrata li, tafu daqsi, jew aktar minni, għaddejja minn xiex għaddejja bħalissa dejjem tagħmillek kuraġġ ħa tissokta tbaħħar fix-xogħol tal-Mulej hux!

Wara li ħallejt lil dawn iż-żgħażagħ issuktajt nimxi. Irrejalizzajt li kont wasalt fil-ponta tal-Giudecca. Għalhekk, li kelli nagħmel hu li nirritorna lura bil-mod. Qbiżt hotel lussuż issemmix. Tlajt u nżilt mill-pont ta’ biswietu u, wara xi għoxrin metru, niltaqa’ ma’ koppja li kellhom kelb magħhom. Fl-Italja, l-Ispirtu s-Santu għallimni li biex inkun frate del popolo irrid nagħmel bħal Missieri u Ħija San Franġisk: inħobb u nbierek l-annimali! Għalhekk, wara li pespisna lil xulxin il-famuża Buona sera! dort lejhom u tlabthom jekk iridux iberkuh lil dan il-kelb. Iwa Patri! Bil-qalb kollha! U tridu tarawni nipprova nbierek lil dan il-kelb li, għalkemm hu mdaqqas, imma kien qisu baqqa miskin!

Ma ngħidilkomx kemm-il grazie u molto gentile! irċevejt! U ma nagħtihomx tort tafux! Għax bniedem jekk tapprezzalu dak li japprezza mhux rispett u affett se jagħtik lura? Għax, dak li jkun, fil-qalba ta’ qalbu, jgħid: Ara ftit! Apprezza dak li tant inħobb! Intant! … Wara dik ix-xita ċkejkna ta’ kumplimenti ħriġna għonqna għall-argumenti! Id-diskors beda idur u jdur. Kelma iġġib lil oħra sakemm faqqgħet il-bomba!… Mela x’bomba kienet?

X’ma kinitx ħbieb! Din il-koppja, mill-Italja ta’ Fuq, il-Mulej kien żejjinha b’tifel il-ġmiel tiegħu. Tistgħu taħsbu, ġuvni ta’ 17-il sena, mimli ħajja u ferħ! Darba minnhom, wara li kien id-dar, qal lill-ommu li kien ħiereġ ħalli jiltaqa’ ma’ sħabu. Ħareġ kieku iżda ma daħalx lura. Tistgħu taħsbu f’liema baħar ta’ niket ommu u missieru sabu ruħhom fih! Kellha tkun ommu, li kien tant iħobb, li ngħatatilha l-aħbar kerha li binha kien miet, kiesaħ u biered, b’inċident tat-traffiku. Issa dan seħħ nhar it-30 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-2021. Mela l-ġerħa tat-traġedja għadha friska!

Kemm bkiet ommu! Imnalla li konna f’biċċa pjuttost maqtugħa għax ma nafx jien min seta’ joqgħod fil-preżenza ta’ dik ix-xmara kollha niket li bdiet ħierġa minnha. Ara Patri kemm kien iħobbni! Ara kemm kien ħelu! qaltli hekk kif fetħet il-mobile tagħha u urietni r-ritratt tiegħu. Kellha tafux fuqhiex tibki u tixher. Kien ġuvni ħelu u mimli ħajja. Kellu tfajla li tħobbu tgħidx kemm. Flimkien mal-ġenituri tiegħu kienu jagħmlu familja tassew sabiħa. Imma mbagħad ġara li ġara. U l-mara-omm, b’qalba maqsuma, għamlitli l-mistoqsija l-kbira: Għaliex il-Mulej ħallieh imutli?

Kellha raġun tistaqsieha din il-mistoqsija. U nifhimha bil-bosta l-għaliex staqsietha! Kemm nistaqsieh ħwejjeġ jien? U kemm ngħidlu li kieku kont minfloku l-affarijiet kont immexxihom mod ieħor? Imma anki jien bqajt bla tweġiba. Almenu bit-tweġiba li moħħi, ta’ bniedem li lanqas jidher, jippretendi li għandu jirċievi. Ħaġa għedtilha: In-niket tiegħek hu kbir wisq. U għandek raġun tibkih fuq li tibkieh. Mill-esperjenza tiegħi meta nsaqsieh bħalma tistaqsieh int insibni nitfarraġ. Sewwa tagħmel, staqsieh! Għidlu dak li għandek tgħidlu. U mbagħad oqgħod attenta ħa tara kif jiżvolġu l-affarijiet.

Donnu din it-tweġiba tatha ftit kuraġġ. Mhux għax jien naf nagħti xi kuraġġ tafux imma illum, ta’ kważi ħamsin sena, l-Ispirtu qed jgħallimni li ma min qed ibati kulma nista’ nagħtih hu widna li tisimgħu u, jekk dejjem ikun irid, inkellmu mill-esperjenza tiegħi tat-tbatija. U mbagħad, iċ-ċirasa fuq il-kejk, li noffrilu li nitlob miegħu u magħha. Aktar minhekk emmnuni li ma nafx x’naqbad nagħmel aktar.

Wara xi siegħa u kwart nitħaddtu l-mara qaltli: Aħfirli Patri jekk ħassartlek il-vaganza b’dak li għedtlek. Għal din il-kelma weġibtha minn qalbi: Nirringrazzjak li kellimtni b’dak li għaddejt minnu. Għamiltli ħafna ġid b’dak li għedtli. Jien Patri. Ġesù u Papa Franġisku jriduni magħkom, nisma’ l-istejjer tagħkom u nitlob magħkom. Għalhekk ġejt imsejjaħ bħala Patri Kapuċċin jien. Mhux biex noqgħod imsakkar fil-kunvent komdu tal-ġebel imma biex interraq fil-kunvent skomdu tad-dinja. Hu f’dan il-kunvent li Ġesù tassew jinsab. U minnu qed isejjaħli biex naqdih!

Dan id-diskors deher li farraġha. Ovvja! Għax m’għedtux jien, minn moħħi, imma kien Kristu li jgħix fija! Mela, għalih kull unur u kull glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen! Din l-esperjenza tar-raġel u l-mara bil-kelb ħaġa waħda għallmittni ħbieb: Venezja malajr niżżlittni mis-sħab għall-ħajja ta’ kuljum!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: