Twieled il-Bambin

Print Friendly, PDF & Email

Kliem ħafif għat-tfal, fuq il-għanja ‘The First Noel’

Twieled, twieled il-Bambin!
Tennew l-anġli henjin
Lir-ragħajja ta’ Betlem
Man-nar miġburin.

Ġo lejl kiesaħ fil-widien
Kienu jħarsu l-merħliet,
Kif fid-dalma tal-lejla
Dawl xegħel is-smewwiet.

Ejjew ragħajja lkoll flimkien,
Ħallu n-nagħaġ fl-għoljiet,
Twieled fil-faqar
ir-re tar-rejjiet!

Mal-aħbar ta’ ferħ u sliem,
Ġrew lejn l-għar ferħanin,
Bla ma qajmu minn ngħashom
Lill-għonja reqdin.

U fil-ħemda ta’ l-għoljiet,
Ġo għar fqajjar fil-ksieħ,
Raw tarbija tal-Ġenna
F’maxtura mistrieħ.

O xi ħlewwa ta’ Bambin,
Sabu r-ragħajja fl-għar,
Araw il-hena
f’għajnejh iċ-ċkejknin!

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: